Ma jiċħadx li se jikkontesta fuq Għawdex

Id-deputat parlamentari Ċensu Galea jgħid li f'Għawdex hemm spazju biex ikun hemm iktar kandidati

John Busuttil / 23 ta' Novembru 2016 12:29
Ġimagħtejn ilu, il-gazzetta ILLUM irraportat kif Ċensu Galea jaf ikun kandidat tal-PN f’Għawdex għall-elezzjoni li jmiss. F'intervista ma' din il-gazzetta, id-deputat veteran jitkellem dwar dan.

 Minkejja li tlabtu jikkonferma jew jiċħad dan, Galea joqgħod lura.  Meta tlabtu jgħidli jekk hux qed jitħajjar jikkontesta fuq Għawdex, wara ħafna tidwir mal-lewża, fl-aħħar wieġeb, “Ma neskludix” u “iva qed nitħajjar.”

“Veru li kien hemm numru ta’ nies li ħajruni u għadhom iħajruni biex nikkontesta fuq Għawdex, imma sal-lum għad xejn mhu uffiċjali li jien se nikkontesta fuq Għawdex. Id-deċiżjoni neħodha jien u finalment japprovaha l-Partit. S’issa għadni ma ħadtiex.”

Mitlub jgħid jekk ir-raġuni li jikkontesta fuq Għawdex hix biex jagħti spazju lil bintu Graziella, biex tiġi eletta fil-Parlament mid-distrett ta’ San Pawl il-Baħar, Galea qal li mhux lok li jagħti spazju lil ħadd. “Ir-raġuni hi li skont nies li kellmuni, preżentament f’Għawdex hemm ċertu spazju biex ikun hemm rappreżentanza akbar ta’ kandidati.” Il-perit Ċensu Galea qal li għalkemm hu Malti ,wieħed irid jifhem ukoll li f’Għawdex hemm madwar 4,000 votant Malti li jivvota fuq Għawdex, “u minn dawn, l-aktar li kkuntattjawni.”

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.