‘Jien se noqgħod fuq dak li qalli Beppe Fenech Adami’

Mill-każ tal-kumpanija CapitalOne sat-tanker tal-gass, il-koalizzjoni ma’ Marlene Farrugia, Franco Debono u l-iskema Ċedoli...Busuttil intervistat mill-ILLUM

Albert Gauci Cunningham / 20 t'Ottubru 2016 12:12
Simon Busuttil
Din il-ġimgħa daħal it-tanker tal-gass fil-port ta’ Marsaxlokk.  U saru ħafna rapporti fuq il-mezzi tax-xandir, intqalu ħafna affarijiet u anke nxtered ukoll ċertu tħassib fost l-eluf ta’ persuni li jgħixu Birżebbuġa u Marsaxlokk. Imma Busuttil ma twelidx ilbieraħ u l-Partit Nazzjonalista lanqas.

Infakkru li f’25 sena sħaħ, Gvern Nazzjonalista ħalla t-tankijiet tal-gass f’nofs mijiet ta’ residenti fil-Qajjenza (limiti ta’ Birżebbuġa), kif ukoll u minkejja diversi talbiet mir-residenti u anke mill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono, ħalla t-tankijiet taż-żejt tal-31 ta’ Marzu, f’nofs in-nies ukoll. Dawn kienu riskju, sogru u ġerħa ambjentali li n-nies ta’ Birżebbuġa kellhom jiffaċċjaw u jaraw kuljum preċett minn djarhom. 

Il-PN, Apoloġija u s-South 

L-ILLUM tibda bl-ewwel mistoqsija, ‘ma tħossx li l-PN m’għandux l-awtorità morali li jitkellem dwar perikli u tankijiet, meta kellu ċ-ċans u l-poter li jbiddel u ma biddilx?’ “Hemm differenza kbira bejn tanker fuq l-art u tanker fuq il-baħar,” jibda jirrispondi Busuttil. “X’jiġri jekk ikun hemm maltempata? X’jiġri jekk ikun hemm vapuri kbar li jkunu jridu jduru fil-Port u ma jkunux jistgħu? X’jiġri jekk ikun hemm leak tal-gass ta’ dan it-tanker, f’nofs bajja żgħira u esposta? Għalhekk ix-xebh tiegħek huwa irreleventi,” jgħid Busuttil. 

Mhux neċessarjament se jaqblu miegħu dawk l-eluf li, kuntrarjament għal Busuttil, għexu b’tank tal-gass jew taż-żejt wara biebhom. Imma mmexxu. “Riskju, żgħir kemm hu żgħir ma rridux jien,” jerġa’ jisħaq Busuttil. Dlonk nerġa’ nfakkru kif qatt ma tkellem meta madwar 10,000 resident ta’ Birżebbuġa għexu ġirien ma’ dawn it-tankers, meta depot bit-tankijiet tal-gass kien eżatt wara l-bitħa tagħhom. 

“Il-punt huwa li ma nafux x’se jkunu r-riskji għax ir-rapporti għadhom mhux pubbliċi, u jidhirlek li r-rapporti għandhom joħorġu issa? Ma kellhomx joħorġu qabel?” jistaqsi l-Kap tal-PN meta rrimarkajtlu li kemm l-OHSA u anke l-ERA fakkruh, f’ittra din il-ġimgħa, li fil-fatt l-istudji se jkunu ppubblikati mal-konsultazzjoni dwar il-Power Station il-ġdida. 

“Anke jekk għall-grazzja tal-argument ir-riskju huwa żgħir, din il-Power Station xorta  m’għandhiex bżonnha,” kompla jgħid Busuttil f’vena simili għal dik ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. “M’għandniex bżonnha biex traħħas il-kontijiet, għax il-kontijiet traħħsu mingħajrha, m’għandniex bżonnha għall-ġenerazzjoni tad-dawl għax moqdijin għal numru ta’ snin oħra u m’għandniex bżonnha biex intejbu l-kwalità tal-arja għax tjiebet b’58% grazzi għall-impjant tal-BWSC. Nistaqsi lilek,” u hawn Busuttil jieħu l-irwol tal-ġurnalist, “lest tieħu riskju b’ħajjet in-nies, anke jekk riskju żgħir?”

‘Bil-HFO naddafna l-arja...’

Huwa jtemm l-argument billi jsemmi l-Heavy Fuel Oil u jgħid li b’dan it-tip ta’ żejt, il-kwalità tal-arja, fil-fatt, tjiebet. “Skont ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, it-tniġġiż naqas  b’20% meta bdiet taħdem il-Power Station tal-BWSC u reġa’ naqas b’60% bl-interconnector. “Għalhekk meta Joseph Muscat kien qed jgħid li l-Heavy Fuel Oil huwa fabbrika tal-kanċer, kien qed jgħid gidba sfaċċata.”

 ‘Jien mhux qiegħed hawn biex niddefendi l-passat’ 

 Indawwar l-attenzjoni lura fuqu. L-aħħar riżultat elettorali fin-nofsinhar ta’ Malta għall-PN kien xejn inqas minn devastanti. Il-Labour rebaħ erba’ minn ħames siġġijiet fin-nofsinhar kollu ta’ Malta fl-2013, anke fil-ħames distrett. U mhux ta’ b’xejn, tankijiet, freeport. Gvern Nazzjonalista ħafer €750,000 lill-Freeport li kellhom imorru għall-komunità ta’ Birżebbuġa u dan apparti li infrastuttura bażika tħalliet taqa’ biċċa, biċċa (ibda mit-toroq u ibqa’ għaddej għall-piċċ ta’ Birżebbuġa). Tħoss li għandek taqtà linja finali mal-passat u titlob apoloġija lin-nies tal-ħames distrett?

“Jiena lanqas kont parti mill-Gvern u mhux qiegħed hawn biex niddefendi l-iżbalji tal-passat,” jibda l-Kap tal-PN. “Jien qiegħed hawn biex noffri alternattiva għall-monument tal-korruzzjoni li se jpoġġi l-ħajja tiegħek f’riskju. Kemm-il darba jiena għidt li saru żbalji u erfajna r-responsabbilità bit-telfa elettorali.” 

“Saru affarijiet tajbin, mela. Bħall-interconnector u l-Power Station tal-BWSC u saru żbalji wkoll, bħal dawk li qed tgħid int. Imma allaħares ma nistax nitkellem meta jkunu se jsiru affarijiet agħar, naħseb mhux hekk trid int, hux? Li jien nagħlaq ħalqi?” 

Ann Fenech fuq X-Tra...

Sadanittant din il-ġimgħa, wara li l-saret din intervista, Ann Fenech President tal-Eżekuttiv tal-PN ċaħdet fuq il-programm X-Tra li hi qatt qalet li dan it-tip ta’ gass (Liquified Natural Gas-LNG) huwa perikoluż. Qalet ukoll li se tistenna r-rapporti diversi dwar it-tanker qabel tgħaddi l-aħħar ġudizzju. Warajha, dak li mistenni jkun kandidat tal-PN, Salvu Mallia sostna li minn tfittxijiet li għamel sab li l-LNG ‘iktar mhux perikoluż, milli perikoluż.”  

Mitt bniedem, mitt fehma mid-dehra, għall-inqas żgur sakemm joħorġu r-rapporti, suppost din il-ġimgħa. Induru fuq iċ-Ċedoli.  

Legali, iva...imma trasparenti? 

Nistaqsih: Int taf min qed isellef flus lill-Partit Nazzjonalista. Il-poplu ma jafx. Din it-trasparenza li tant tgħajjat biha? Busuttil, ċert bħal dejjem fir-risposti li jagħti, ifakkar li hu qed jimxi mal-liġi. “Jien qed nirrispetta l-liġi li għamel Joseph Muscat, ma’ kull kelma tagħha. Issa titlobnix nagħmel affarijiet li mhumiex fil-liġi.” 

Inwaqqfu mill-ewwel u nfakkru li din bħal ta’ Konrad Mizzi. M’għamel xejn illegali, jew m’hemmx prova ta’ illegalità, imma mhux etika u anqas u anqas trasparenti. Nirrimarkalu li lil hinn mil-legali, se jkun hemm minn jissuspetta li għall-flus se jkun hemm l-obbligi. “Le,” jwieġeb, “ma jistgħux jinħolqu obbligi meta għandek self b’interessi aħjar minn tal-bank u €10,000 huma ftit wisq biex jinħoloq l-obbligu.” 

L-ewwel xenarju: Ċedoli

Noħloq l-ewwel xenarju. Jien ABC Construction u selliftek ammont kbir ta’ flus permezz tal-iskema Ċedoli. Issir Prim Ministru. Il-PN jibqa’ f’fondoq finanzjarju u ma jkunx jista’ jħallasni lura s-self. Jien ngħidlek, jew tħallasni cash jew ‘in kind’, b’xi direct order jew kuntratt. X’tagħmel? 

“Qed tisottovaluta lil Simon Busuttil,” jirrispondi Simon Busuttil, “jien ma naċċettax ħmieġ. Din l-skema għamiltha biex inaddaf il-politika. Qabel, il-partiti kienu jiddependu minn għotjiet sigrieti, jien dik biddiltha.” Imma nfakkru, għax qed jieħu l-merti li “naddaf il-politika,” li kien dan il-Gvern li daħħal il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. 

“Iva u tridni ngħidlek li missna daħħalnieha aħna? Mela ngħidlek. Imma issa din qbilna b’mod unanimu dwarha, mela issa jeħtieġ nirrispettawha. 

‘Jien noqgħod fuq dak li qalli Beppe’

Il-gazzetta oħt MaltaToday, f’dawn it-tliet snin kienet minn ta’ quddiem fi stejjer li kixfu għawwar il-Gvern (ukoll) u li minħabba fihom, l-istess Gvern qala’ tummakki kbar. Wieħed minnhom huwa l-każ tal-Kafè Premier. Dakinhar Busuttil u l-PN ħarġu jxejru l-MaltaToday u jfaħħru l-ġurnaliżmu “investigattiv”, “indipendenti”, “serju” u insomma ħafna aġġettivi. Toħroġ l-istorja b’allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u jisemma’ Beppe Fenech Adami (il-każ tal-kumpanija CapitalOne) u f’daqqa waħda l-istejjer tal-MaltaToday isiru “montatura”, “fabrikazzjoni” u nsomma ħafna aġġettivi inqas sbieħ. 

‘Allura int tbiddel id-diska skont x’jaqbel għal widnejk?’ “Le, ma naqbilx miegħek. L-insinwazzjonji li saret li b’xi mod Beppe Fenech Adami waqqaf l-investigazzjonijiet hija kompletament falza.” Imma Busuttil kif jaf? Mhux aħjar jistenna l-eżitu tal-inkjesta? “Jien kellimt lil Beppe u noqgħod fuqu. Meta kellimtu huwa ċaħad bl-aktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet u l-insinwazzjoni li hu waqqaf investigazzjoni. Jien noqgħod fuq dak li qalli Beppe. Apparti dan iżda, jien nistaqsi għalfejn wara tliet snin u għalfejn meta daħal it-tanker? Koinċidenza din? Aħna nafu kif jilgħab il-logħba Muscat. Jipprova jiddevja minn kwistjoni, bħal tat-tanker, billi joħloq kwistjoni oħra.

Każ Beppe: It-tieni xenarju  

Tkun PM fl-2018. Isiru allegazzjonijiet fuq Ministru tiegħek. Tmur tkellmu u hu, kif għamel Fenech Adami f’dan il-każ, jiħċad. Allura x’tagħmel? Toqgħod fuq kliemu u daqshekk, kif qed tagħmel issa? 

“Le, le, insejjaħ inkjesta wkoll,” iwieġeb. Nerġa’ nwaqqfu, biex infakkru li hu mhux hekk għadu kif qal. Hu qal li kellem lil Beppe u qagħad fuq kliemu, li jfisser li minkejja kull inkjesta li tista’ ssir, hu lil Beppe se jemmen.

“Hemm differenza kbira. Differenza bejni u bejn min qatt m’għamel inkjesti sura ta’ nies, fuq il-każ tal-viżas mediċi, tal-viżas għall-Alġerini u fil-każ tal-permessi ta’ ċittadinanza, biex imbagħad jagħmel waħda fuq l-avversarju. Dawn tattiċi faxxisti, anti-demokratiċi u li jagħmlu lil dan il-Gvern wieħed perikoluż.” 

"Anke jekk għall-grazzja tal-argument ir-riskju huwa żgħir, din il-Power Station xorta m’għandhiex bżonnha"
‘Ma nafx, akkuża fuq Muscat dejjem vera, imma fuqek dejjem ‘aljenazzjoni’, nirrimarkalu’. “Le mhux veru, fil-każ tal-Iswiss Leaks ħadt azzjoni kif taf, fil-konfront tal-eks Ministru Michael Falzon. U kien hemm mumenti oħrajn meta ħadt passi simili, fejn ħassejt li kien hemm bżonn.

Iż-żwieġ politiku ma’ Marlene

Il-Ħadd li għadda kien żvelat fuq is-Sunday Times li hemm ċans kbir li inti tibni koalizzjoni ma’ Marlene Farrugia. Jekk inti tirbaħ l-elezzjoni permezz ta’ din il-koalizzjoni, x’parti tkun qed tilgħab Farrugia fil-Gvern tiegħek? 

“Għadu kmieni wisq għal dawn it-tip ta’ konklużjonijiet,” pront iwieġeb Busuttil. Imma jekk din se tgħinek biex tirbaħ, se jkollok ittiha xi ħaġa? “Jien mhux Joseph Muscat u ma nidħolx fi ftehim pre-elettorali. Jiena sempliċiment ftaħt il-bibien għal kulħadd, għal dawk kollha li jridu jiġġieldu l-korruzzjoni fir-realtà, għal dawk li huma favur il-ġustizzja soċjali għal min irid ħajja aħjar u għal min irid inaddaf il-politika.

It-tielet xenarju: Koalizzjoni

Tiġi fuqek Marlene Farrugia u tgħidlek li hi taqbel ma’ dak li temmen fih int u lesta tidħol f’koalizzjoni. F’każ ta’ rebħa imma, trid li hi tingħata Minsteru. Taċċetta?

“Le, ma naċċettax,” tkun ir-risposta ċara ta’ Busuttil. 

Franco Debono: Kapitlu magħluq

Fuq il-programm Xarabank, ġimagħtejn ilu, Salvu Mallia qal li jekk il-PN jitlob apoloġija lil Franco Debono, jagħmel sew u jirbaħ il-punti politiċi. Taqbel? “Jien dejjem urejt umiltà u ammettejt fejn saru żbalji. Issa ma’ Franco Debono jien qatt ma dħalt f’kontroversja pubblika però, min-naħa tagħna il-kapitlu Franco Debono huwa magħluq.” 

Ir-raba’ xenarju: Bini Għoli

 Infakkru fl-appoġġ li ta biex isir l-appell kontra l-proġett Townsquare, u noħloq ir-raba’ xenarju. Fl-2018 int issir PM. Jiena napplika biex nibni torri ta’ 40 sular f’Tas Sliema. Int, tbiddel il-Pjan Lokali biex lili twaqqafni? 

“Aħna vvutajna kontra l-proġett ta’ TownSqaure, mhux għax aħna kontra l-progress jew il-bini, imma hemm mod u mod hux. Li jkollok torri ta’ 12-il sular naċċetta, ta’ 22 sular naċċetta wkoll. Imma ta’ 38 sular? Dak eżaġerazzjoni.” Busuttil jisħaq li hu mhux bniedem “tal-eżaġerazzjonijiet” u “tal-estremitajiet” u jfakkar li dan il-proġett, taħt Gvern Nazzjonalista ma ħareġ qatt, għax il-politika tal-Awtorità qatt ma ppermettiet.

Allura x’tagħmel jekk issir Prim Ministru?  “Aħna nirrevedu l-policy ta’ Muscat li qed tagħti spazju għall-estrem, li qed teqred ix-xenarju Malti. Aħna nirrevedu l-Pjan Lokali u allura, iva, kemm jista’ jogħla l-bini.” Jiġifieri Busuttil qed jitfa’ speċi ta’ twissija lill-iżviluppaturi biex iżommu r-riedni qabel jippjanaw li jitfgħu applikazzjonijiet għal bini għoli, hux hekk? “Mhux aħna biss, hemm l-appell tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi wkoll. Nittama li l-iżviluppaturi jisimgħu l-karba ta’ ħafna reisdenti.

Għada l-baġit ta’ Gvern li jagħti ‘ħafna lil ftit u ftit lil ħafna’

Għada jitħabbar il-Baġit li se jressaq il-Gvern li skont Busuttil “tilef ir-ruħ soċjali għax huwa Gvern li jagħti ħafna lil ftit u ftit lil ħafna.” Fil-ftit ħin li kien għad fadal, Busuttil jitkellem dwar ftit mill-miżuri li hu jwettaq kieku jkun Prim Ministru. “Ngħinu lill-pensjonanti joħorġu mill-faqar, inżidu l-pensjoni, nagħtu l-mediċina kollha b’xejn. Għax f’dawn it-tliet snin il-faqar żdied mhux naqas, kif jgħid il-Gvern. Għax il-Gvern kien iktar moħħu fil-kontijiet il-Panama, milli mill-anzjani li lanqas biss jistgħu jixtru l-mediċina.” 

Tiħdux bis-serjetà lil Glen Bedingfield...

Għal mument qasir ħafna, id-diskors idur fuq il-ħatra ta’ Caroline Muscat, eks ġurnaista tat-Times, bħala Campaign Manager tal-PN. Ftit qabel l-intervista, Glen Bedingfield, fi blog qal li Muscat qed titħallas €55,000 fis-sena. B’partit bi problemi finanzjarji, possibbli hemm fejn jitħallsu dat-tip ta’ pagi? 

“Hekk qal, veru? U inti taħseb li jien nagħti każ lil Bedingfield,” qal b’ton sarkastiku Busuttil. “Nitkellmu fuq is-serjetà, aħna kburin li attirajna t-talent ta’ Muscat lejn il-PN.” 

Il-ħames xenarju: ‘Jien ċert li se nirbaħ’

Elezzjoni 2018. Jekk tirbaħha, ssir Prim Ministru. U jekk titlifha? “M’għandix dubju, anzi iva ċert, li se nirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss.” Infakkru li dik stqarrija riskjuża ħafna. “Ngħidlek kif,” ikompli Busuttil. “Għax dak li qed nara jien, qed tarah int, jista jarah kull min qed jaqra din l-intervista. U jiġu wkoll ħafna Laburisti fuqi u jgħiduli li se jivvutaw lili, għax huma Laburisti ta’ prinċipju.”

Nerġa nistaqsih. Imma jekk ma tirbaħx? “Mhix kwistjoni dik. Jien nemmen b’passjoni li se nirbaħ l-elezzjoni li jmiss.” 

U nibda niftakar fil-Laburisti jkantaw ‘Ir-rebħa terġa’ tkun’ u nibda niftakar f’Gonzi, ‘Fid-9 ta’ Marzu nivvutaw u fl-10 ta’ Marzu niċċelebraw’, imma jsir wisq ħin u kull ma jkolli ċans ngħid huwa “nitkellmu wara l-elezzjoni.” 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.