Bijografiji : Eugenie Niboyet (1796-1883)

Aqra iktar dwar il-ħajja tal-kittieba Franċiża magħrufa għall-ewwel gazzetta Femminista La Voix des Femmes. Kitba ta' Alfred Consiglio

16 ta' Novembru 2016 13:41
Eugenie Mouchon-Niboyet kienet kittieba Franċiża. Hija magħrufa l-aktar għall-pubblikazzjoni ta' La Voix des Femmes (Il-Vuċi tan-Nisa), l-ewwel gazzetta femminista ta' kuljum fi Franza.

Niboyet twieldet fil-11 ta' Settembru 1796 f'Montpellier, Franza. Nannuha, Pierre Mouchon, kien qassis protestant għaref f’Ġeniva, u kontributur għall-enċiklopedija ta' Diderot u d'Arembert. Missierha mar Franza biex jistudja l-mediċina.

Hija kitbet fuq il-familja tagħha. Hija enfasizzat l-importanza tal-oriġini tal-familja tagħha. Hija enfasizzat ukoll l-impenn tal-familja lejn Napuljun, u qalet li ma setgħetx tiżżewweġ ħlief wieħed imperjalist.

Niboyet iżżewġet ta' 26 sena lil Paul-Louis Niboyet fit-8 ta' Ottubru 1822. Huma bdew jgħixu f'Mácon fejn żewġha kien jipprattika ta' avukat.

Hija marret Pariġi fl-4 ta' Novembru 1829 u bdiet taqla’ l-flus bħala kittieba. Fl-1830 hija ħadet sehem f'kompetizzjoni tal-kitba fejn iffukat fuq it-tema tal-għomja u l-edukazzjoni tagħhom. Hija rebħet il-premju flimkien ma’ M. Duffaut. Hija ssieħbet mal-għaqda Protestanta, The Society of Christian Morality, u sfat involuta fi kwistjonijiet soċjali fosthom it-tmiem tal-iskjavitù fil-kolonji Franċiżi.

Niboyet attendiet laqgħat tas-segwaċi ta' Saint-Simon, u ispirata mill-ideat tagħhom, hija bdiet issegwi dak kollu li jagħmlu. Fl-20 ta' Lulju 1830 Barthelemy Prosper Infantin (1796-1864), wieħed mill-fundaturi tas-Saint-Simonjaniżmu, appunta seba’ nisa membri, lil Aglae Saint-Hilaire, Caroline Simon, Collard u lil Niboyet. Huma kienu responsabbli li jitkellmu man-nisa.

Il-kunflitt bejn Infantin u Saint-Amand Bazzard ipprovoka diverġenzi kbar bejn it-tnejn. Infantin ried jibdel radikalment ir-regoli ta’ moralità sesswali. Niboyet telqet mill-moviment mingħajr ma ċaħdet l-ideat tiegħu fuq l-ekonomija.

Niboyet kienet waħda minn grupp ta’ nisa li pparteċipaw fil-pubblikazzjoni tal-ewwel perjodiku miktub għan-nisa, La Femme Libre (Il-Mara Ħielsa), maħluq minn Desiree Véret Gay (1810-1891) u Marie-Reine Guindorf (1812-1837).

Hija bdiet issegwi lill-moviment ta’ Charles Fourier (1772-1837) li kien jippreżenta t-trattament tan-nisa bħala l-miżura vera ta’ programm soċjali.

F’Lyon fl-1833, Niboyet ippubblikat il-ġurnal Le Conseiller des Femmes (Il-Kunsill tan-Nisa), ġurnal ta’ kull ġimgħa; ftit xhur wara hija ppubblikat La Mosaïque Lyonnaise (Il-Mużajk ta' Lyon). Hija pparteċipat ukoll fil-ħolqien ta' La Paix des deux mondes (Il-Paċi taż-Żewġ Dinjiet), u fl-1834 ta’ L'Athénée des Femmes (L-Atenew(1) tan-Nisa). F'Lulju 1836 lura f'Pariġi, Niboyet stampat La Gazette des Femmes (Il-Gazzetta tan-Nisa) bl-għajnuna ta' ħabibha Charles Fredric Herbinot de Mauchamps. Hija kienet tlaqqa’ kull ġimgħa diversi nisa biex jiddiskutu kwestjonijiet bħal drittijiet tan-nisa; fosthom kien ikun hemm Flora Tristan (1803-1844), Anais Segalas (1819-1895) u Hortense Allart (1801-1879).

Ir-Rivoluzzjoni tal-1848 tat tama ġdida lill-femminiżmu. F'Marzu 1848 Niboyet ippubblikat gazzetta, La Voix des femmes (Il-Vuċi tan-Nisa; il-ġurnal ingħaqad ma’ każin politiku. Hija rnexxielha tiġbor nisa li ġa kienu involuti fil-ġlieda femminista, bħalma kienu Gay, Jeanne Deroin (1805-1894), Suzanne Voilquin (1801-1877), Elisa Lemonnier (1805-1865), Gabrielle Soumet (1814-1886) u Adele Esquiros (1819-1886).

Il-każin ippromwova diversi riformi favur in-nisa. Meta fis-6 ta' April 1848 Niboyet innominat il-kandidatura ta' George Sand (1804-1876) għall-Assemblea Kostitwenti, ipprovokat inizjattiva li dwiet mal-pajjiż kollu. Sand ma approvatx din l-inizjattiva u qalet li ma kinetx taf lil dawn in-nisa. Kartunisti satiriċi waqqgħu għaċ-ċajt lil Niboyet u lill-ġurnalisti tal-ġurnal La Voix des femmes. Il-kommossjoni maħluqa minn dan kollu kienet waħda kbira u l-gvern iddeċieda li jagħlaq il-każini tan-nisa. Fl-20 ta' Ġunju 1848, Niboyet, skuraġġuta u offiża, waqfet l-istampar tal-ġurnal, u n-nisa tferrxu biex jevitaw repressjoni.

 

Hija rtirat mill-ħajja pubblika u marret Geneva fejn għexet tittraduċi x-xogħlijiet ta' Charles Dickens (1812-1870), Lydia Maria Child (1802-1880) u Maria Edgeworth (1768-1849). Fl-1860 hija rritornat Franza fejn ippubblikat Le Vrai livre des femmes (Il-Veru Ktieb tan-Nisa); fl-1863 Leon Richer, l-editur ta' Le Droit des femmes (Id-Drittijiet tan-Nisa) afferma l-fatt li hija baqgħet dejjem interessata fil-moviment femminista. Fl-1878, ta' 82 sena, hija kienet onorata mill-kungress femminista f'Pariġi.

Niboyet mietet Pariġi fis-6 ta' Jannar 1883.

Noti:

1. Istituzzjoni għall-istudji letterarji.

Referenzi:
  • Maurice Aqulhon: The Nineteenth Century and the French Revolution, Historical Society of the Revolution of 1848 and of Revolutions of the Nineteenth Century (France), University of Paris, 1992.