L-ewwel akkademja tal-Canoeing f'Malta

Staff Reporter / 3 ta' Ġunju 2016 11:29
Il-ħolma kbira ta' ħafna issa saret realtà fil-Federazzjoni Maltija tal-Canoe, hekk kif tħabbar il-bidu tal-Akkademja Maltija tal-Canoeing. 

L-akkademja tilqa' fi ħdanha tfal ta' bejn il-11 u s-16-il sena għall-ewwel kors ta' taħriġ fil-qasam tal-canoes u l-kayaks immirat speċifikament għat-tfal li jixtiequ jippruvaw dan l-isport. Il-korsijiet fi ħdan l-Akkademja ser jibdew dan ix-xahar u l-membri jistgħu jattendu żewg sessjonijiet ta' taħriġ fil-ġimgħa.

Il-kors hu bbażat fuq is-sillabu tal-British Canoe Union (BCU) Paddle-Power syllabus. Il-korsjiet tal-Akkademja Maltija huma ddisinjati, monitorjati u mogħtija mill-kowċ nazzjonali Aleksey Babadjanov. Babadjanov hu qaddief olimpiku kif ukoll Champion tal-Logħob Ażjatici, b’snin twal ta' esperjenza f’diversi kampjonati kif ukoll bħala kowċ ta' qaddiefa professjonali u żgħażagħ.

Is-sessjonijiet ta' taħriġ tal-kors imniedi mill-MCF se jinżammu l-Marina tal-Imsida, faccata tal-Busy Bee. Dawn se jkunu mmexija mill-Malta Canoe Racing Club, filwaqt li sessjonijiet oħra ser jinżammu fil-pixxina nazzjonali tal-Qroqq, taħt is-superviżjoni tal-Malta Canoe Polo Club. F’dawn l-aħħar snin, il-MCF kienet strumentali fil-qabza fil-livell u l-kwalità li saret fil-qasam ta' dan l-isport lokalment.