'Il-pulizija ilha sena għassa mal-files fil-każ ta’ Giovanna iżda ma sabitx ħin tinvestiga l-files tal-Panama'

Chris Said jgħid ukoll li mhux vera li n-nies ta' Giovanna Debono ma jivvutawlux

 

John Busuttil / 17 t'April 2016 09:46
L-aħħar li saret intervista lil Chris Said mal-ILLUM, kien segretarju ġenerali. Minn dak iż-żmien ’l hawn, Said ħa rwol differenti fil-Partit Nazzjonalista fejn hu wieħed mill-kelliema ewlenin mhux biss fuq Għawdex iżda dwar dak kollu li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista u l-pajjiż.

 “Ninsabu f’pożizzjoni li ftit ħasbu li se nkunu fiha sentejn ilu. Għax il-fatt li jkollok partit li rebaħ b’vantaġġ ta’ 36,000 u 9 siġġijiet, diffiċli biex f’nofs leġiżlatura dan il-partit isib ruħu f’dawn id-diffikultajiet li ntasab fihom bħalissa. U dawn id-diffikultajiet ma ġabhomx il-Partit Nazzjonalista, iżda l-Partit Laburista b’idejh.” Said semma katina ta’ skandli li dan l-aħħar smajna ħafna dwarhom bħall-każi ta’ Café Premier u Strada Zekka, iżda jidher ċar li l-poplu donnu li ċċaqlaq l-aktar mal-kwistjoni tal-Panama Papers.  

“Naqbel miegħek. Kien hemm sensiela ta’ skandli li kienu qed idejqu lin-nies iżda ma rrabjawhomx bħall-każ tal-iskandlu tal-Panama, għax imdaħħlin fih, hemm l-aktar tnejn min-nies qrib il-Prim Ministru u l-iskandlu sar wieħed internazzjonali u mhux biss nazzjonali. Issa hemm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fin-nofs u anke l-impatt fuq is-servizzi finanzjarji fil-pajjiż. Din ġabet sitwazzjoni differenti fejn anke l-‘polls’ li saru minn midja indipendenti bħal MaltaToday u anke dawk tal-partiti interni jaqblu, u juru li d-distakk naqas u naqas bil-kbir. Dan juri s-sentiment fost il-poplu.”

Chris Said, filwaqt li faħħar s-suċċess tal-Gvern fil-qasam ekonomiku, fejn qal li l-Gvern baqa’ sejjer fuq it-triq it-tajba f’oqsma li kienu diġà b’saħħithom meta d-dinja kienet tinsab fi kriżi, żied jgħid li, “fejn tidħol il-governanza, dan il-Gvern falla u falla bil-kbir. In-nies li titkellem magħhom kollha jgħidulek li dan il-Gvern qed jgħix bil-maqlub ta’ dak li wiegħed, bi slogans ta’ trasparenza, kontabbiltà u ġlieda kontra l-korruzzjoni li bihom rebaħ ħafna voti. Il-poplu ta piż kbir lil dawn il-wegħdiet. Illum ħareġ totalment bil-maqlub.”

“Illum għandna sitwazzjoni fejn f’pajjiżi oħra, il-Pulizija qed tidħol fl-uffiċċji ta’ Mossack Fonseca (anke fil-Panama stess) u jissekwestraw l-uffiċini tagħhom, u f’Malta għaddew tmien ġimgħat u l-Pulizija m’għamlu assolutament xejn.

“L-ironija hi li fil-każ tar-raġel ta’ Giovanna, għal aktar minn sena issa, hemm żewġ pulizija 24/7 għassa mal-files. Jekk hemmx bżonn jew le, jarawh il-pulizija u mhux jien. Imbagħad għandek sitwazzjoni ta’ skandlu bħal dan, u l-pulizija ma nvestigaw xejn. L-inqas ħaġa li setgħet issir kien li jiġu sekwestrati l-files u l-kompjuters tal-uffiċċji ta’ Mossack Fonseca u r-rappreżentanti tagħhom f’Malta u ta’ min kien involut fil-ftuħ ta’ dawn il-kumpaniji sigrieti.”

F’Għawdex hemm għajdut li l-partit hu inkwetat għax Chris Said hu l-uniku ‘heavy weight’, u l-votanti ta’ Giovanna Debono ma jridux jivvutaw lilu għax bejniethom teżisti pika kbira, “Dawn huma diċeriji biss. Jiena bdejt fil-politika naħdem għal Giovanna Debono u meta ma ħriġtx jien, ivvutajt lil Giovanna Debono. Fl-ewwel darbtejn li kkontestajt, tlajt bis-surplus ta’ voti ta’ Giovanna Debono fejn ħadt id-doppju li ħa ħaddieħor mingħandha.”

Bħalissa l-kandidati Għawdxin għall-PN huma kollha żgħażagħ u bi ftit jew xejn esperjenza. Dan ifisser li Said m’għandux wisq kompetizzjoni f’Għawdex. “Jekk nitkellem b’mod egoistiku, allura aħjar hekk, iżda jien l-ewwel il-partit u nemmen li għalkemm kuntent bix-xogħol kbir li qed jagħmlu l-erba’ kandidati żgħażagħ li għandna, xorta hemm bżonn tim akbar.”

Dan l-aħħar il-gazzetta ILLUM ħarġet l-aħbar li se jikkontesta fuq Għawdex il-kap tal-partit, Simon Busuttil, u għal dan, Said wieġeb li, “dak jiddeċiedi hu fejn se joħroġ meta l-elezzjoni tkun ħafna aktar qrib. Il-Kap dejjem joħroġ fuq distretti skont l-esiġenza tal-partit. S’issa tneħħi lil Nerik Mizzi, l-ebda kap ta’ partit ma kkontesta fuq Għawdex, iżda jekk jiddeċiedi li jagħmel dan mhux se niddejjaq. Li nista’ ngħidlek hu li qatt ma ddiskutejna dan il-fattur.”

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.