Venditti jkanta dwar 'dinja ta' ħallelin'

B'ministri u politikant fuq quddiem tal-kunċert, id-diska ta' Venditti ‘In Questo Mondo di Ladri’ kienet l-aktar waħda li qalgħet applawżi

Ruben Anthony Xuereb / 29 ta' Lulju 2016 10:26
Antonello Venditti jkanta dwar 'Dinja ta' Ħallelin'... b'ministri u politikanti fuq quddiem tal-kunċert
Quddiem folla ta' eluf ta' nies, fejn fuq quddiem nett kien hemm ministri u politikanti, "In questo mondo di ladri"... f'din id-dinja ta' ħallelin, kantata mill-kantant popolari Taljan Antonello Venditti kienet l-aktar diska li qalgħet applawżi mingħand il-pubbliku.

Dan kollhu waqt il-kunċert annwali tat-Tenur Malti ta' fama internazzjonali, Joseph Calleja, li żamm l-appuntament tiegħu bil-kunċert tas-sajf fuq il-fosos tal-Furjana.

Din is-sena l-kunċert seħħ nhar il-Ħamis, 28 ta' Lulju, hekk kif eluf ta' nies inġabru bi ħġarhom biex iġwadu l-ispettaklu tat-Tenur Malta Joseph Calleja. Fl-edizzjoni ta' din is-sena, ingħaqdu ma' Calleja il-kantant popolari Taljan Antonello Venditti, flimkien mal-kantawtriċi Amerikana Suzanne Vega. Il-grupp Malti Red Electrick u Destiny wkoll ingħaqdu ma' Calleja għal dan il-kunċert.

Joseph Calleja flimkien mal-kantant Taljan Antonello Venditti
Il-kunċert ra wkoll il-parteċipazzjoni tal-kor tat-tfal tal-BOV, taħt id-direzzjoni ta' Gillian Zammit. L-Orkestra Filarmomika ta' Malta akkompanjat lill-kantanti taħt id-dirzzjoni tal-Maestro Steven Mercurio.