Fond ta' €250,000 għal produzzjonijiet ta' films lokali

Il-Malta Film Commission din is-sena se toħrog sejħa speċjali għall-proġetti taħt l-iskema tal-Malta Film Fund

Ruben Anthony Xuereb / 12 t'Awwissu 2016 18:57
Fondi allokati għall-produzzjoni ta' films lokali
Bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern li jgħin u jkattar aktar l-industrija tal-films lokali, il-Malta Film Commission din is- sena se toħrog sejħa speċjali għall-proġetti taħt l-iskema tal-Malta Film Fund.

Is-sejħa għall-produzzjoni ta’ kontenut oriġinali Malti se tgħin sabiex pajjiżna jkompli jiżviluppa l-arti ċinematografika. Dan kollu huwa parti minn strateġija li se twassal sabiex Malta żżid b’mod sostanżjali n-numru ta’ films Maltin u Għawdxin.

Dawn il-produzzjonjijet se jirrapreżentaw lil pajjiżna fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari hekk kif Malta s-sena d-dieħla se jkollha l-presidenza tal-Unjoni Ewropeja filwaqt li fis-sena 2018 il-Belt Valletta se tkun il-Kapitali Ewropeja tal-Kultura.

Kumpaniji u produtturi lokali tal-films huma mistiedna jippreżentaw proġetti ta’ produzzjonijiet bħal films, animazzjoni, dokumentarji, u anke sensiliet televizivi għas-suq internazzjonali. Kull progett li jkun propost ikun evalwat b’mod indipendenti minn panel ta’ esperti internazzjonali.

Permezz tal-fond li jammonta għal mitejn u ħamsin elf ewro (€250,000), proġetti magħżulin jistgħu jingħataw sa massimu ta' €120,000, b'massimu ta' €20,000 għal-produzzjoni ta' Short films u massimu ta’ €2,500 għal produzzjoni ta' New Talent Short films. Minbarra kontribuzzjoni fi flus, dawk il- proġetti magħżula se jingħataw ukoll programmi ta’ taħrig u mentoring professjonali.

Rebecca Cremona tidderieġi l-film 'SIMSHAR'
Din l-edizzjoni speċjali tal-Malta Film Fund se tiftaħ fl-1 ta’ Settembru u tagħlaq fil-31 ta’ Ottubru 2016. Gwida ddettaljata, il-kriterji u l-applikazzjoni għal Malta Film Fund 2016 – Production Support tinsab fis-sit tal-Malta Film Commission:

http://www.maltafilmcommission.com/malta-film-fund/.

Kull applikazzjoni għandha tingħata personalment lil MFC, qabel nofsinhar (12:00pm) ta’ nhar it-Tnejn 31 ta' Ottubru 2016.