Filmat | Sfida kontra l-mewġ… għall-kilba tal-adrenelina

L-ILLUM tkellmet ma’ żewġ qaddiefa tal-kajak dwar xi jwassalhom biex jisfidaw il-qilla tal-mewġ fl-ixmajjar, sabiex jaqtgħu l-għatx għall-adrenelina...

Ruben Anthony Xuereb / 14 t'Awwissu 2016 15:59
Stessu sodisfatt quddiem kaskata - Ryan Rizzo, Allen Mamo, Alan Borg, Chris Mangion, Anthony Galea, Vince Niesz, Steve Rizzo, Alex Rizzo, Valentino Markolini
Fi żmien erbat ijiem, b’bejn ħamsa u sitt sigħat qdif kuljum, grupp ta’ qaddiefa Maltin qadfu bil-kajaks tagħhom fuq tlett ixmajjar differenti filwaqt li qasmu sitt fruntieri internazzjonali.

Grupp ta' Maltin jisfidaw il-mewġ ta' xmajjar fil-Kroazja
F’Lulju li għadda, filwaqt li dinja kollha, inkluż Malta kienet qiegħda ssegwi l-attentat ta’ kolp ta’ stat fit-Turkija, tmint irġiel Maltin, b’nuqqas ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, televiżjoni jew internet ma kinux jafu x’qed jiġri fil-bqija tad-dinja hekk kif kienu qegħdin jisfidaw il-mewġ ta’ adrenelina f’ġisimhom waqt li marru jisfidaw mewġ reali fi xmajjar fil-Kroazja. Dawn it-tmien irġiel kienu l-ewwel grupp ta’ Maltin li marru spedizzjoni organizzata ta’ erbat ijiem bil-kajaks qalb mewġ imqalleb u kaskati għoljin.

L-ILLUM tkellmet ma’ Stephen Rizzo u Christian Mangion, tnejn minn dawn it-tmien qaddiefa li taw lil din il-gazzetta r-raġunijiet li wassluhom biex jisfidaw il-qilla tal-mewġ fl-ixmajjar, sabiex jaqtgħu l-għatx għall-adrenelina li jagħtihom l-isport tal-kajak.

Rizzo, li huwa anke l-fundatur tal-klabb tal-kajaks saħaq li huwa beda jaqdef bil-kajak f’Malta madwar 40 sena ilu u mill-ewwel irrealizza li aktar ma tibda ssir tajjeb f’dan l-isport, aktar tikber il-kilba ta’ sfida ikbar, aktar diffiċli li tagħti mewġa ta’ adrenelina iktar qawwija.

Rizzo qal kif wara żmien ta’ qdif fil-baħar, fejn wieħed jikseb kundifenza u ħiliet tajbin fil-bilanċ waqt il-qdif, kif ukoll l-abilità li tiddritta lura bil-kajak f’każ li tinqaleb. “Il-pass loġiku segwenti”, spjega Rizzo, “kien meta bdejna nipprattikaw il-‘wave ski’ bil-kajaks, fil-bajjiet t’Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna waqt ġranet bil-mewġ waqt li r-riħ ikun ta’ forza 5 jew aktar.”

Il-‘wave ski’, li huwa litteralment, surfing bil-kajaks joffri sfidi maġġuri għall-qaddiefa, bl-ikbar diffikultà tkun ovvjamnet il-kapacità li tagħmel manuvra magħrufa bħala ‘eskimo roll’ li tfisser li l-qaddief ikun kapaċi jdur lura f’postu u fil-wiċċ meta jinqaleb bil-kajak b'kollox.

Sfida oħra bil-kajak li ssir Malta, spjegawlna ż-żewġ qaddiefa, hija ‘rock hopping’, li ssir f’baħar inqas qawwi mill-‘wave ski’, iżda bil-periklu miżjud li timmanuvra l-kajak qalb il-blat.

Rizzo jispjega li bejn ż-żewg dixxiplini, Malta ma toffrix il-possibiltà ta’ livelli aktar varji u diffiċli ta’ sfida fl-isports tal-kajak. “L-użu tal-kajak fil-baħar huwa sabiħ u eċitanti,” spjega Rizzo, “iżda ma joffrix dik il-mewġa ta’ adrenelina mixtieqa biex tħossok li qed tagħeml progress f’dan l-isport.”

“L-aħjar qaddief huwa dak li jieħu gost bil-kajak… u tieħu l-aktar gost meta tkun tajjeb f’dak li tagħmel.”

Tul ix-xmara l-qaddiefa kellhom numru ta’ kaskati x’jaqbżu - Ritratti ta' Chris Mangion
Minħabba din il-kilba għal sfida iktar diffiċli, sena ilu, ittieħdet id-deċiżjoni li jmorru l-Kroazja, li minn riċerki li għamel Rizzo, irriżulta li hemm l-aħjar faċilitajiet biex isir dan. Mill-membri tal-klabb intgħażlu t-tmienja li wrew l-aktar interess u l-inqas biża’ li jiffaċċjaw il-mewġ ta’ xmara.

Il-grupp ta’ Maltin, għażlu kumpanija tal-kajak fix-xmajjar li offritilhom l-aħjar pakkett ta’ attivitajiet li kienu sfidi ġodda għalihom.

Wara li fl-ewwel ġurnata, il-gwida evalwa l-kapaċitajiet tal-grupp fil-manuvri u t-tidwir, u ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-aktar rotta siewja biex il-qaddiefa Maltin jaqtgħu l-għatx għall-adrenelina tagħhom.

Tul l-erbat ijiem tal-avventura fil-Kroazja, wieħed mill-qaddiefa qala’ spalltu filwaqt li ieħor ġarrab ksur f’idejh… iżda kollha marru lura d-dar kuntenti u kkargati bl-adrenelina u xewqa li jerġgħu jmorru spedizzjoni simili mill-aktar fis possibli.

Il-grupp jisfida l-mewġ aħrax tar-rapidi - Ritratti ta' Chris Mangion