Messi jirtira min-nazzjonal ta' 29 sena

Wara t-telfa tal-finali tal-Copa America, Messi jgħid daqshekk għan-nazzjonal

Veronica Lynn Mizzi / 27 ta' Ġunju 2016 11:14
Minkejja s-suċċessi personali fil-karriera tal-plejer Lionel Messi, b'numru ta' trofej kemm mat-tim ta' Barcelona, kif ukoll b'mod personali, l-istess ma jistax jingħad għal karriera tiegħu fi ħdan it-tim nazzjonali. Ilbieraħ intlagħbet il-finali tal-kompetizzjoni Copa America bejn l-Arġentina u ċ-Ċilì, li rat lill-Arġentina jitilfu bil-penaltis.

Din kienet it-tieni telfa f'daqstant snin fl-istess kompetizzjoni, kontra l-istess tim, hekk kif it-tim nazzjonali taċ-Ċilì akkwista t-tieni trofew tiegħu f'din il-kompetizzjoni, it-tnejn minn fuq dahar l-Arġentina. Din is-sena, il-kompetizzjoni kienet qed torganizza edizzjoni speċjali hekk kif għalqet il-100 sena tagħha.

Wara t-telfa deludenti tal-bieraħ, fejn fiha Lionel Messi falla milli jiskorja penalti, ħabbar li mhux se jkun qed jilgħab iktar logħob mat-tim nazzjonali tal-Arġentina. Għalkemm bosta qed isostnu li dan il-kliem intqal biss fis-saħna tal-mument u l-plejer se jkun qed imur lura minn dan, Messi sostna li, "għalija, it-tim nazzjonali spiċċa. Għamilt li stajt. Mhux għalija."

It-tim nazzjonali taċ-Ċilì, jiċċelebra t-tieni rebħa f'sentejn kontra l-Arġentina
It-tim Arġentin ilbieraħ sofra r-raba' telfa f'logħba finali ta' kompetizzjoni hekk kif is-sena li għaddiet tilef il-finali tal-Copa America kontra ċ-Ċiliì, is-sena ta' qabel tilef il-finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ġermanja, il-finali tal-Copa America fl-2007 u ovvjament il-finali tal-bieraħ fejn il-plejer falla milli jiskorja penalti. It-tim Arġentin ilu ma jirbaħ trofew sa mill-1993.