‘Bil-kwartieri ‘vojta’ rbaħna żewġ elezzjonijiet’

Il-kandidat għal Deputat Mexxej tal-PL, Stefan Zrinzo Azzopardi f'intervista dwar għaliex id-delegati għandhom jagħżlu lilu

John Busuttil / 29 ta' Mejju 2016 09:19
F'intervista li qed tidher fuq il-gazzetta ILLUM Stefan Zrinzo Azzopardi qal li hi ħaġa naturali, anke jekk inkwetanti li meta partit jitla’ fil-Gvern, l-attenzjoni tispiċċa fuq ix-xogħol tal-gvern. “Nista’ nqabbel dak li kien jiġri qabel id-9 ta’ Marzu 2013 u dak li ġara wara li Muscat sar Prim Ministru ta’ Malta. Mill-esperjenza tiegħi ta’ 10 snin president, il-kwartieri kein dejjem post ħaj, u Joseph Muscat kien ikun il-kwartieri kuljum għax kien mexxej ta’ partit u kien jaħdem biss fuq ix-xogħol ta’ partit. Meta sar Prim Ministru, il-prijorità tiegħu saret u għadha t-tmexxija tal-pajjiż, bil-konsegwenza li l-attenzjoni fuq il-partit tiġi allinjata mar-responsabilitajiet il-ġodda. Konsegwenza ta’ dan, ir-ritmu tax-xogħol tal-partit naqas.”

Tlabna wkoll lil Stefan Zrinzo Azzopardi jgħaddi l-kummenti tiegħu dwar dak li ġie rappurtat fuq l-ILLUM minn delegat tal-partit stess, jiġifieri  li l-kwartieri tal-PL spiċċaw vojta u bla ħajja. “Mhux ġust għal kollox li jingħad hekk b’rispett għall-ħaddiema li hemm fil-kwartieri. Wieħed ma jridx jinsa x’għamlu l-ħaddiema tal-kwartieri, anke meta ninsabu fil-Gvern. Ma ninsewx li bix-xogħol tagħhom intrebħet l-elezzjoni tal-MEPs bil-kbir u anke l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, anke jekk f’dawn kien hemm xi ċaqliq li rridu nieħdu nota tiegħu.

“Però, xorta nemmen li l-kwartieri rridu mmexxuhom ’il quddiem billi nagħmluhom ċentru ta’ attività. Flimkien mal-għeruq tagħna, delegati u attivisti nibdew nagħmlu laqgħat u nagħtu ħajja ġdida lill-Partit Laburista li konvint li se jkun imħejji kif jistħoqqlu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.”

Ta’ min isemmi wkoll li Stefan Zrinzo Azzopardi ma kienx delegat meta saret il-mozzjoni biex membru parlamentari jkun jista’ jikkontesta l-kariga ta’ deputat mexxej. “Personalment inħoss li jekk niġi magħżul mid-delegati, il-prijorità prinċipali tiegħi se tkun ħidma tal-partit.”

Dwar x’tip ta’ ħidma għandu jagħmel il-partit, Stefan qal li wieħed irid jara wkoll kif jiżvolġu l-affarijiet u x’tip ta’ ħidma se jkun hemm bżonn biex il-kariga ta’ deputat mexxej tkun qiegħda timtela’ b’mod assolut.

“Dan ma jfissirx li skont l-emenda li saret, il-persuni li qed jikkontestaw m’għandhomx dawn il-kwalitajiet, iżda dwar il-kwistjoni tal-prijorità tax-xogħol u r-responsabiltajiet. Naħseb li persuna li m’għandux ix-xogħol ta’ ministru, għandu l-vantaġġ li jagħti prijorità lix-xogħol tal-partit b’mod aktar liberu minn min ikun qed jerfa’ ċertu responsabbilitajiet. Għalhekk jien għamilt din l-għażla li npoġġi ismi fuq il-lista.”

Fl-aħħar tlabnih jgħaddilna l-opinjoni tiegħu ta’ kif iħares lejn il-Panamagate u xi ħsara setgħet għamlet lill-Partit Laburista. “Pajjiżna kien dara li kienu jinkixfu l-affarijiet, joħorġu l-iskandli u ma jsir xejn, u kollox jibqa għaddej. Illum għandna sitwazzjoni li qed jittieħdu deċiżjonijiet li mhumiex faċli iżda li l-Prim Ministru qed jeħodhom meta jevalwa dak li jkollu quddiemu. Però xorta naħseb li din l-istorja kollha, darrset u għal ħafna Laburisti din kienet sitwazzjoni infeliċi għall-aħħar għax ġejna f’sitwazzjoni li beda jintesa l-ġid kollu li għamel dan il-Gvern.”

Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.