Il-farsa tkompli

Farsa li d-dokument ta' konsultazzjoni għall-Power Station, ġie ppubblikat il-Ħamis li għadda, jum tax-xogħol wieħed biss qabel is-seduta pubblika li se ssir mill-L-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi llum...

Carmel Cacopardo / 19 ta' Diċembru 2016 12:07
Illum wara nofsinhar, L-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi se tiltaqa’ fil-pubbliku biex tikkunsidra l-approvazzjoni ta’ tibdil fil-permess operattiv tal-impjant li jiġġenera l-elettriku f’Delimara. B’din l-emenda, tkun approvata b’mod definittiv il-qalba għall-gass tal-impjant f’Delimara.

Minn meta bdiet taħdem fi Frar li għadda, dan ser ikun l-ewwel darba li nkunu nistgħu nosservaw din l-Awtorità fil-pubbliku.

Nhar il-Ħamis li għadda, l-Awtorità, permezz ta’ uffiċjali tagħha, infurmat lil min ħa sehem fil-konsultazzjoni pubblika li ġie konkluż dokument ta’ 71 paġna li fih hemm tweġibiet għall-kummenti u l-kritika li saret. Issa drajna li l-informazzjoni importanti tkun aċċessibbli fl-aħħar minuta u f’mument li ġeneralment ma jkunx addatt, bħal fl-aħħar ġranet qabel ma nnaqqsu r-ritmu tax-xogħol qabel il-waqfien għall-festi tal-Milied. 

Id-dokument ippubblikat il-Ħamis, jum tax-xogħol wieħed biss qabel is-seduta pubblika tal-llum, nhar ta' Tnejn, hu l-uniku wieħed li fih xi veduti tal-Awtorità dwar il-permess operattv tal-impjant ta’ Delimara. Sal-ħin li ktibt dan l-artiklu, ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Ambjent dwar id-dokumentazzjoni voluminuża li hemm, kienet għadha mhux magħrufa.

Din id-dokumentazzjoni, li taqbeż il-15,000 paġna fit-tul, ma kienx possibli li tkun eżaminata kif xieraq waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika minkejja li dan il-perjodu ġie estiż.

L-opinjoni pubblika mhix inkwetata bil-qalba għall-gass. It-tħassib tal-pubbliku, minkejja l-assigurazzjonijiet tal-esperti, huwa dwar il-ħarsien mill-perikli. Dan it-tħassib jikber minħabba li parti minn dokument imħejji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili dwar pjan ta’ emerġenza f’każ ta’ inċident gravi ġie miżmum milli jkun ippubblikat u bħala konsegwenza ta’ dan ma saritx konsultazzjoni pubblika dwaru.

Kif diġà kelli l-opportunità li ngħid u nikteb drabi oħra, dan kollu jmur kontra dak li tipprovdi d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea msejħa Seveso III u li ġiey inkorporata fil-liġijiet u regolamenti Maltin li jobbligaw lid-Dipartiment tal-Protezzjoni  Ċivili li jikkonsulta dwar il-pjani ta’ emergenza sa mill-mument  li jkunu qed jiġu mfasslin.

Dan hu dover li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma wettqux. Dwar dan, għandha l-obbligu l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi wkoll li bħala r-regolatur li fl-aħħar toħrog il-permess. Imma s’issa l-anqas hi għad ma għamlet xejn.

Għax kif tista waqt konsultazzjoni pubblika issemma’ leħnek dwar dokument li ma tafx x’fih, għax inżamm sigriet? Dawn huma affarijiet li naraw biss waqt xi farsa.

Sadanittant, il-farsa tkompli... illum wara nofsinhar

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected], http://carmelcacopardo.wordpress.com