Persons of (mis)trust

L-Editorjal tal-ILLUM

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Diċembru 2016 15:21
Agħti ftit poter lil min ma jafx jużah u jkollok babilonja sħiħa. Dan huwa, f’sentenza sempliċi, dak li qed naraw jiġri fil-każ tal-allegata korruzzjoni fil-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada, korruzzjoni li fil-fatt s’issa ħadd għadu ma nnega li teżisti, lanqas il-Ministru Evarist Bartolo stess. Fil-fatt Bartolo, meqjus bħala Ministru tal-Edukazzjoni mill-aktar kompetenti, li qed jirrivoluzzjonizza aspetti diversi fil-qasam edukattiv mingħajr wisq daqq tat-trombi, għamel dak kollu li seta’ biex ismu jibqa’ nadif tazza.

Kien hu li ppubblika l-emails bejnu u Philip Rizzo, kien hu li f’dawk l-istess emails għamilha ċara li ħadd m’għandu l-protezzjoni tiegħu, lanqas min ilu jaħdem għalih għal snin twal u kien hu wkoll li qal lil Rizzo li għandu jistenna aktar sakemm ikollu evidenza iktar inkriminanti fuq Edward Caruana.

Imma minkejja dan kollu u minkejja l-kompetenzi tiegħu fil-qasam u minkejja li kuntrarjament għal min għandu l-faħam miblul, Bartolo kixef ħafna karti (ma nafux kixifx il-karti kollha) dwar il-każ, jibqa’ fatt innegabbli li lil Caruana, bħala ‘person of trust’, kien Bartolo li għażlu.

U hawn għalhekk nirreferu għall-artiklu ta’ kull nhar ta’ Ħadd ta’ Carmel Cacopardo, ippubblikat fuq din il-gazzetta f’paġna 16. Ma nistgħux ma naqblux b’mod assolut mal-Viċi Chairperson tal-Alternattiva Demokratika dwar l-hekk imsejħin ‘positions’ jew ‘persons of trust.’

Il-poter mhux biss dak li jinsab f’idejn il-politiku, li wara kollox jiddependi mill-vot popolari biex iżommu. Il-poter huwa wkoll dak li għandu f’idejh persuna li minn wara l-kwinti qiegħed jopera taħt il-mantell ta’ Ministru u bl-approvazzjoni tiegħu. Dak il-poter huwa aktar influwenti u jista’ jkun aktar perikoluż minn dak li jkollu l-Ministru, għax huwa poter li jaqa’ f’ħoġor persuna li 1) mhux neċessarjament ikun ħaqqha 2) mhux neċessarjament ikollha l-għarfien meħtieġ, 3) mhux neċessarjament tkun taf il-konsegwenzi tal-poter li għandha f’ħoġorha u fl-aħħar 4) mhux neċessarjament tinżamm kontabbli.

Għalhekk, kompetenzi u kollox, Bartolo huwa ħati daqs kull Ministru ta’ dan il-Gvern u ta’ qabel u ta’ qablu, li minħabba eżiġenzi u obligazzjonijiet politiċi, ibiddlu l-Ministeru f’każin ċkejken ta’ partitarji li l-ewwel u l-aktar kwalifika importanti tagħhom hija l-lealtà.

Il-Gvern u l-Ministri u anke l-Prim Ministru jeħtieġ jifhmu l-gravità tas-sitwazzjoni u s-sensittività tal-kariga.  Hawnhekk għandek nies, ta’ fiduċja jekk ma tridx, li qed jitpoġġew f’karigi li jirrikjedu monitoraġġ fuq tranżazzjonijiet, għoti ta’ tenders u kuntratti. Karigi li se jlaqqgħu lil ‘person of trust’ ma’ persuni li se jidħqulhom u jmellsuhom u jħarrfulhom kemm jifilħu biex jakkwistaw u jiffoxnaw. Għalhekk f’pożizzjonijiet bħal dawn, l-ebda Gvern, imma speċjalment Gvern li ilu fit-tmun tliet snin biss, ma jistax jieħu r-riskju li jitfa’ nies li għandhom diġà passat dubjuż, jew inkella huma inkompetenti, li huma faċli li tikkorrompi jew inkella li se jkunu qed jiġbdu għal buthom f’dawn it-tip ta’ karigi.

L-ILLUM tappella lill-Prim Ministru biex jieħu l-passi neċessarji kollha biex din il-ħaġa ma terġax tiġri. Għalhekk l-ILLUM qed tipproponi li jittieħdu żewġ għażliet, separatament jew b’mod konġunt.

L-ewwel, li l-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri aġġornat wara 20 sena fl-2015 tiżdied fih kundizzjoni ċara, jiġifieri li l-Ministru huwa kontabbli ta’ kull ‘Person of Trust’ li jaħtar. Jiġifieri li meta jaħtru, quddiem il-poplu qed jgħid li hu għandu fiduċja fil-persuna, fl-abbiltajiet tagħha u li m’għandu ebda dubju li ħidmietha se twettaqha b’kompetenza u b’integrità. Dan ifisser li din il-persuna tkun sabet dan l-impjieg fuq il-kriterju uniku tal-ġudizzju tal-Ministru. Allura, huwa l-Ministru li jeħtieġ iġorr ir-responsabbiltà.

It-tieni, l-ILLUM tixtieq tipproponi wkoll li fin-nuqqas ta’ rieda biex il-Ministri jinżammu responsabbli tal-azzjonijiet tal-person of trust, il-pożizzjonijiet ta’ fiduċja għandhom ikunu ‘nnewtraliżżati’. Jiġifieri, li minkejja li l-persuna jkollha l-fiduċja tal-Ministru, hi xorta tkun trid tgħaddi minn proċess ta’ vvettjar, li jinkorpora l-kondotta, livell ta’ edukazzjoni u anke, jekk ikun hemm bżonn, test li jimmira li jifhem minn qabel kif tirreaġixxi l-persuna f’xenarji komuni f’pożizzjonijiet b’tant sensittività. B’hekk, minkejja l-fiduċja, il-kariga ma tkunx awtomatika u tingħata biss skont il-kompetenza. F’dan il-każ u f’dan il-każ biss, il-Ministru mhux neċessarjament jinżamm politikament responsabbli, għalkemm xorta jkun jeħtieġ iwieġeb f’każ ta’ nuqqasijiet.

Nitolbu serjetà mill-Ministri ta’ pajjiżna. Nitolbuhom serjetà akbar meta jagħżlu lil min jirrapreżentahom bħala parti mit-tmexxija tal-pajjiż. Għax il-pajjiż mhux każin u l-politika mhux logħba u kull min jidħol għal karigi sensittivi f’Ministeri għandu jkun daħal għax kapaċi, u mhux għax dejjem xejjer il-maktur tal-partit. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.