Ikompli r-renju ta' Danica Bonello Spiteri fid-Duathlon u t-Triathlon

 

Danica Bonello Spiteri reġgħet fetħet l-istaġun tat-triathlon f’Malta bl-istess mod li ħallietu s-sena li għaddiet fil-quċċata

Staff Reporter / 17 ta' Mejju 2016 10:35
Danica Bonello Spiteri fl-azzjoni | ritratt: Mark Borg
L-ewwel avveniment tas-sena 2016 kien fi triathlon internazzjonali, magħrufa bħala l-Xterra, li jinvolvi 1.5km għawm, 30km offroad mountain bike u 10km ta' ġiri f’terran offroad ukoll. Bonello Spiteri tgħid li dan it-tip ta’ triathlon huwa ferm iktar diffiċli minn triathlon tat-triq, minħabba terran offroad u l-elementi li jagħtu iktar kedda lill-ġisem.

Kien hemm kważi 200 atleta jieħdu sehem fl-Xterra Malta, li kienet parti mill-European Series. Bonello Spiteri tgħid li hija tassew ħasra li kulma kien hemm kienu ftit atleti Maltin li ħadu sehem f’din it-tellieqa ta’ livell għoli li ġie organizzat fi xtutna.

Għat-tieni sena konsekuttiva, Bonello Spiteri, telqet fil-kategorija PRO, li jfisser li qed tħabbatha mal-aqwa atleti fl-Ewropa, li xogħolhom hu li jiffukaw biss fuq taħriġ fit-triathlon. “Naf li stajt nikkompeti bħala ‘age  group’  u li kieku għamilt dan kont nirbaħ anki overall tal-age groups fit-tellieqa, iżda ġaladarba għandi livell li nista' nikkompeti bħala PRO, avolja miniex atleta fuq bażi ‘full time’, xorta nipprova, għax dan itini inċentiv biex nagħmel l-aħjar li nista', u s-sodisfazzjon li nkun għamilt ħilti mal-‘PROs’ huwa ikbar.”

Bonello Spiteri bdiet b’għawma tajba fejn ħarġet fit-tieni post mal-atleta Ungeriża Poor, li eventwalment spiċċat biex rebħet it-tellieqa. Fis-sezzjoni fuq ir-rota, Bonello Spiteri tilfet ċertu ħin u waqgħet fis-seba' post. “Ir-rota, peressli huwa bil-mountain bike tagħmel differenza kbira milli meta tkun fit-triq. Din is-sena għamilt ħafna taħriġ biex intejjeb il-wirja tiegħi bil-mountain bike, fejn fil-fatt naqqast il-ħin bi 11-il minuta minn tas-sena li għaddiet. Iżda xorta għad fadalli lok fejn nitjieb iżjed”. Il-ġirja kienet waħda interessanti, fejn Bonello Spiteri kellha tissielet ma’ żewġ atleti oħra sal-aħħar. Fil-fatt, f’tellieqa ta’ tliet sigħat, Bonello Spiteri, spiċċat fit-tmien post, iżda s-sitt post kien inqas minn minuta 'l bogħod.

“Sodisfatta b’din it-tellieqa, komplejt nitgħallem fejn irrid nitħarreġ iktar u nispera li t-taħriġ ikompli jagħti r-riżultati”.

It-tieni avveniment għas-sena 2016 kien il-Kampjonat Nazzjonali tad-‘Duathlon’ li sar fit-toroq ta’ Ħal-Safi.

“Fl-ewwel ġirja ta’ 4km, ħriġt b'pass komdu ħafna, fejn anki fin-nifs ma kontx qed inbati wisq. Dak kien il-pjan. L-20km rota kien fuq bazi ‘drafting’ fejn ħdimt m’atleta oħra fuq ir-rota biex inkomplu ntejbu l-vantaġġ li kellna”

Kif lestiet mir-rota, Bonello Spiteri, ħarġet b’pass mgħaġġel mit-transizzjoni għall-aħħar ġirja ta’ 2km. Malajr ħadet l-ewwel post iżda kompliet iżżid id-distakk b’kemm setgħet sakemm spiċċat it-tellieqa u rebħet il-Kampjonat, u kompliet turi d-determinazzjoni u d-dominanza tagħha f’dan l-isport f'Malta.

Ta' min jinnota, li Bonello Spiteri ilha tikkompeti fit-triatlon u d-duathlon għal dawn l-aħħar 20 sena u fil-fatt, dan kien id-disa' titlu nazzjonali tad-duathlon li rebħet Bonello Spiteri.

L-avvenimenti li jmiss huma l-Kampjonati ta’ Spanja tat-timijiet, fejn Bonello Spiteri tikkompeti għall-klabb CTOA, ġewwa Madrid, u wara tkompli bil-Kampjonati Ewropej, fejn il-mira tagħha hi li ġġib lura medalja għal Malta.

Din is-sena, Danica Bonello Spiteri, tixtieq tirringrazzja lil People and Skin (Dr Joanna Delia), Flexischeme, Kumitat Olimpiku Malti, Malta Triathlon Federation, kif ukoll lill-kowċis u lit-tim tagħha li jgħinuha fit-taħriġ ta’ kuljum, għax mingħajr din it-tip ta’ għajnuna, it-triq biex tipprepara ruħha sew għat-tlielaq tkun ferm iktar diffiċli.