Protagonista ewlieni fl-amministrazzjoni tal-Futbol Ewropew

Giancarlo Abete - wieħed mill-protagonisti fl-awtoritajiet tal-futbol Taljan u anke dak Ewropew. Ta kontribut importanti lill-futbol Taljan, f’perjodu fejn il-kredibbiltà tal-futbol ġewwa l-Italja kienet viċin ix-xejn

Cristian Muscat / 30 t'Awwissu 2016 19:30
Giancarlo Abete
Giancarlo Abete twieled f’Ruma, fis-26 t’Awwissu tal-1950 u nistgħu ngħidu li huwa wieħed mill-protagonisti fl-awtoritajiet tal-futbol Taljan u anke dawk Ewropej. Huwa personaġġ li minkejja forsi d-dinja tal-futbol mhux l-ewwel dar tiegħu, għaliex huwa għandu rwoli oħra li jokkupa fid-dinja tax-xogħol, żgur li ta kontribut importanti lill-futbol Taljan, f’perjodu fejn il-kredibbiltà tal-futbol ġewwa l-Italja kienet viċin ix-xejn.

Wara t-tragedja ta’ Calciopoli, fejn fost oħrajn kien anke rriżenja l-President tal-Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC), Guido Rossi, Giancarlo Abete, li ta’ min isemmi huwa partitarju Juventin, kien laħaq President tal-akbar awtorità tal-futbol fl-Italja u kellu d-dmir ewlieni li jerġa' jibda jibni r-reputazzjoni tal-futbol ta’ pajjiżu, u jerġa' jibda jirbaħ ir-rispett tal-akbar nazzjonijiet fid-dinja tal-futbol.

Huwa dam jokkupa l-kariga ta’ President tal-FIGC għal seba’ snin u nofs, fejn il-mandat tiegħu ntemm f’Awwissu tal-2014. Sadanittant, huwa wkoll imdaħħal fl-awtoritajiet tal-UEFA fejn mill-2009 huwa ilu jifforma parti mill-Kumitat Eżekuttiv li sa ftit xhur ilu kien anke fassal laqgħa u proġetti ġewwa pajjiżna, filwaqt li mill-2011 huwa qed jokkupa l-irwol ta’ viċi president, irwol iżda li aktarx jinbidillu wara l-elezzjonijiet li se jsiru f’Settembru li ġej. Intant, il-ħidma tiegħu fil-futbol ilha li bdiet mis-snin 80, meta fl-1989 kien ġie maħtur bħala l-Kap tas-settur tekniku tal-FIGC fejn dam sena biss, għaliex sena biss wara kien il-Kap tal-Lega Professionisti tas-Serie C, sas-sena 1997.

Ta’ min isemmi wkoll, li huwa okkupa l-kariga ta’ viċi president għal darbtejn, mis-sena 1996 sas-sena 2000 u mis-sena 2001 sas-sena 2006. Matul dawn is-snin, l-akbar esperjenza tiegħu kienet żgur mhux forsi t-trijonf tat-tim nazzjonali Taljan ġewwa l-Ġermnja fis-sajf tal-2006, meta taħt il-gwida tal-kowċ bravu Marcello Lippi, l-Azzurri rebħu r-raba' Tazza tad-Dinja fl-istorja tagħhom. Ġewwa l-Ġermanja, huwa kien il-Kap tad-Delegazzjoni tal-FIGC fejn żgur mhux forsi se tibqa' memorja mill-isbaħ stampata f’moħħu.

Ftit xhur wara kien ġie elett bħala President tal-FIGC, propju fit-2 t’April fejn minn 271 vot, huwa kien kiseb 266 biex fis-sena 2013, reġa' ġie kkonfermat bħala President permezz ta’ kwazi 95% tal-voti, anke jekk kien l-unika kandidat għal din il-kariga. Madankollu, huwa kien pront ħabbar li ma riedx iġedded il-mandat tiegħu wara li jispiċċalu u mhux talli hekk, talli ħalla l-kariga qabel iż-żmien biex warajh ġie Carlo Tavecchio.

"Ir-relazzjoni tiegħi ma' Malta hija waħda importanti ħafna fejn bħala denominatur komuni hemm Pietro Ghedin, li huwa bniedem serju u professjonali ħafna. Huwa ta’ pjaċir personali li nara lil Ghedin fil-proġett tagħkom"
Inħarsu ftit ukoll lejn il-ħajja tiegħu lil hinn mid-dinja tal-ballun. Huwa t-tifel tal-kavallier Antonio Abete u Maria Basile, it-tnejn li huma mir-reġjun tal-Campagna. Minn dejjem kien żagħżugħ li kien iħares lejn l-ekonomija bħala s-settur tiegħu u huwa ggradwa fl-Ekonomija u l-Kummerċ iżjed tard matul il-karriera akkademika tiegħu.

Il-ħidma u l-isfidi jidhru li huma parti mid-DNA tal-familja, għaliex ħuh, Luigi Abete huwa l-eks President tal-Confindustria u issa jokkuppa l-istess rwol iżda fil-Bank Nazzjonali tax-Xogħol.

Barra minn hekk, Abete kellu wkoll karriera fil-politika, fejn bejn l-1979 u l-1992, huwa kien deputat fit-tmien, disa' u l-għaxar leġislatura f’isem id-Demokristjani. Huwa imprenditur fis-settur grafiku, editorjali u informattiv, President u membru fil-Kunsill Amministrattiv ta’ soċjetajiet varji li jaqgħu taħt il-Grupp Abete u barra minn hekk, huwa kien ukoll President fl-Unjoni Industrijali ta’ Ruma u Lazio bejn l-1994 u s-sena 2000, u tal-Federturismo Confindustria, bejn l-1999 u l-2003. 

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Fil-passat, kellna tim tax-xogħol fejn kont bdejt nilgħab il-futbol hemmhekk u mal-Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC) bdejt fl-1988 bħala President tas-Settur Tekniku f’Coverciano, biex imbagħad ftit wara kont ġejt elett bħala President tal-Lega tas-Serie C. Ġejt elett bħala President tal-FIGC, biex eventwalment fl-2007 ġejt maħtur bħala President tal-FIGC, fejn domt nokkupa din il-kariga sa Awwissu tal-2014.

Taħseb li waqt il-presidenza tiegħek tal-FIGC, irnexxielek tbiddel il-futbol Taljan għall-aħjar?

Diffiċli ngħid, għaliex kienet sitwazzjoni diffiċli ħafna, speċjalment meta tikkunsidra li ġejt elett fis-sena 2007, ftit wara Calciopoli u allura dak kien ifisser li kien hemm bżonn ta’ ħidma qawwija sabiex nerġgħu nnaddfu l-isem tal-futbol Taljan.

Bħalissa tinsab ukoll tokkupa l-kariga ta' wieħed mill-ħames viċi presidenti tal-UEFA. X'tinvolvi eżattament din il-kariga tiegħek?

Hekk hu. Bħalissa jien nokkupa dak l-irwol, fejn ilni mis-sena 2011 filwaqt li ilni nifforma parti mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA sa mis-sena 2009. Fl-14 ta' Settembru li ġej, f'Ateni fil-Greċja ħa jkun hemm elezzjonijiet ġodda, fejn se jkun hemm tliet kandidati għall-Presidenza.

Il-problemi riċenti tal-UEFA. X'ġara eżatt?

Sfortunatament fl-aħħar xhur konna għaddejjin minn naqra mewġ mhux ħażin, fejn infatti għadna bi President 'interim'.

Il-ħsibijiet tiegħek fuq it-tim nazzjonali Taljan fil-preżent.

Ovvjament, m'aħniex tim tal-ewwel faxxa, madankollu għamilna passi 'l quddiem fir-rankings. Baqgħalna ħafna biex nikbru u nsiru tim bħal per eżempju l-Ġermanja, li ħadmu ħafna u li issa qegħdin dejjem jaslu sas-semifinali jew il-finali ta' kompetizzjonijiet maġġuri internazzjonali.

X'taħseb fuq l-ekskowċ tal-Italja, Antonio Conte?

Antonio Conte għamel xogħol importanti fit-tmun tat-tim nazzjonali Taljan, għaliex b’dik l-iskwadra wasal fejn wasal fil-Kampjonati Ewropej u barra minn hekk, għen biex itejjeb l-isem tal-futbol Taljan.

X’tikkummenta dwar il-ħatra ta’ Giampiero Ventura fit-tmun tat-tim nazzjonali Taljan?

Huwa kowċ li kapaċi jaħdem ħafna maż-żgħażagħ u żgur mhux forsi li ħa jgħin sabiex jivvalorizzahom fit-tim nazzjonali Taljan. Ħa jkollu proġetti importanti, fejn mhux se jonqsu l-ostakli ovvjament, speċjalment fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li se ssir fir-Russja.

Kif inhi r-relazzjoni tiegħek mal-President attwali tal-FIGC, Carlo Tavecchio?

Hija relazzjoni antika ħafna, għaliex ilna nafu lil xulxin u ħdimna fl-istess settur, fejn fost l-oħrajn kien viċi president waqt il-Presidenza tiegħi tal-FIGC. Ovvjament, dan kulħadd ikollu l-opinjonijiet tiegħu fuq ċerti affarijiet, iżda dan ma jaffettwax ir-relazzjoni tagħna.

"Il-futur tiegħi mhux se jarani fid-dinja tal-futbol bħala protagonist, għaliex apparti l-futbol, jien imprenditur, u għalhekk hemm bżonn niddedika ħini fuq dak ix-xogħol ukoll"
X'tikkummenta fuq il-kankru tal-betting internazzjonali?

Hija problema diffiċli ħafna li tissolva għaliex kulma jmur qiegħda tikber. Biss biss, nistgħu naraw li issa qegħdin jagħmlu l-imħatri f’pajjiżi 'l bogħod minna, min-nies li m'għandhomx x’jaqsmu mal-isport u eventwalment tkun xi ħaġa inkontrollabli.

 

 

 

Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tiegħek ma’ Malta?

Ir-relazzjoni tiegħi ma' Malta hija waħda importanti ħafna fejn nistgħu ngħidu li bħala denominatur komuni hemm Pietro Ghedin, li huwa bniedem serju u professjonali ħafna. Huwa ta’ pjaċir personali li nara lil Ghedin fil-proġett tagħkom.

X'inhu l-futur ta’ Giancarlo Abete?

Il-futur tiegħi mhux se jarani fid-dinja tal-futbol bħala protagonist, għaliex apparti l-futbol, jien għandi xogħol bħala imprenditur, u għalhekk hemm bżonn niddedika ħini fuq dak ix-xogħol ukoll. 

 

FACT FILE

Twieled f’Ruma, fis-26 t’Awwissu tal-1950

Huwa wieħed mill-ħames viċi-presidenti tal-UEFA

Kien jokkupa l-kariga ta' President tal-FIGC għal seba’ snin u nofs, sa Awwissu tal-2014

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.