filmat | Il-Partit Laburista tilef ir-ruħ soċjali tiegħu?

"Missieri, mhux biss kellu ruħ soċjali imma, kien jaħsibha sewwa dwar l-ekonomija"

Veronica Lynn Mizzi / 5 ta' Settembru 2016 17:11
Il-kritika li spiss issir lill-Gvern Laburista hija li tilef ir-ruħ soċjali tiegħu, u minflok li jkun hemm il-ħaddiem fil-mira tax-xogħol tal-Partit, ikun hemm in-negozjanti. F'intervista mal-gazzetta ILLUM, Yana Mintoff taqbel ma’ dan? “Mhux se ngħid li l-PL tilef ir-ruħ soċjali, imma jrid jaħseb iktar fil-ħaddiem. Jekk dejjem taħseb għall-businesses, u għall-interessi speċjali tkun qed temmen fit-trickle down effect, imma aħna lkoll nafu li dan ma jeżistix.” Hawnhekk, Mintoff issemmi l-istil ta’ kif kien imexxi missierha, Duminku Mintoff. “Bħal missieri, mhux biss kellu ruħ soċjali imma, kien jaħsibha sewwa dwar l-ekonomija, dwar is-servizzi soċjali, dwar kif kulħadd seta’ jaħdem tajjeb u jaqla’ paga tajba. Ma kienx jibża’ jgħolli l-paga minima. Lanqas kien jibża’ jaħti lill-ħaddiema iktar kontroll, għaliex kien jemmen li bl-esperjenza timxi ’l quddiem,” kompliet tgħid Mintoff.

‘Iż-żgħir huwa bla leħen’

Mintoff tiddeskrivi lilha nnifisha bħala soċjalista, iżda kif tħares lejn il-Partit Laburista? Għadu jidher bħala partit soċjalista? Għal dan hi twieġeb, “hemm ħafna nies li huma soċjalisti, u r-ruħ tal-Partit għadha hemm. Il-ħin kollu niltaqa’ ma’ nies fi ħdan il-Partit li jemmnu li għandna bżonn ngħinu liż-żgħir.” Hawnhekk, nistaqsu jekk tħossx li dan is-sentiment huwa preżenti wkoll fit-tmexxija tal-Partit, u mhux biss qalb il-membri. “It-tmexxija mbagħad... Jien ngħid li hemm it-taħwid. L-ideoloġija mhi ċara xejn. L-aħħar intervista li għamel il-Prim Ministru kien qal li aħjar ma jkollokx ideoloġija, u aħjar tuża s-sens komun. X’inhi l-ideoloġija? Li s-suq isuq, li għandna bżonn inħallu s-suq hekk, qisu s-suq perfett? Kulħadd jaf li s-suq jitmexxa minn ftit nies.” Mintoff tkompli titkellem dwar it-tmexxija u l-ideoloġija billi tagħti eżempju ta’ dak li kien jagħmel missierha, il-Perit Mintoff. “Jien drajt ma’ missieri li kien jemmen ħafna fl-ideoloġija. Forsi tajjeb, forsi ħażin. Li għandek bżonn żgur huwa

Bieb minn kull naħa biex tmexxi. Imma jien nemmen li jrid ikollok l-ideoloġija tiegħek, bħala t-twemmin tiegħek.”

Mistoqsija dwar il-politika li titħaddem partikolarment dik soċjali, u dwar jekk taħsibx li dawk fil-klassi tan-nofs u dawk li fi żmien it-tmexxija ta’ missierha, kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Gvern, għandhomx jirċevu l-attenzjon dovuta, Mintoff tgħid li dawn spiċċaw “bla leħen. Smajt lil xi ħadd jitkellem dwar il-klassi tal-ħaddiema dan l-aħħar? Il-vulnerabbli u l-ħaddiema m’għandhomx leħen.”

‘Tajjeb li tnaqqas il-qgħad, imma ma jridx ikun hemm prekarjat’

Meta titkellem dwar is-sitwazzjoni fis-soċjetà tagħna, tgħid li “tista’ tgħid li s-soċjetà tagħna tilfet ir-ruħ, u għalhekk hu importanti li l-Gvern u l-mexxejja jkollhom dik ir-ruħ.” Mintoff tkompli tinsisti li qed tħoss li qed jintilfu ħafna mill-valuri importanti fis-soċjetà.

Tgħid li l-maġġoranza tan-nies huma ħaddiema, imma dawn sejrin lura għaliex, “huwa tajjeb li l-qgħad jonqos, imma jekk tnaqqas il-qgħad bix-xogħol li huwa iktar prekarju, fejn lanqas biss għandhom paga diċenti, li wara 40 siegħa xogħol, jistgħu jmorru d-dar u jgħixu biha.

Il-Gvern jgħaddi t-test...bi żbrixx

Mistoqsija tagħti marka minn 10 lil dan il-Gvern u kif mexa fuq kwistjonijiet soċjali fl-ewwel snin tiegħu, Mintoff tistqarr, “jien ma naħsibx li l-Gvern qed jagħti biżżejjed importanza lil kwistjonijiet soċjali. F’għajnejja, nagħti 5 minn għaxra, għax għandna ħafna x’nagħmlu u għandna neħduha bis-serjetà, u għandna nagħtu prijorità. Rigward il-wegħdi elettorali li kienu saru qabel l-2013, x’taħseb Yana Mintoff? Żammew magħhom? “Naħseb li biċċiet ’l hawn u ’l hemm, għamlu, għax ma nistax ngħid li m’għamlux, imm qisna waqafna. Qegħdin nistennew l-investimenti tajbin fil-housing, u naħseb li fl-aħħar beda d-dibattitu bis-serjetà fuq politika tal-housing, imma hemm affarijiet oħra fin-nofs. Jeħtieġ li jkun hemm ħsieb, u ħsieb urġenti dwar il-housing.”

filmat | Chris Mangion