'Dan il-kampjonat ma jridx ikun ħolma biss li l-Gżira jilħquh darba kultant żmien'

“Fejn qabel, il-korruzzjoni kienet issir sabiex tim jirbaħ, illum tant hi kbira li diffiċli tidentifikaha. Biex tinqata' l-korruzzjoni, irid jinqata' l-betting fuq il-futbol Malti”

Cristian Muscat / 17 ta' Lulju 2016 20:02
Sharlon Pace – Il-president ta' Gżira United li f'dan l-irwol matul l-aħħar staġun mexxa u xpruna lil dan it-tim għall-promozzjoni storika fil-Kampjonat Premier wara xejn inqas minn 35 sena

Kif bdiet il-passjoni tiegħek lejn il-futbol?

Bdiet minn età żgħira. Dħalt man-nursery tal-Gżira ta’ età żgħira, fejn ta’ min isemmi li missieri kien jieħu ħsiebha wkoll. Nista' ngħid li għalija kienet parti mill-familja, għaliex trabbejt hemmhekk.

Inti kont parti mit-tim ta’ Valletta li rebaħ is-sitt tazzi. Irrakontalna dik l-esperjenza.

Hekk hu, kont nifforma parti minn dak it-tim. Kienet esperjenza tajba ħafna apparti l-fatt li tlift sentejn u nofs minħabba injury gravi li kont soffrejt. Lgħabt ma’ plejers ta' ċertu livell bħal Kris Laferla, David Carabott, John Buttigieg, Gilbert Agius, Sean Sullivan u oħrajn. Ara kemm jgħidu li minn dakinhar 'il quddiem il-futbol lokali tjieb, naħseb għadni qatt ma rajt timijiet tal-kalibru bħal Valletta u Birkirkara ta’ dawk iż-żminijiet li fihom kont nilgħab jien.

Apparti l-esperjenza ma’ Valletta, x’esperjenzi kellek iżjed bħala plejer?

Jien bdejt il-futbol mat-tim ta’ Gżira u ta’ 19-il sena kont ingħaqadt ma’ Valletta. Bħalma semmejt diġà, waqt dik l-esperjenza jien kelli nagħmel sentejn u nofs wieqaf minħabba injury, fejn kont għamilt operazzjonijiet fiż-żewġ saqajn ġewwa l-Belġju. Wara l-operazzjoni, kont mort mat-tim ta’ Pietà Hostpurs sabiex nibda nirkupra l-forma fiżika taħt it-tmexxija ta' Ray 'Żażu' Farrugia. Imbagħad kont erġajt mort mat-tim ta’ Valletta, taħt il-gwida ta' J.J. Aquilina fejn it-tim Belti kien għaddej minn transizzjoni.

 

Kemm ilek fl-amministrazzjoni ta' Gżira?

Erba’ snin ilu kienu avviċinawni sabiex ningħaqad magħhom għaliex kienu għarrfuni bil-possibiltà li jingħalqu l-bibien. Jien dak iż-żmien kont għadni nilgħab ma’ Balzan u kont għidtilhom li ma stajtx nidħol jien u nirranġa kollox fi żmien qasir. Meta spiċċa l-istaġun, sibthom wara l-bieb mal-ewwel u minn hemm tħajjart sabiex ngħinhom u minn dakinhar 'l hawn, qlibna kollox ta’ taħt fuq sabiex nimxu 'l quddiem.

 

X’irwoli kellek u x’inhu l-irwol tiegħek bħalissa? Hemm xi ċans li nerġgħu narawk tilgħab?

Jien kont mort magħhom bħala plejer, filwaqt li missieri kien president. Meta ma baqax jokkupa dik il-kariga, jien kont ħadtlu postu u kelli nagħżel bejn li nilgħab futbol u bejn li nagħti sehmi bħala plejer. Madankollu, il-karriera tiegħi għadha ma spiċċatx u jekk tiġini l-opportunità li nilgħab, mhux ħa niddejjaq nerġa' ninżel fil-grawnd bħala plejer.

 

X’inhu l-iżjed irwol diffiċli bejn plejer u President?

L-iktar irwol diffiċli bejn dak ta' President ta' klabb u plejer huwa dak ta’ President. Dan għaliex il-pressjoni li jkolli bilqiegħda waqt li nkun qed insegwi lit-tim jilgħab, hija xi ħaġa inkredibbli. Meta kont plejer, qatt ma ħassejt pressjoni, iżda meta ma tkunx qed tilgħab tħossha iżjed għaliex inti ma tkunx fil-kontroll ta’ dak li jkun qed jiġri.

 

X’kien is-sigriet tas-suċċess tal-aħħar staġun?

Naħseb li konna l-aqwa tim, kemm ġol-grawnd kif ukoll barra minnu. Barra l-grawnd qiegħed nirreferi għall-istaff u l-kumitat li dejjem kien ta’ sapport kbir.

 

Kif qed tħares lejn l-istaġun li ġej ta' Gżira United fil-Kampjonat Premier?

 

L-istaġun li ġej se jkun sfida ġdida għall-klabb li issa jrid jissielet sabiex iżomm postu fil-Kampjonat Premier, u dan il-kampjonat ma jkunx il-ħolma biss li l-Gżira jilħquh darba kultant żmien, iżda li jibqa’ l-kampjonat naturali li fih nikkompetu għas-snin li ġejjin. Il-pjan tagħna huwa wieħed ċar - fl-ewwel sena tagħna fil-Premier irridu nfittxu li nżommu postna fl-ogħla diviżjoni tal-futbol lokali, imbagħad wara naspiraw li niksbu post mal-ewwel erbgħa tal-Kampjonat, biex b'hekk niksbu post fl-Ewropa.

 

X’kienet il-policy finanzjarja tagħkom li tant smajna biha qabel l-istaġun?

Aħna noperaw billi ma nattirawx il-plejers għaliex nwegħduhom affarijiet li mhumiex realistiċi. Aħna nattiraw lill-plejers billi ngħidulhom li ħa ntuhom ‘euro’, iżda l-‘euro’ nagħtuhielhom fil-ħin tassew, għaliex mhux ġust li nwiegħdu ħafna affarijiet ambizzjużi li mbagħad ma nkunux kapaċi naslu għalihom.

 

Bdejtu taħsbu fuq l-iskwadra tal-istaġun li ġej?

Bdejna naħsbu ovvjament, iżda bħalissa qegħdin naħdmu għaliex ftit tal-ġranet ilu  kellna l-EGM fejn iddiskutejna l-possibbiltà biex nestendu s-snin għal kull mandat, minn sena għal tliet snin, għaliex hekk biss nistgħu nippjanaw futur aħjar.

 

Il-plejers barranin huma kollha kkonfermati għall-Premier?

Għalissa le. Għandna plejer fejn miegħu ddiskutejna l-possibbiltà li s-sena d-dieħla jibqa' jilgħab magħna, iżda għalissa ħadd ma hu kkonfermat.

 

Taqbel mal-idea ta' 14 -il tim fil-Premier?

Bħala klabb ta' Gżira naqbel, iżda bħala Sharlon Pace, ma naqbilx mal-idea ta' 14-il tim fil-Premier. Wieħed irid jesplora r-raġunijiet għaliex wieħed huwa tal-fehma li kampjonat b'14-il tim ikun l-aħjar wieħed possibbli. Għalija Kampjonat b'10 timijiet fuq tliet rawnds ikun wieħed aħjar, iżda wieħed irid ikun paċenzjuż u jara kif se jkunu qed imorru l-affarijiet.

 

X'taħseb fuq il-fatt li kull tim fil-Kampjonat Premier jista' jutilizza sa massimu ta' seba' plejers barranin?

 

Naħseb li għalkemm kien hemm bosta kritika minn diversi timijiet fuq dan il-fatt,             naħseb li din ħalliet effett pożittiv. Dan jidher ċar fil-wirjiet tat-timijiet Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej li huma ħadu sehem fihom riċentament.

 

 

Kemm taħseb li hi kbira l-problema tal-korruzzjoni fil-futbol lokali?

Fejn qabel il-korruzzjoni kienet issir sabiex tim jirbaħ, illum tant hi kbira li diffiċli tidentifikaha. Biex tinqata' l-korruzzjoni, irid jinqata' l-betting fuq il-futbol Malti.

 

X’tikkummenta dwar il-ħidma tal-MFA?

Bħal kull amministrazzjoni oħra, min ikun f’kariga, se jkollu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Naħseb ħaġa li tista' tagħmel l-MFA, hija li jkun hemm iżjed diskussjonijiet mal-klabbs sabiex jinġibed ħabel wieħed.

 

Fil-jiem li għaddew għadkom kemm iffirmajtu sponsor ġdid. X'wassal biex ikollkom fiduċja f'dan l-isponsor internazzjonali, waqt li dan l-istess sponsor irreċiproka billi ta fiduċja assoluta lil Gżira United?

Il-fiducja ta’ kumpanija bħal 'Tipbet' timliena bil-kuraġġ sabiex bħala klabb inkomplu naħdmu b’mod professjonali, kif fuq kollox jixraq li jkun klabb fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Il-koperazzjoni tagħhom magħna, li ghaliha nirringrazzjawhom hija sfida għalina sabiex dawn il-flus insarrfuhom f’investiment fi plejers li jagħtu riżultati u ġieh xieraq lill-Gżira United, u fuq kollox lilhom bħala sponsors uffiċjali tagħna kif ukoll għall-kontributuri oħra għall-istaġun li jmiss.

 

Il-messaġġ tiegħek lill-partitarji ta' Gżira United.

L-għan tagħna għal matul l-istaġun li ġej huwa dak li nsalvaw postna fl-ogħla diviżjoni u jekk jirnexxielna nibqgħu hemm għal sentejn sħaħ. Minn hemmhekk, nibdew naħdmu sabiex nibdew ngħollu l-ambizzjonijiet tagħna. 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.