EU2017MT

Mill-ekonomija sat-tanker tal-gass, bil-morning-after pill u Mattia Preti fin-nofs...

Ministru Owen Bonnici / 18 t'Ottubru 2016 16:07
Il-ħidma fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej fid-dawl tal-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Ministri s-sena d-dieħla għaddejja b'impenn sħiħ.

Din il-ġimgħa għamilt sensiela ta' laqgħat mal-key players tal-istituzzjonijiet Ewropej fil-kamp tal-Ġustizzja u l-Kultura biex nisma’ mingħandhom aħjar x'inhuma l-prijoritajiet li jixtiequ li mmexxu 'l quddiem fis-setturi rispettivi ladarba Malta tieħu f'idejha l-Presidenza.

Ma' kull min tkellimna, aħna bnejna relazzjonijiet mill-aqwa u tajna commitment li matul il-Presidenza nkunu sieħeb onest li lest li jaħdem sabiex ikun hemm progress fuq id-diversi files li jkunu fir-responsabbiltà tagħna.

Fil-qasam tal-Ġustizzja u Kultura, hemm xejn inqas minn 19-il file jew dossier li rridu mmexxu 'l quddiem u se mmexxu 'l quddiem. Mertu huwa t-tim tajjeb ħafna li bnejna fi ħdan il-Ministeru b'għaqal li hu motivat biex nagħmlu suċċess f'dan is-settur.

Hawn irrid ngħid li hija sfida enormi li twassal bl-aħjar mod il-kontenut tal-files lill-pubbliku in ġenerali għaliex l-issues huma tekniċi u speċjalizzati. Biss jien nemmen li dan jista' jsir għaliex in-nies huma interessati f'dak li fl-aħħar mill-aħħar se jolqot l-ekonomija ta' pajjiżna u allura l-ħajja tagħhom.

Kumment komuni kien li Malta hija preparata mmens għal din il-Presidenza u japprezzaw l-isforzi ffukati li qed nagħmlu. Dan mhuwiex b'kumbinazzjoni. Se jkollna Presidenza eċċellenti.

S&P
L-aħbar li l-pajjiż tela' minn Serie B għal Serie A fejn tidħol l-ekonomija hija aħbar sabiħa ferm.

Dan huwa l-aqwa backdrop għall-baġit li se jinqara għada sabiex issir ir-rabta bejn is-saħħa ekonomika u t-tixrid tal-ġid fost is-soċjetà kollha biex kulħadd iħoss il-ġid li qed nagħmlu.

Tanker
Bellahni l-wiċċ li għandha l-President tal-PN Dr Ann Fenech. L-ewwel ħarġet tgħid li t-tankers tal-gass ma jeżistux. Imbagħad ħarġet tgħid li jeżistu imma kbar daqs il-koppla tal-Mosta erba’ darbiet. Imbagħad ħarġet tgħid li dawn it-tankers huma perikolużi.

Issa qed tgħid li dawn it-tankers mhux perikolużi.

Nies bħal Ann Fenech jagħmlu disservizz sħiħ għall-politika kollha kemm hi.

Simon Busuttil u l-MAP
L-istess inkonsistenza dehret anke f'Simon Busuttil fejn tidħol l-issue tal-Morning After Pill.

Illum qal ħaġa, l-għada qal l-oppost u jekk issaqsini n-nies hemm barra x'fehmu dwar il-pożizzjoni ta' Busuttil, jgħidulek tgħaffiġa sħiħa.

Kellu jmur għand sieħbu Pierre Portelli tal-Independent biex b'xi mod jiġborielu.

Simon Busuttil m'għandux il-kredenzjali biex iservi bħala Prim Ministru.

Preti
Interessanti ħafna d-dibattitu akkademiku li jinsab għaddej dwar jekk il-kwadru li akkwistat Heritage Malta huwiex ta' Preti jew inkella tal-bottega jew skola li kellu Preti ta' dak iż-żmien.

Heritage Malta kellha parir b'saħħtu tal-Professur Amerikan John Spike li jgħid b'mod ċar li l-kwadru huwa ta' Preti nnifsu u mhux tal-allievi tiegħu qabel inxtrat.

Kellha wkoll il-parir tal-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello li fil-kamp tal-istorja u l-arti huwa conoisseur rispettat.

Nieħu gost nara dan id-dibattitu għaddej fuq il-qasam artistiku.