Franza r-rebbieħa tal-Euro 2016...skont tal-imħatri

Tirbaħ €28.75 għal kull €10 jekk jgħollu t-tazza l-Portugall

Staff Reporter / 8 ta' Lulju 2016 09:36
Antoine Griezmann jew Cristiano Ronaldo...min se jkun fuq in-naħa rebbieħa?
Hekk kif ilbieraħ filgħaxija ġiet fi tmiemha l-50 logħba mill-51 li jiffurmaw il-parti finali tat-turnew Euro 2016, ġie żvelat it-tim li se jkun qed jikkompeti fil-finali ta' nhar il-Ħadd li ġej.

It-tieni semifinali li ntlagħbet ilbieraħ f'Marsilja ħalliet lit-tim nazzjonali Ġermaniż jixxennaq għat-trofew hekk kif tilfu kontra l-pajjiż ospitant, Franza bl-iskor ta' 2-0. Dan minkejja li kellhom it-tama li jirrepetu dak li għamlu sentejn ilu fit-Tazza tad-Dinja meta kienu rebħu lill-pajjiż ospitant, dakinhar il-Brażil bl-iskor ta' 7-1.

Bir-rebħa ta' Franza lbieraħ, il-logħba finali ta' nhar il-Ħadd li ġej se tkun qed tara lil plejers bħal Giroud, Griezmann u Pogba jissieltu għat-titlu kontra Ronaldo, Nani u Quaresma tal-Portugall.

Il-kumpaniji tal-imħatri diġà għandhom il-favoriti tagħhom, hekk kif qed jgħidu li Franza għandhom iktar possibbiltà li jerfgħu t-tazza. L-odds qed ipoġġu lil Franza bħala rebbieħa b'4-9, waqt li ċ-ċansijiet li jirbħu l-Portugall jidhru iktar minimi skont il-kumpaniji tal-imħatri, b'odds ta' 15-8. Jiġifieri jekk tpoġġi €10 li jirbħu Franza, tkun qed tirbaħ €14.44 jekk verament jgħollu t-tazza, waqt li jekk titfa' €10 fuq il-Portugall, tirbaħ €28.75, jekk eventwalment jirbħu t-tazza.