Kunċerti u workshops għal kulħadd bla ħlas

Jibdew l-attivitajiet tal-Jazz on the Fringe, li se jipprovdu bla ħlas il-Kunċerti ta’ Nofsinhar fil-Belt

Staff Reporter / 18 ta' Lulju 2016 15:14
Il-Malta Jazz Festival 2016 jibda' l-Ħamis 21 ta' Lulju
Hekk kif illum il-Festival Internazzjonali Malti għall-Arti jiġi fi tmiemu, il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) wasal fl-aħħar tal-preparamenti tal-Malta Jazz Festival 2016, li se jibda l-Ħamis li ġej fil-21 ta’ Lulju.

Iżda minn għada jibdew l-attivitajiet tal-Jazz on the Fringe, li se jipprovdu bla ħlas il-Kunċerti ta’ Nofsinhar fil-Belt  u r-raba’ edizzjoni tal-Malta Summer Jazz Camp.

Il-Kunċerti ta’ Nofsinhar se jsiru bejn id-19 u t-23 ta’ Lulju u fihom se jieħdu sehem artisti Maltin u barranin. Din l-inizjattiva qed issir biex titfa’ dawl fuq ix-xena tal-jazz żagħżugħa u dinamika f’Malta. Il-kunċerti jibdew fin-12.30pm u se jinżammu fi Triq ir-Republika għad-dell tal-bini tal-Parlament. Se jingħata wkoll kunċert mill-Kwartett Rino Cirinnà/Warren Galea bis-sehem ta’ Dean Montanaro u Manuel Pulis. Dan se jsir għada f’Talbot & Bons, Sky Parks Business Centre, f’Ħal Luqa fit-8.30pm.

Il-Jazz Camp se jipprovdi erba’ masterclasses u workshops minn edukaturi importanti, li ġejjin mix-xena attwali tal-jazz internazzjonali. Dawn ivarjaw minn grooves Amerikani, għal kant u improvizzar għal tagħlim dwar il-lingwa tal-jazz. Se jingħata wkoll workshop għal min idoqq is-sassofonu. Il-KMA hu kuntent bl-ammont ta’ mużiċisti li se jieħdu sehem. L-applikazzjonijiet magħluqin. Il-workshops se jingħataw fl-Iskola tal-Mużika Johann Strauss.

Il-Kunsill qed jaħdem ħafna biex iżid l-udjenzi fl-arti u għalhekk il-Festival qed jesplora mezzi oħra kif jista’ jilħaq iktar nies. Fil-fatt waħda mill-inizjattivi hi li l-kunċerti tal-Ħamis jingħataw b’xejn, anke jekk se jingħataw minn uħud mill-aqwa artisti tal-jazz, fosthom l-artist Kuban Harold López-Nussa. Il-kunċerti se jsiru fid-Daħla tal-Belt u faċċati tal-Qorti fit-8pm.

Id-direttur Artistiku Sandro Zerafa qal, “Bħas-snin ta’ qabel ninsab kburi li nista’ nippreżenta programm varjat li fih jazz tradizzjonali kif ukoll stili li jisfidaw il-ġeneri tal-jazz kontemporanju.”

Il-programm jinkludi artisti ta’ kalibru mondjali bħal Snarky Puppy, Bill Evans, Omer Avital u Marcus Roberts. Il-Festival mhux biss qed jattira lejn Malta artisti internazzjonali importanti imma qed iżid fl-opportunitajiet għall-artisti Maltin għax aktar bands tal-jazz saru jdoqqu madwar il-pajjiż.

Il-Malta Jazz Festival 2016, imtella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti, hu megħjun minn Cyberpass, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, MSV Life u TVM. MIA, flimkien mal-Fundazzjoni Valletta 2018, qed jappoġġjaw The Jazz on the Fringe.

JAZZ ON THE FRINGE - Il-Kunċerti ta’ Nofsinhar tal-Belt

19 ta’ Lulju
William Smith/Kyle Drakard/Dean Montanaro - Kyle Drakard (kitarra), Dean Montanaro (baxx) & William Smith (drums)

20 ta’ Lulju
The Johann Strauss School of Music Jazz Combo bis-sehem ta’ Sean Borg (kurunetta), Christian Debono (kant), Fabio Imbroll (kitarra), Daniel Farrugia (kitarra), Daniel Sant (pjanu), Samwel Grima (baxx) u Rafel Grima (drums)

21 ta’ Lulju
Sammy Murgo Quartet bis-sehem ta’ Sammy Murgo (sassofonu), Harry Eddleston (pjanu), Simon Sammut (baxx) u Joe Camilleri (drums)

22 ta’ Lulju
South Sound Experience bis-sehem ta’ Stjepko Gut (kurunetta), Rino Cirinnà (sassofonu tenur), Roberto Occhipinti (baxx), Marcello Pellitteri (drums) u Joe Debono (pjanu)

23 ta’ Lulju
The Elata Quartet bis-sehem ta’ Angie Vella Zarb (kant), Karl Galea (kitarra), Dean Montanaro (baxx) u Luke Briffa (drums)

IL-MALTA JAZZ FESTIVAL 2016

Il-Ħamis 21 ta’ Lulju
Id-daħla ta’ Bieb il-Belt, Valletta fit-8pm

Oliver Degabriele Trio bis-sehem ta’ Damien Fleau

Quddiem il-Qorti, il-Belt Valletta fid-9pm

South Sound Experience bis-sehem ta’ Joe Debono

Harold López-Nussa

 

Il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju
Ta’ Liesse, il-Belt Valletta fit-8pm

The Fringe Youth Jazz Ensemble

Marcus Roberts Trio

Bill Evans Band bis-sehem ta’ Dean Brown, Dennis Chambers u Darryl Jones

 

Is-Sibt 23 ta’ Lulju
Ta’ Liesse, il-Belt Valletta fit-8pm

Dominic Galea - The UK Connection

Omer Avital

Snarky Puppy

 

PREZZIJIET TAL-BILJETTI

€30 għal biljett ta’ jum – bilqiegħda (VIP)

€50 għal biljett ta’ jumejn – bilqiegħda (VIP)

€20 għal biljett ta’ jum – bilwieqfa (ikun hemm siġġijiet b’xejn disponibbli)

€35 għal biljett ta’ jumejn – bilwieqfa (ikun hemm siġġijiet b’xejn disponibbli)

 

Il-biljetti jinxtraw minn www.ticketline.com.mt