Fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar il-films li tista' tara din il-ġimgħa fiċ-ċinema, kitba ta' Carmel Bonnici

Carmel Bonnici / 29 ta' Novembru 2016 10:24
Allied
Allied
Atturi Ewlenin: Brad Pitt; Marion Cotillard; Lizzy Kaplan; Matthew Goode; Simon McBurney
Direttur: Robert Zemeckis.
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 124 min
Ċert: 15

Jekk ‘Allied’ hu film ta' spjunaġġ qalil fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, primarjament joqrob aktar lejn thriller romantiku ambizzjuż bejn żewġ aġenti, esperti kif jingannaw u assassini gwappi. Kif dirett mill-bravu Robert Zemeckis, ‘Allied’ jiżvolġi b'andament lussuż u elaborat bi stil li kontinwament ipaxxi l-għajn. Max Vatan [Pitt], aġent speċjalizzat Franċiż/Kanadiż tal-grupp leġġendarju British Special Operation Executive [ordnati minn Winston Churchill], fl-eqqel tal-gwerra fl-1942, imur il-Marokk biex jiltaqa' mat-taparsi martu, Marianne Beausejour [Cotillard], ħalli jassassinaw xi uffiċjali għoljin Nazisti. Waqt din il-missjoni riskjuża, huma jsiru jinħabbu u wara anki jiżżewġu. Meta jkunu f'Londra fl-eqqel tal-Blitz, hi twelled, però waqt riċeviment fid-dar tagħhom, Max jinnota affarijiet dubjużi u jiġuh suspetti dwar martu. Hu jibda jissopponi li l-ħajja familjari tassew feliċi tagħhom hi biss xi illuzjoni fuq skala grandjuża.  Hawn, hu jibda jinvestiga biex ifittex il-verità. Traġitt li se jittestja bil-kbir il-lealtà, l-identità u l-imħabba ta' bejniethom. ‘Allied’ hija melodramma bi stil verament pjaċevoli "old fashioned", rikk fil-kontenut tagħha, b'mumenti ta' azzjoni furjuża u ftit sekwenzi ta' kuntatt karnali splussiv. Infatti, l-inkontru ħerqan sesswali bejn iż-żewġ spiji ġo karozza magħluqa, b'tempesta ħarxa tar-ramel tħabbat magħhom fuq barra, hi tassew innovattiva, unika u kkargata. Brad Pitt, tassew pulit u eleganti, waqt li jgħaddi minn diversi intriċċi jimita lil James Bond, waqt li Marion Cotillard aktar sofistikata u vulnerabbli tfakkar fin-nisa sbieħ u soċjevoli ta' Hollywood tas-snin erbgħin.

 

Free State of Jones
Free state of Jones
Atturi Ewlenin: Matthew McConaughey; Gugu Mbatha-Raw; Keri Russell; Mahershala Ali
Direttur: Gary Ross
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 139 min
Ċert: 15

Nafu li l-Gwerra Ċivili Amerikana saret meta l-President, Abraham Lincoln irnexxielu, b'diffikultà kbira, jgħaddi liġi fis-Senat li l-ilsiera kollha jsiru liberi. L-istati tas-Sud ma riedux iċedu minnħabba x-xogħol bażiku kollu mwettaq minn dawn is-suwed bla ħlas. F'Jones County, Mississippi però kien hemm min jaqbel mal-liġi l-ġdida. ‘Free State Of Jones’ hu ispirat minn storja straordinarja ta' episodju mhux tant magħruf fl-istorja Amerikana. Fl-1862, Newton "Newt" Knight [McConaughey] li xogħlu kien bħala ħaddied, ħarab mill-armata tal-Konfederati [tas-Sud], għaqqad ċorma ta' bdiewa bojod fqar li ġew misruqin u lsiera maħrubin biex jiġġieled kontra s-suldati tas-Sud fl-eqqel ta' din il-gwerra. Wara li jkollhom xi suċċessi, speċjalment meta jinqatel il-Kurunell Elias Hood, li mar lura fi kliemu u ttradiehom, Newt jiddikjara pajjiżu bħala l-Istat Liberu ta' Jones. Għall-ħafna, Newt Knight kien meqjus bħala patrijott u eroj, imma daqstant ieħor qisuh traditur ta' pajjiżu. Xi sekwenzi ta' dan il-film twil imorru ’l quddiem mal-85 sena, meta wieħed mid-dixxendenti ta' Newt jiżżewweġ mara bajda, azzjoni li tiftaħ każ fil-qorti dwar taħlit ta' razez. Dan jikkontribwixxi biex jinbidlu r-regoli riġidi dwar ir-razez fl-Istat ta' Mississippi. ‘Free State of Jones’ hu film vjolenti mimli attakki ta' malajr, nases u sparar.

 

Arrival
Arrival
Atturi Ewlenin: Amy Adams; Jeremy Renner; Forest Whitaker; Michael Stuhbarg; Tzi Ma
Direttur: Denis Villeneuve
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 116 min
Ċert: 12A

Ħafna drabi nassoċjaw films tax-xjenza fittizja ma' produzzjonijiet ta' livell medjokri jew baxx - dawk imsejħa  'B' Movies. Is-snin ħamsin kienu mimlija bihom. Però, minn meta ħareġ il-kapulavur assolut ta' Stanley Kubrick, "2001: A Space Odyssey" [1968] dehru diversi xogħlijiet intelliġenti u ta' stoffa wara, bħal ‘Close Encounters Of The Third Kind’, ‘Alien’, ‘Blade Runner’, ‘The Martian’ u oħrajn. Jingħaqad ma' dan il-grupp elite għandna l-film ‘Arrival. Ibbażat minn fuq storja qasira ta' Ted Chiang, ‘Story Of Your Life’, b'andament intelletwali, qawwi u sabiħ, il-kittieb Eric Heisserer irnexxielu jinkorpora t-tensjoni u d-drama kollha b'mod rimarkabbli. Dawk dilettanti taċ-ċinema malajr jindunaw li ‘Arrival’ hu influwenzat minn films oħra tajbin ta' dan il-ġeneru, bħal dawk li diġà semmejt fil-bidu, kif ukoll, xi waqtiet jindikaw l-atmosfera mistika ta' ‘Tree Of Life’ ta' Terrence Malick. Flotta sħiħa ta' vetturi spazjali ta' qisien enormi jillandjaw f'diversi postijiet madwar il-globu. Il-gvernijiet ta' kullimkien iridu jsibu mezz kif jikkomunikaw ma' dawn l-aljeni. Tim ta' lingwisti mmexxija mill-esperta Louise Banks [Adams] flimkien jibdew jinvestigaw. Waqt li l-gwerra globali tidher imminenti, Banks u sħabha jistinkaw bil-ħeffa biex ifittxu r-risposti. Biex takkwista dawn, hi tieħu ċans waħedha, azzjoni li tista' thedded mhux biss ħajjitha, iżda l-umanità kollha. ‘Arrival’ hu wkoll film umanitarju, li jxerred l-idea li hemm bżonn li l-bniedem ineħħi s-suppervja minn fuqu u jsir aktar umli, aktar tolleranti, jintrabat aktar man-natura u fuq kollox ifittex il-paċi. Xogħol meqjus ta' diversi saffi ta' emozzjoni!