Il-Musical rock oriġinali - Belliegħa

Musical oriġinali bbażat fuq il-ħakma tal-forzi Torok fi żmien ferm diffiċli għall-gżejjer Maltin

Staff Reporter / 5 ta' Settembru 2016 12:37
Wara s-suċċess ta' CARMEN  IL-MUSICAL ROCK u A WAR TO END ALL WARS, DLS Productions qegħdin iħejju ruħhom għall-ikbar produzzjoni li se jkunu tellgħu s'issa, BELLIEGĦA.  Din ser tittella' fis-16 u fis-17 ta' Settembru 2016 fi Pjazza Teatru Rjal ġewwa l-Belt Valletta.

Din il-musical oriġinali hu bbażat fi żmien il-ħakma tal-forzi Torok, żmien diffiċli ferm għall-gżejjer Maltin. L-istorja ddur mal-familja Inguanez u t-tlett itfal tagħha, Lucia, Maria u Tinu. Lucia, l-akbar fost ħutha, hi mwiegħda lin-nobbli Mikiel, minkejja li fil-fond ta' qalbha hi tkun tħobb lil Ġamri, iben furnar. B'hekk il-familja Inguanez ikollha taffaċċja din is-sitwazzjoni konsegwenza tal-ħwejjeg li jmissu l-qalb. Il-familja ssib lilha nfisha fi kriżi hekk kif Maria u Tinu jisparixxu u jaħsbu li dawn inħatfu mit-Torok, meta fil-verita`, Belliegħa tniżżilhom fil-bir għax hi għatxana għall-eċċitament fil-ħajja monotona tagħha. It-tfal isibu lilhom infushom f’dinja taħt l-art, qalb il-kreaturi u mostri Maltin li ġew minsijin tul iż-żmien, bħall-Babaw, is-Sarangu u s-Saħħara. Jinxteħet dawl fuq is-sigrieti mistura fejn raġġ ta’ dawl ifiġġ, iżda t-tfittxija għat-tfal issir il-kaġun ta' żbilanċ u tkisser il-ħitan li jifirdu ż-żewġ dinjiet.

Din il-produzzjoni, rock musical bi script oriġinali, hija mżewqa b’mużika ta' gruppi famużi, bħal Bon Jovi, Pink Floyd, Simon and Garfunkel u ħafna aktar, iffurmata mal-istorja sabiex toħloq rappreżentazzjoni enerġetika u eċċitanti li tiġbed udjenza mħallta kif ukoll internazzjonali. Din il-produzzjoni hi taħt il-patronaġġ tal-Eċċellenza tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta' Malta.

Dan il-proġett jgħaqqad l-isforzi u t-talenti ta' sittin artist individwali kif ukoll diversi artisti speċjalizzati f'varjeta` ta' arti li qegħdin kollha jaħdmu bil-mezzi tagħhom għal skop komuni. Kollaborazzjoni ta' kittieba, diretturi artistiċi, artisti viżwali, disinjaturi tal-kostumi u dawl, għalliema tal-kant u ż-żfin, kif ukoll l-aħħar u żgur li mhux l-inqas, individwi b'talent għar-reċtar, kant, mużika u żfin. Dan il-proġett hu amalgamazzjoni ta’arti teatrali, letterarja u viżwali li timpressjona lill-udjenzi.

BELLIEGĦA - ROCKIN' THE UNDERWORLD,  spettaklu għall-familja kollha, ser tiġi interpretata bl-Ingliż u hija l-istorja tal-fantasija tal-gżejjer Maltin. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq www.ticketline.com.mt jew billi ċċempel fuq 79848788. Il-biljetti jiswew €20 u €25.

BELLIEGĦA ser tittella’ bl-għajnuna ta' RVC Event Services, C.Camilleri & Sons, Besteam Audio, iStage, Tower Supermarket, MCST, Corrieri Cilia Legal, Hydrolectric, MSV Life, MPM Capital Investments, Bank of Valletta, Centre Operations, Continental Cars, G.Molton, M&Z Marketing Ltd, VIBE FM, DanielM Photography u VJ Salomone.