Malta tumilja lil Ċipru

Malta 31 - Ċipru 3

Cristian Muscat / 29 t'Ottubru 2016 17:31
ritratt: Ian Stilon
It-tim nazzjonali Malti tar-rugby għeleb lil dak Ċiprijott bl-iskor kbir ta' 31-3. Din kienet it-tieni rebħa konskuttiva għall-Maltin wara li fil-jiem li għaddew għelbu lil Andorra barra minn darhom. Il-plejers għad-dispożizzjoni tal-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Damien Neill, kienu s-segwenti: Rhodri Apsee, Daniel Hollday, Anthony Harvey, Mark Davey, Darren Deguara, Luke Watts, Daniel Apsee, Jack Basher, Thomas u Robert Holloway, Toby Quarendon, George Hepburn, Dominic Busuttil, James Kirk u James Morris.

L-ewwel taqsima rat lill-Maltin jiddominaw il-partita iżda kienu Ċipru li fetħu l-iskor grazzi għall-penalti ta' Alex Zavallis. Iżda l-Maltin irreaġixxew bil-kbir u marru minn fuq grazzi għal Daniel Holliday li kiseb l-ewwel try biex ftit wara James Morris kiseb conversion. Minn hemm 'il quddiem Malta ħadet il-kontroll assolut tal-logħba u ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Thomas Holloway seraq il-ballun mingħand iċ-Ċiprijotti u żmarka lil James Kirk li skorja t-tieni try tiegħu li ġiet ikkonvertita minn Morris għal skor ta' 14 bi 3 favur il-Maltin. Kirk reġa' kiseb aktar punti għall-Maltin fit-52 minuta meta huwa mess il-ballun wara inkursjoni b'saħħitha ta' Rhodri Apsee biex il-Maltin kabbru l-marġni tal-iskor għal 19 bi 3.

Id-dominanza Maltija fil-logħba ddgħajfet xi ftit hekk kif huma spiċċaw jilagħbu bi plejer inqas għall-aħħar 10 minuti tal-konfront meta tkeċċa għalihom il-plejer Luke Watts jew aħjar biex nużaw it-termini tar-rugby, ġie 'sin binned'. Ftit wara s-sostitut Rory O'Brien kiseb ir-raba' try għall-Maltin biex kompla jkabbar il-marġni tal-iskor għal 24 bi 3. U dan ma kienx għadu biżżejjed għall-Maltin hekk kif ftit qabel tmiem il-partita, Dragan Cerketa, kiseb il-ħames u l-aħħar try li ġiet konvertita minn Morris għal skor finali ta' 31 bi 3 favur Malta.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.