95 sena ta' Parlament Malti

95 sena ilu fetħu l-bibien tal-Parlament Malti għall-ewwel darba fl-istorja...

Ministru Owen Bonnici / 11 ta' Novembru 2016 15:24
Bħal dan iż-żmien 95 sena ilu fetħu l-bibien tal-Parlament Malti għall-ewwel darba fl-istorja.

Wara l-irvellijiet tal-1919, il-poplu Malti f'April tal-1921 kien ingħata l-ewwel Kostituzzjoni li b'xi mod tista' ssejħilha li għall-inqas parzjalment tissodisfa dak li kienu talbu missirijietna meta fasslu d-dikjarazzjoni ta' drittijiet tal-1802. Il-Kostituzzjoni Amery-Milner, bil-letters patent iffirmati mill-‘Ministru’ responsabbli dak iż-żmien, Winston Churchill.

Din il-Kostituzzjoni hemm ħafna affarijiet li lili ma jogħġbunix fiha – bħal per eżempju l-kunċett ta' dikarkija (li żewġ Gvernijiet jiggvernaw pajjiż fl-istess mument) - u li ma tobdix dak li l-antenati tagħna kienu stennew iktar minn 100 sena qabel. Il-fatt li kellhom jgħaddu 100 sena biex ingħatajna Kostituzzjoni li b'xi mod nistgħu ngħidulha li hi ‘diċenti’ minkejja dak kollu li seta' ngħad qabel meta l-Maltin kellhom jieħdu deċiżjoni wara t-tkeċċija tal-Franċiżi, hija tfakkira ta' kemm għandna ngħożżu kull mument id-dritt li aħna nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna dwarna infusna.

S'intendi ma nistgħux inħarsu lejn id-dritt li nkunu rajna f'idejna b'mod romantiku u maqtugħ mir-realtà. Il-verità hi li tant hemm regoli internazzjoni jagħfsu fuq kull pajjiż, li ebda pajjiż ma hu kompletament rajh f'idejh fis-sens wiesa' tal-kelma. Żid ma' dan il-fatt ir-realtà li ċerti pajjiżi huma tant kbar fid-daqs u tant għandhom qawwa ekonomika jew militari li kull pajjiż ieħor fid-dinja joqgħod attent u jisma' meta dawn il-potenzi jitkellmu. Biss, hu x'inhu, meta tqis li hawn postijiet ferm ikbar minna, b'lingwi li jiġu mitkellma minn miljuni ta' nies iktar milli jiġi mitkellem il-Malti u m'għandhomx indipendenza, bla ma trid tirrealizza kemm għandna nkunu kburin bil-fatt li pajjiżna huwa ħieles.

F'Novembru 1921 beda jiltaqa' l-ewwel Parlament Malti fl-istorja. Peress li dak il-Parlament ma setax jgħaddi liġijiet fuq kull ħaġa li jrid, imma biss fuq is-suġġetti li kienu mniżżla fil-Kostituzzjoni tal-1921, ikun iktar korrett jekk flok il-kelma Parlament nuża l-frażi Assemblea Legizlattiva, kif wara kollox tagħmel il-Kostituzzjoni stess tal-1921.

Forsi ħafna insew iżda, apparti minn Assemblea Legizlattiva, kellna wkoll Senat. Jiġifieri l-ewwel Parlament Malti kellu żewġt ikmamar l-Assemblea Legizlattiva u s-Senat. L-istorja uriet li s-Senat ma ħadimx u fil-fatt mal-ewwel opportunità, dan is-Senat ġie essenzjalment imneħħi b'mod intelliġenti ħafna.

Ovvjament la fl-1921 kellna l-ewwel Parlament, kellna wkoll l-ewwel Prim Ministru, l-ewwel Kap tal-Oppożizzjoni u l-ewwel Kabinett fl-istorja. Kellna wkoll s'intendi l-ewwel elezzjonijiet ġenerali biex jimtlew is-siġġijiet ta' Assemblea Legiżlattiva (għad li qabel kellna elezzjonijiet biex jimtlew is-siġġijiet tal-Kunsilli essenzjalment bla saħħa li tfasslu bil-Kostituzzjonijiet ta' qabel). Ix-xorti riedet li fl-ewwel legiżlatura fl-istorja kellna l-ewwel Gvern ta' minoranza u wkoll l-ewwel koalizzjoni.

Pajjiżi oħrajn li twieldu ferm u ferm warajna jiftaħru li s'issa kellhom 44 President mentri aħna s'issa kelna 13-il Prim Ministru. Forsi l-istorja ta' pajjiżna kienet tkun differenti kieku fl-1802 missirijietna Maltin għamlu bħalma kienu għamlu l-Għawdxin u mbuttaw it-triq li jkunu rajhom f'idejhom. Biss, jekk kellna nwarrbu l-‘what-ifs’, jibqa' l-fatt li għandna obbligu llum insellmu lill-protagonisti li bil-ħidma tagħhom tfassal il-pajjiż kif nafuh illum.

"Meta tqis li hawn postijiet ferm ikbar minna, u m'għandhomx indipendenza, bla ma trid tirrealizza kemm għandna nkunu kburin bil-fatt li pajjiżna huwa ħieles"
Insellem għalhekk lill-ewwel Prim Ministru Joseph Howard, lil Gerald Strickland, l-ewwel Kap tal-Oppożizzjoni, lil Edgar Arrigo, l-ewwel Speaker, lill-membri kollha tal-ewwel Assemblea Legiżlattiva, lill-membri kollha tas-Senat u lill-erba' Partiti li kienu kkontestaw l-ewwel elezzjonijiet taħt il-Kostituzzjoni Amery-Milner ċoè l-Unione Politica Maltese, il-Partit Kostituzzjonali, il-Partit Laburista (li kien appena twaqqaf) u l-Partit Demokratiku Nazzjonalista.

Il-politika dak iż-żmien kienet intensa daqs jekk mhux iktar minn kemm hi intensa llum. Il-perjodu bejn l-1921 sa meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija huwa perjodu li jrid ikompli jiġi mgħarbel u ġġudikat minn nies ferm iktar kapaċi minni fis-settur. F'dawk il-legiżlaturi għaddew numru ta' liġijiet u ttieħdu numru ta' deċiżjonijiet li għaġnu l-pajjiż kif nafuh illum u servew bħala pedament biex din ir-roqgħa f'nofs il-Mediterran ma baqgħetx biss lok li fih hemm poplu li jitkellem il-lingwa tiegħu imma bdiet issir pajjiż.

Ma kinux biss il-politiċi li għenu biex Malta bdiet issir pajjiż, iżda anke l-awturi u l-kittieba. Insellem lil Dun Karm Psaila li dak iż-żmien kien ħa deċiżjoni konxja u rivoluzzjonarja li jimbotta quddiem il-lingwa Maltija u, mal-lingwa Maltija, il-kunċett ta' Malta bħala pajjiż rajh f'idejh.

Kieku jiġu fejna

Mill-1921 sal-lum, il-Parlament biddel darbtejn fejn jiltaqa'.  L-ewwel kien jiltaqa' fil-Kamra tal-Arazzi sakemm fis-sebgħinijiet mar fl-Armerija ftit passi 'l bogħod. Ftit ilu ħareġ mill-Palazz Presidenzjali u mar fil-binja l-ġdida ddisinjata minn Renzo Piano.

M'għamilniex kif għamlu l-Brittanniċi li baqgħu jiltaqgħu fl-istess post ġenerazzjonijiet wara ġenerazzjonijiet għad li d-dar tal-Kmamar tagħhom ukoll għaddiet minn trasformazzjonijiet fiżiċi, kemm minħabba n-nirien u kemm minħabba l-ħsarat tat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalhekk, diffiċli timmaġina lil Joseph Howard u Gerald Strickland, Francesco Buhagiar, Nerik Mizzi u Ugo Mifsud ipoġġu fejna fil-Kamra tad-Deputati u iktar faċli timmaġina lil Gladstone u Disraeli jpoġġu fil-House of Commons. Biss jekk ikollna nagħlqu għajnejna u nwarrbu għal mument il-kwistjonijiet fiżiċi jkun eżerċizzju interessanti kieku kellek timmaġina għal mument li l-istess sinjuri li fformaw l-Assemblea Legizlattiva tal-1921 jpoġġu mas-sinjuri li llum jifformaw il-Kamra tad-Deputati f'seduta ‘speċjali’.

Fil-mument li d-deputati tal-1921 jħarsu f'għajnejn id-deputati tal-lum, ikollna mitt sena ta' politika Maltija tħares f'għajnejn xulxin.

Naħseb il-kurżità kienet tegħlibni biex ngħidilhom mill-ewwel dwar il-Brexit u l-Gran Brittanja fl-Ewropa illum. Ejja ngħid li ma nafx x'kienet tkun ir-reazzjoni tagħhom!

Probabbilment huma kienu mbagħad isaqsuna kif għamilna biex Malta saret post fejn jinħoloq ix-xogħol u l-ġid u kif jirnexxilna nagħtu impieg lil prattikament kulħadd.

Ma nafx x'kienet tkun l-opinjoni tagħhom dwar is-soċjetà Maltija preżenti li wara kollox aħna d-deputati riflessjoni tagħha. Ma nafx x'kienu jgħidulna dwar x'jippretendu minna li qed niddeċiedu fuq dan il-pajjiż prattikament għaxar ġenerazzjonijiet warajhom f'kuntest għal kollox differenti.

Li nafu hu li ninsab ċert li kienu jgħidulna li qed isir ferm iktar milli wieħed qatt stenna li jsir minn pajjiżna. Li qed nagħmlu minn Malta tagħhom u tagħna pajjiż aħjar.

Estimi tal-baġit

Din il-ġimgħa komplew jiġu approvati l-estimi tal-Ministeri. Ħadt gost li kelli opportunità li fil-ftit ħin li jibqgħali ngħid bix-xogħol kbir li sar u se jkompli jsir fil-qasam tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.  Nirringrazzja lil sieħbi Stefan Buontempo tax-xogħol tiegħu fil-qasam tal-Kunsilli Lokali li fl-aħħar xhur rajtu li rranka waħda sewwa. Nirringrazzja lil dawk kollha li ħdimna flimkien fl-aħħar sena u dawk li se naħdmu flimkien magħhom fis-sena li ġejja.

Ix-xogħol li sar fl-aħħar erba' snin hu enormi. Ġimgħa wara ġimgħa nagħmlu riformi li kienu ilhom is-snin jgħajtu biex isiru. Fadal x'isir iżda kburi ħafna b'dak li ksibna s'issa.