William Chetcuti jirbaħ medalja tad-deheb fit-Tazza tad-Dinja tal-Isparar

Din ir-rebħa kienet it-tieni waħda fil-karriera illustri tiegħu

Cristian Muscat / 25 ta' Ġunju 2016 16:09
It-tiratur ewlieni Malti William Chetcuti, rebaħ medalja tad-deheb fit-Tazza tad-Dinja tal-Isparar għat-tieni darba fil-karriera illustri tiegħu, f'Baku ġewwa l-Azerbaijan. Huwa rebaħ il-kompetizzjoni tad-Double Trap, fejn temm qabel it-tiratur Taljan, Marco Innocenti.

Huma kienu kisbu 29 minn 30 punt biex avvanzaw għal-logħba finali, li kellha tiddetermina min minnhom kellu jirbaħ il-medalja tad-deheb. M'hemmx dubju li dan is-suċċes li William Chetcuti kiseb f'Baku se jkun qed jgħollilu ferm il-moral, qabel il-parteċipazzjoni tiegħu fl-Olimpjadi ta' Rio fil-Brażil f'Awwissu li ġej.

Magħruf bħala wieħed mill-aqwa sportivi Maltin tul il-medda tas-snin, Chetcuti, kien rebaħ ukoll il-kompetizzjoni tad-Double Trap fit-Tazza tad-Dinja tal-2011 f'Beijing fiċ-Ċina, kif ukoll fil-Kampjonati Ewropej tal-Juniors lura fl-2004 fejn kien waqqaf record li għadu ma nkisirx sal-ġurnata tal-lum. Huwa kien l-ewwel tiratur Malti, li rebaħ kompetizzjoni f'Tazza tad-Dinja tal-Isparar. William Chetcuti kien rebaħ ukoll medalja tal-bronż fil-Logħob tal- Commonwealth tal-2002 u tal-2006. 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.