Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA: Tlett itlielaq sal-aħħar nifs

L-aħħar sitt ijiem ta’ tensjoni, telefonati, logħob bil-kliem u manuvrar

25 ta' Lulju 2016 14:04
Darmanin Demajo mistenni jkun ikkonfermat għall-aħħar tliet snin bħala President
Ninsabu ftit ijiem biss qabel il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Football Association li se ssir is-Sibt li ġej, u bħalma jiġri kull tliet snin, il-manuvrar fl-aħħar jiem qabel l-elezzjoni tal-amministrazzjoni u l-eżekuttiv jilħaq l-ogħla livell tiegħu biex kulħadd jipprova jdeffes rasu, anki fejn mhux postu jew fejn saħansitra ma jifhimx.

M’hemmx dubju li l-aktar elezzjoni mistennija se tkun dik għat-tliet siġġijiet ta’ viċi president u li fiha, l-avukat Chris Bonett, mistenni saħansitra jissaħħaħ u jżid l-ammont ta’ voti fuq dawk ta’ tliet snin ilu. Bonett kien il-persuna li għamel riformi kbar fir-regoli tal-Assoċjazzjoni f’dawn l-aħħar tliet snin u għen lill-klabbs u lill-kunsilliera kollha fi problemi li sabu minn żmien għall-ieħor fil-klabb jew l-Assoċjazzjoni tagħhom. Dan kompla kabbarlu l-fiduċja li diġà kellu tal-President Norman Darmanin Demajo, li llum hu konvint aktar minn qatt qabel li fi żmien tliet snin iħalli s-siġġu tiegħu lill-avukat u eks-Sindku tal-Gżira. 

L-erba’ kontestanti l-oħra għall-karigi ta’ viċi president huma t-tnejn preżenti, il-viċi president anzjan, il-perit Ludovico Micallef u Alex Manfrà, flimkien mat-tnejn il-ġodda, l-avukat Angelo Chetcuti u Victor Cassar. Fost dawn l-erbgħa jidher li ġejja taqtigħa tajba ħafna b’Chetcuti li qed jissemma ħafna mal-faxxa tal-kunsilliera tal-fiduċja ta’ Bonett u anki ta’ Bjorn Vassallo, is-segretarju ġenerali attwali, u li fil-preżent għadu jissemma bħala l-aktar bniedem maħbub u mibgħud fl-Assoċjazzjoni.

L-attitudni ta’ Vassallo lejn diversi kunsilliera li kienu leali lejh u li għenuh fil-missjoni li kellu li jieħu s-siġġu tal-poter li qiegħed fuqu bħal donnha spiċċat għal kollox u fost il-maġġoranza l-kbira tal-Kunsilliera qed tkompli tikber l-għajta li l-kariga ta’ segretarju ġenerali għandha tkun bħal dik ta’ president u teżorier, u tinfetaħ għall-elezzjoni kull tliet snin. Fost il-ħafna raġunamenti, l-aktar wieħed ovvju jibqa’ li kunsillier li għandu fiduċja għamja fil-president Darmanin Demajo ma jfissirx li għandu l-istess fiduċja f’Vassallo.

Il-manuvrar li għaddejjin bħalissa kompla joħroġ fil-beraħ fiż-żewġ elezzjoni l-oħra li mistennija s-Sibt li ġej wara l-elezzjoni tal-viċi presidenti. Dawn huma l-elezzjoni tal-Members Association u l-elezzjoni tal-Membri Overall.

Fl-ewwel elezzjoni jidher li kien hemm diżgwid kbir bejn l-erba’ kontestanti, li huma Lino Bartolo tal-Iswan League, Frans Muscat tal-IASC, JB Grech tal-Malta Beach Soccer u Mark Borg tal-Futsal. Jidher li fl-istanding committee, intlaħaq ftehim anki b’elezzjoni bejniethom li Lino Bartolo u Frans Muscat għandhom jikkontestaw iż-żewġ siġġijiet tal-eżekuttiv waħedhom biex b’hekk, kif inhi l-prassi, jiġu eletti awtomatikament mingħajr elezzjoni. Jidher li Grech u Borg m’aċċettawx dan ir-riżultat u se jikkontestaw ukoll l-elezzjoni tas-Sibt li ġej, liema elezzjoni tista’ ġġib anki firdiet għaliex jidher biċ-ċar li wara Grech u Borg, hemm id b’saħħitha u li ħafna jsostnu li tista’ tkun dik tas-Segretarju Ġenerali.

L-istess fl-elezzjoni l-oħra tal-Membri Overall. Jidher li Michael Cutajar, ta’ St. George’s FC, hu l-aktar kandidat b’saħħtu u maħbub fil-kamra iżda f’dawn l-aħħar ġimgħat tkellem ma’ Kunsilliera tal-Assoċjazzjoni, u li wħud minnhom tkellmu ma’ din il-gazzetta, u qalilhom li mhu kuntent b’xejn bl-attitudni li qed juża wieħed mill-amministraturi tal-Assoċjazzjoni kontra tiegħu, dikjarazzjonijiet li kienu indirizzati ċari lejn Bjorn Vassallo. Il-kandidat l-ieħor li mistenni jkun elett hu Paul Falzon ta’ St. Andrew’s FC, personaġġ maħbub minn ħafna u ħabib antik u personali tal-President Darmanin Demajo. Iż-żewġ kandidati l-oħra, Joe Borg ta’ Hamrun Spartans FC u Mauro Miceli, ta’ Swieqi FC, mistennija jmorru tajjeb iżda mhux biżżejjed biex jiġu eletti.

Il-bqija, il-membri tal-eżekuttiv tad-diviżjonijiet huma kollha deċiżi mill-istanding committees tagħhom u m’għandux ikun hemm problemi. Paul Spiteri ta’ Valletta u l-avukat Ian Micallef ta’ Gzira United se jkunu fl-eżekuttiv f’isem il-klabbs tal-Premier, Joe Sammut ta’ Pietà u Lawrence Seychell ta’ Birgu se jkunu fl-eżekuttiv f’isem il-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni, l-avukat Anġlu Chetcuti ta’ Birzebbuga u Ray Micallef ta’ Attard se jkunu fl-Eżekuttiv f’isem il-klabbs tat-Tieni Diviżjoni, Silvio Galea ta’ Mdina u Paul Sammut ta’ Santa Luċija se jkunu fl-eżekuttiv f’isem il-klabbs tat-Tielet Diviżjoni, l-Avukat Samuel Azzopardi se jkun f’isem il-GFA u Joe Micallef se jkun f’isem il-YFA.

Fl-aktar żewġ karigi b’saħħithom u sofistikati, m’hemmx problemi u kontestazzjoni. Norman Darmanin Demajo, baqa’ b’saħħtu u maħbub minn kulħadd u se jkun konfermat għall-aħħar tliet snin fil-kariga ta’ President, mentri Ivan Mizzi m’għandu l-ebda problemi biex jibqa’ jżomm l-uffiċju tal-finanzi taħt idejh għal tal-inqas tliet snin oħra.