Produzzjonijiet għat-tfal u żgħażagħ f’Żigużajg

Minn leggendi Ċiniżi għat-tfal, għal temi soċjali li jolqtu ż-żgħażagħ. Żigużajg jippreżenta....

Ruben Anthony Xuereb / 3 ta' Novembru 2016 17:11
Uħud mill-atturi fir-rappreżentazzjoni Ineż kienet Perf(etta)
Three Monks 8+

Din hi storja addattata minn leġġenda antika Ċiniża.

Fuq muntanja ’l bogħod kien hemm tempju żgħir. F’dan it-tempju kienu jgħixu patri anzjan u tliet patrijiet żgħażagħ. Jum fost l-oħrajn, il-patri anzjan staqsa lill-istudenti tiegħu għadhomx jiftakru għalfejn kienu marru hemm.

Il-mistoqsija fakkrithom f’dak li kienu ltaqgħu miegħu meta kienu għadhom kif waslu fuq il-muntanja. L-ewwel wieħed kien patri mqareb u fuq tiegħu. Li ġġorr l-ilma fuq il-muntanja mhux xi xogħol ħafif. Il-patri żagħżugħ kien għen lill-patri anzjan iġorr l-ilma imma ma damx ma waqa’ fil-bir. B’xorti tajba l-imgħallem tiegħu għenu jitla’ minn hemm. Wara dan, it-tnejn bdew iġorru l-ilma flimkien waqt li jkantaw siltiet mill-Iskrittura Buddista, jitgħallmu l-Buddiżmu flimkien, u jgħixu ħajja kuntenta.

It-tieni wieħed kien patri oħxon u żaqqiq. Dan kien tajjeb ħafna fil-Kung Fu Ċiniż. Allura, min minnhom it-tnejn kien se jġorr l-ilma? Wara ħafna, qatgħuha li jġorru l-ilma flimkien, kif ukoll jaħdmu flimkien u jixorbu flimkien ukoll!

It-tielet wieħed kien patri rqiq, il-ġurnata kollha bl-iskroll tal-Iskrittura f’idejh.

Issa, min minn dawn it-tliet patrijiet se jġorr l-ilma? Jekk ma jġorru ħadd, ma jkollhomx ilma x’jixorbu. Imma darba waħda, il-lampa taż-żejt fit-tempju nqalbet u qabbdet nar kbir – u tkun propju din il-ħaġa li jirnexxilha tgħaqqad lit-tliet patrijiet flimkien.

Home 10+

Home tesplora l-kunċett tal-identità. Iċ-ċaqliq u d-dinamiċi li l-ħin kollu jinbidlu u li jiddeterminaw min aħna jipprovdu kostrutt fluwidament evolut li jesplora ċ-ċiklu tal-ħajja.

F’dan ix-xogħol ġdid, b’koreografija tad-direttur artistiku Mavin Khoo, iż-żeffiena ta’ ŻfinMalta Dance Ensemble jinsġu narrattiva ċinematika permezz ta’ leħen ewlieni skont kif tidher fil-vjaġġ tal-ħajja ta’ raġel waħdu. Akkumpanjat mill-‘ħsibijiet’ tal-eżistenza preċedenti tiegħu, huwa jimxi l-vjaġġ ċiċliku tal-ħajja waqt li jgħaddi mill-esperjenza tat-twelid, it-tfulija, l-imħabba, it-traġedja u l-mewt. Iż-żifna titlobna nqisu mill-ġdid il-kunċett ta’ dar bħala post strutturali fejn wieħed jgħix.

Jidher li l-kostruzzjoni tal-identità permezz tan-navigazzjoni kostanti tal-ħajja qalb ir-regoli soċjali jiddetermina min aħna. Imma għaliex?

Ineż kienet Perf(etta) 

Ineż għandha erbatax-il sena. Perf: popolari, sabiħa, fuq tagħha, ribelluża, qaddisa anġlu, itellagħlek elf like fuq Facebook. Perfetta. Speċi ta’.

Ineż nieqsa.

Sparixxiet ħabta u sabta hi u sejra d-dar is-Sibt filgħaxija u ħadd ma jaf fejn marret, xi ġralha – jew x’għamlulha. F’pajjiż daqs tikka bħal Malta, fejn huwa impossibbli li tintilef jew tistaħba, iż-żejt jibda tiela’ f’wiċċ l-ilma, u dak li ma jistgħux jiskopru l-Pulizija qiegħed joħroġ bil-mod il-mod fost iż-żgħażagħ li lil Ineż kienu jafuha – u li Perf(etta) ma tantx kienu jarawha. Dawk li jiffrankaw il-ġuri tal-qrati għax m’hemmx provi kontrihom għandhom ġuri ieħor x’jiffaċċjaw: dak ta’ soċjetà dejjem lesta tiġġudika u tipponta subgħajha. U fuq kollox, din Ineż x’wassalha biex tibda ġġib ruħha kif bosta nnutawha ftit qabel ma sparixxiet? Għax forsi Ineż perfetta ma kinitx – imma donnu kulħadd riedha tkun, b’xi mod jew ieħor, l-ideal tiegħu – mingħajr ma ta nifs lil din it-tfajla biex tkun dak li verament trid hi.

Ineż kienet Perf(etta) huwa dramm għaż-żgħażagħ miktub minn Simone Spiteri u mtella’ minn Studio 18 (it-tim ta’ #babydaddy), ibbażat u ispirat b’mod ħafif mir-rumanz ta’ Anton Manwel Caruana, Ineż Farruġ. Ambjentat f’dinja kontemporanja taż-żgħażagħ Maltin, l-istorja tipprova tifhem min hi Ineż tal-2016 u jekk għadhiex bla vuċi bħal dik ta’ Caruana fl-1421. Għax forsi tfajla għandha ħajja iktar libera fisseklu wieħed u għoxrin – imma l-pressjoni li s-soċjetà titfa’ fuqha biex tissodisfa l-ideali impossibbli ta’ dawk kollha ta’ madwarha għadha sfida kbira.

Din il-produzzjoni fiha lingwaġġ qawwi li mhux addattat għal tfal taħt it-13-il sena