Bi kburija jiddefendi l-lasti ta’ Floriana u tan-Nazzjonal U21

Matthew Calleja Cremona – il-goalkeeper li għalkemm għad għandu 21 sena, bil-kalibru li jippossjedi, diġà laħaq l-ogħla livelli tal-futbol Malti, billi bi kburija u b’abbiltà, jiddefendi l-lasti ta’ Floriana u tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena

Cristian Muscat / 22 ta' Frar 2016 21:15
Kif għażilt il-futbol fost tant sport ieħor u għaliex propju goalkeeper u mhux pożizzjoni oħra?

Minn dejjem kont interessat f’diversi sports differenti imma l-futbol dejjem kien l-iktar preferut. Fil-futbol lgħabt f’kull pożizzjoni. Meta kont żgħir, ġieli kelli dubji biex nibda nilgħab bħala plejer però kulħadd kien jemmen li kont aħjar bħala goalkeeper, allura ddeċidejt li nkompli l-karriera tiegħi bejn il-lasti.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza li kellek ma’ Pembroke Athleta, fosthom il-promozzjoni storika għall-Premier li ksibt magħhom matul l-istaġun li għadda?

 Kienet esperjenza unika għaliex kull promozzjoni ma’ Pembroke Athleta, kienet waħda storika. Kont parti mill-iskwadra fejn Pembroke rebħu l-kampjonat tat-tielet diviżjoni, fejn ksibna promozzjoni għall-ewwel diviżjoni u għamilt nofs staġun parti mill-iskwadra fejn Pembroke kisbu l-promozzjoni għall-Premier. Dawn il-ġrajjiet kollha seħħew għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb f’temp ta’ erba’ snin.

Kemm għenek matul il-karriera tiegħek Jacques Scerri?

Jacques Scerri huwa kowċ strumentali fil-karriera tiegħi għax emmen ħafna fija meta qatt ma kelli esperjenza mal-kbar. Infatti huwa wera l-fiduċja fija meta kelli biss 17-il sena. Għamilni l-goalkeeper regolari ta’ Pembroke fejn dak l-istagun irbaħna l-Kampjonat tat-Tielet Diviżjoni. Rani niżbalja fid-diviżjonijiet il-baxxi ta’ Malta u xorta waħda tani l-ispazju biex nibqa’ nilgħab u nżid fl-esperjenza. Minn dejjem kien jara l-potenzjal fija u anki jemmen li ‘l quddiem kont se nasal nilgħab f’kampjonati ta’ livell iktar għoli. 

X’emozzjoni partikolari tħoss kull darba li taffronta lil Pembroke Athleta bil-flokk ta’ Floriana, partikolarment minħabba li t-tim huwa għal qalbek u għall-fatt li missierek huwa Alex Calleja, l-kowċ ta’ Pembroke Athleta?

Partita kontra Pembroke mhijiex partita bħall-oħrajn għalija personali. Il-fatt li missieri huwa president ta’ dan it-tim ma jqanqalx emozzjonijiet żejda, imma Pembroke bħala klabb huwa r-raġuni li nħoss emozzjoni partikolari f’din il-logħba. Huwa klabb li jifforma parti kbira minn ħajti, għax trabbejt hemm u ħafna nies minn hemm iġibuli ħafna rispett. F’termini ta’ mentalità ta’ kif naffaċja logħba kontrihom hija waħda ta’ kif naffaċċja kull logħba oħra, li nilgħab biex nirbaħ. 

Kemm kienet diffiċli għalik li tħalli lil Pembroke Athleta?

Kienet diffiċli ħafna. Kont għamilt xahrejn inżomm lura biex immur mal-Floriana imma lejn l-aħħar ta’ Jannar tas-sena l-oħra, kont ħadt decizjoni biex ningħaqad mal-Greens b’self sal-aħħar tal-istaġun, fejn imbagħad f’Ġunju li għadda ġejt trasferit għal kollox magħhom meta ffirmajt kuntratt ta’ tliet snin magħhom.

Kif sejjer s’issa ma’ Floriana u x’responsabbiltà partikolari tħoss li għandek, li għalkemm għad għandek biss 21 sena, digà qed tiddefendi l-lasti ta’ dan it-tim bi storja glorjuza fil-futbol Malti?

Għalkemm inħossni sejjer tajjeb b’mod personali ma’ Floriana, dejjem inħoss li nista’ nkompli nżid fil-livell tal-logħba tiegħi. Inħoss responsabbiltà kbira nilgħab għal dan il-klabb. Kulħadd jaf li Floriana kienu għaddejjin minn żminijiet diffiċli f’dawn l-aħħar snin u jien inħoss li huwa dmir tiegħi li nagħmel l-almu tiegħi u nagħti l-massimu tiegħi, biex dan il-klabb jerġa’ jiġi fejn jixraqlu fil-futbol Malti.

X’tikkummenta u x’relazzjoni għandek mal-kowċ Belġjan b’esperjenza wiesa’,Luis Oliveira?

Sfortunatament m’hemmx lingwa komuni bejnietna li t-tnejn li aħna kapaċi nitkellmu. Iżda, xorta waħda jirnexxielna nikkomunikaw b’xi mod jew ieħor, biex inwasslu l-messaġġ tagħna, imma nemmen li jekk nitgħallem iktar il-lingwa Taljana, ninsab żgur li jien kapaċi nitgħallem iktar mingħandu, speċjalment il-mod ta’ kif iħares lejn il-logħba tal-futbol. Bħala kowċ u karattru, naħseb li ftit issib bħalu fil-futbol. It-tim kollu jilgħab għal qalbu taħt it-tmexxija tiegħu. 

"Partita kontra Pembroke mhix partita bħall-oħrajn għalija. Huwa klabb li jifforma parti kbira minn ħajti għax trabbejt hemm u ħafna nies minn hemm iġibuli ħafna rispett"
U x’tikkummenta fuq l-amministrazzjoni ta’ Floriana mmexxija mill-president Riccardo Gaucci u mill-membri tal-kumitat sħabu?

Dejjem sibthom hemm biex jgħinuni meta kelli bżonnhom. M’għandi xejn xi ngħid ħlief kliem ta’ tifħir fuq il-president u l-kumitat ta’ Floriana. 

Taħseb li fl-aħħar tal-istaġun bħala Floriana, se jirnexxielkom tiksbu post fl-Ewropa billi ttemmu fir-raba’ post tal-klassifika?

Fil-futbol qatt ma tista’ tgħid x’jista’ jiġri, imma l-iskwadra kollha se tibqa’ taħdem kollha f’daqqa sabiex tilħaq dan it-tragward, li huwa post fl-Ewropa. Fl-aħħar tal-kampjonat ngħoddu l-punti u mbagħad naraw! 

Fil-bidu tal-istaġun ma’ Floriana dhert xi ftit inċert bejn il-lasti, speċjalment fit-telfa kontra Mosta, fejn kellek ħarġa ferm erratika li swiet gowl ferm importanti għal Mosta. Dan tattribwieh għan-nuqqas ta’ esperjenza li kellek fil-Premier f’dak iż-żmien?

Lanqas xejn ma nattribwieh għan-nuqqas ta’ esperjenza. Dawn l-episodji jgħaddu minnhom l-aqwa goalkeepers fid-dinja u li jkollhom esperjenza kbira fil-futbol. Biex issir goalkeeper aħjar, trid tieħu riskji li minnhom tikber u titgħallem. Jekk toqgħod lura għax tibża’ li tiżbalja, tkun diffiċli tagħmel progress fil-ħajja.   

Madankollu, minn dak iż-żmien, għamilt passi ta’ ġgant fejn għal bosta drabi rajnik tagħmel saves mill-aktar spettakolari. Għaliex tattribwixxi dan il-fatt? Għal taħrig iktar intensiv jew għax bdejt tikseb iktar esperjenza mal-Greens?

Iktar ma jkollok esperjenza, awtomatikament iktar iżżid fil-kunfidenza però ma nattribwixxix dan mal-esperjenza. Iktar nattribwih mal-mentalità li rrid nitjieb fil-logħba tiegħi u biex nagħmel hekk sibt lill-kowċ tal-goalkeepers tal-Floriana, Romeo Schembri, li qed jgħinni ħafna biex inżid fil-logħba tiegħi kemm bħala taħriġ kif ukoll bħala sapport mentali.

Lejn tmiem is-sena li għaddiet ksirt ix-xedaq u kawża t’hekk għamilt operazzjoni delikata fejn domt barra mil-logħob għal madwar tliet ġimgħat. Kif affrontajt dak iż-żmien diffiċli?

Ippruvajt nieħu l-pożittiv minn dik is-sitwazzjoni negattiva. Użajt dak iż-żmien biex nittrenja intensivament biex nissaħħaħ iktar fiżikament, ħalli b’hekk inkun qed nuża l-ħin li nkun għamilt barra mil-logħba bl-ikbar mod tajjeb possibli.

Niġu issa għat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella, fejn fl-aħħar logħbiet ma’ dan it-tim nazzjonali, kellek wirjiet mill-aqwa. X’tikkummenta?

Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nirrapreżenta lil pajjiżi fil-futbol. Mument li żgur ma ninsa qatt fil-karriera tal-futbol tiegħi s’issa, hu d-debutt tiegħi mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, fejn irnexxieli nikseb ‘clean sheet’ mal-Montenegro fi draw ta’ mingħajr gowls. Ninsab kuntent ħafna li rnexxieli nilgħab bil-flokk tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, u nittama li fil-futur jibqa’ jkolli ċ-ċans li nerġa’ ngħix din il-ħolma tiegħi għal iktar drabi.

Kif jgħinek il-kowċ ta’ dan it-tim nazzjonali Silvio Vella, speċjalment permezz tal-esperjenza wiesa’ li jippossjedi?

Nitgħallem ħafna affarijiet mingħandu li ttejjibli l-viżjoni tal-logħba tal-futbol b’mod speċjali li aħna l-Maltin m’għandniex għalfejn ma nemmnux li ħa nġibu riżultat pożittiv, meta nilagħbu kontra pajjiżi ikbar minna. Dan urejnih fil-logħob li diġà lgħabna f’din l-edizzjoni. L-iktar ħaġa li għenitni hija l-esperjenza li nilgħab għall-ewwel darba bil-flokk tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, li seħħet taħt it-tmexxija tiegħu.

Għalkemm naf li qatt ma lgħabt mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Ray ‘Żażu’ Farrugia, naf li kont mgħajjat minnu qabel xi logħbiet ta’ dan it-tim. X’tgħallimt minnu u x’tikkummenta fuq dan il-kowċ bravu li llum huwa l-assistent kowċ tat-tim nazzjonali tal-kbar?

Taħt it-tmexxija tal-kowċ Ray ‘Żażu’ Farrugia, kont ġejt imsejjaħ biex inkun parti mill-iskwadra għall-ewwel darba fil-karriera tiegħi. Tgħallimt li l-livell tal-futbol barra minn Malta huwa ferm differenti minn dak t’hawn Malta, u kien jemfasizza ħafna fuq kif għandna nibqgħu nemmnu fina nfusna meta naffaċċjaw skwadri b’livell iktar għoli minn tagħna.

Ninsab infurmat ukoll li int prodott tal-iskola tal-goalkeepers ta’ Mario Muscat. Dan il-goalkeeper veteran li għandu esperjenza kbira fil-futol Malti bħala goalkeeper, u li issa qed jiddefendi l-lasti propju tal-eks tim tiegħek, Pembroke Athleta, kif għenek biex tkompli tissaħħaħ bħala goalkeeper?

Għamilt numru ta’ snin nattendi din l-iskola tal-goalkeepers. Mario Muscat, huwa bniedem ta’ esperjenza kbira u tgħallimt ħafna affarijiet mingħandu. Hemm lista twila ta’ affarijiet li tgħallimt mingħandu, prattikament nista’ ngħid li tgħallimt ħafna fuq kull aspett li jikkonċerna l-ħajja ta’ goalkeeper.

Int qed tistudja wkoll l-ACCA biex issir accountant kwalifikat, waqt li taħdem ukoll. Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudju u x-xogħol tiegħek u mat-taħriġ tiegħek fil-futbol kemm ma’ Floriana kif ukoll mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena?

Ngħix stil ta’ ħajja kemxejn diffiċli fejn mit-Tnejn sal-Ġimgħa, naħdem ma’ ‘Grant Thornton Malta’. Wara x-xogħol nibqa’ sejjer dritt għat-taħriġ ma’ Floriana u filgħaxija nistudja għal xi eżami tal-ACCA, li jkun imissni nagħmel. L-iktar affarijiet importanti huma t-tqassim tal-ħin, id-dixxiplina u s-sagrifiċċju f’diversi aspetti tal-ħajja. Apparti minn hekk, kemm il-’Grant Thornton Malta’, kif ukoll Floriana FC dejjem jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovaw jgħinuni fejn ikunu jistgħu sabiex inlaħħaq ma’ kollox.

Int li kellek l-opportunità li tilgħab fi stadia barra minn Malta mat-tim nazzjonali, kif tqis li dawn jikkumparaw ma’ dawk li bħala plejers tilagħbu fihom regolarment hawnhekk f’Malta?

S’issa l-iktar ħaġa li nnutajt hija li diversi stadia barra minn Malta jkunu magħmulin b’tali mod li l-partitarji jkunu iktar viċin tal-plejers. Din toħloq atmosfera iktar sabiħa fl-istadium, speċjalment meta tikkunsidra li Malta ma jkunx hemm ammont kbir ta’ partiraji jsegwu l-logħbiet. 

X’tikkummenta fuq il-livell tar-referis li jikkontrollaw il-logħob tal-futbol f’Malta?

Nemmen li bil-mod il-mod il-livell tar-referis qed jitjieb maż-żmien.

X’tikkummenta fuq il-kankru tal-betting li kulma jmur qed jeqred il-futbol mondjali?

Sfortunatament, huwa fattur li jaffettwa ħafna l-futbol b’mod negattiv f’kull parti tad-dinja.

X’tikkummenta fuq l-amministrazzjoni tal-MFA mmexxija mid-duo Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo?

Għalkemm dejjem tista’ ssib xi ħaġa fuq xiex tista’ tikkritika b’mod kostruttiv, naħseb li qed jagħmlu xoghol siewi fl-MFA, għax jekk tikkumpara l-MFA mas-snin li għaddew tista’ tara li qed isir il-progress.

Il-futbol Malti marid?

Il-futbol Malti mhuwiex marid, anzi jien ngħid li hemm affarijiet pożittivi x’tista’ tieħu minnu. Però, il-mentalità li biha nħarsu lejn ċerti affarijiet fil-futbol trid tinbidel u rridu nibdew inħarsu lejn il-futbol b’iktar mod professjonali.

Temmen li teżisti problema ta’ korruzzjoni relatata mal-betting f’Malta u jekk iva kemm taħseb li din hija kbira?

Għalkemm m’għandi l-ebda prova fuq xiex niġġudika t-twemmin tiegħi, nemmen li l-betting ġieli jkollu rwol f’ċerti logħbiet tal-futbol f’Malta. Din hija xi ħaġa diżappuntanti ħafna imma hija realtà. Però, jien nagħmel li nista’ biex nevita ħsibijiet fuq hekk għax dawn l-affarijiet ineħħuli l-pjacir mil-logħba tal-futbol.

"Fil-futbol qatt ma tista’ tgħid x’jista’ jiġri, imma l-iskwadra kollha se nibqgħu naħdmu kollha f’daqqa sabiex nilħqu dan it-tragward, li huwa post fl-Ewropa. Fl-aħħar tal-kampjonat ngħoddu l-punti u mbagħad naraw!"
Teskludi l-possibiltà fil-futur jekk tiġik l-opportunità li tmur tilgħab ma’ xi klabb barra minn Malta?

Nittama li fil-futur tiġini opportunità hekk, fejn żgur naċċetta li mmur nilgħab barra minn xtutna.

U anki jekk tiġik offerta tajba minn xi klabb lokali, teskludi li tingħaqad magħhom , jew tahseb li l-futur tiegħek se jkun wieħed esklussivament mal-Greens?

Nemmen li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin tajjeb, il-futur tiegħi jibqa’ mal-Greens għax nixtieq li nkun parti mill-klabb meta jkun qed jerġa’ jsir klabb b’saħħtu fejn jerġa’ jibda jirbaħ l-unuri fil-futbol Malti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek kemm ma’ Floriana kif ukoll mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena?

Qed inħares lejn il-futur b’ottimiżmu kbir fejn ninsab determinat li nkompli naħdem biex nitjieb, nieħu iktar esperjenza u nibqa’ nagħmel progress kemm ma’ Floriana kif ukoll mat-tim nazzjonali.

Ikolli ngħid li x-xewqa u t-tragward prinċipali tiegħek hija dik li fil-futur ġejjieni tikseb post regolari bejn il-lasti tat-tim nazzjonali tal-kbar. Ninsab korrett?

Iva. Huwa unur għalija kull darba li nilgħab bil-flokk tat-tim nazzjonali. Però, jien nimxi pass pass, u rrid inkompli naħdem u mbagħad naraw maż-żmien jekk ikollix ix-xorti li nilħaq dan it-tragward fil-karriera tiegħi.

Bħala goalkeeper li għalkemm ta’ età żgħira, irnexxielek tikseb suċċess konsiderevoli fil-Premier Malti, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol, speċjalment bħala goalkeeper.

L-ikbar messaġġ li nixtieq inwassal huwa biex ma jaqtgħu qalbhom qatt! Meta kont żgħir, kemm-il darba kien hemm min qal li ma kontx se nasal bħala goalkeeper minħabba li ma tantx kelli tul. L-iktar ħaġa importanti hija li jekk jemmnu f’xi ħaġa, ma jħallu lil ħadd ibiddlilhom fehemthom, jibqgħu jittrenjaw bis-serjetà u jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex jiksbu dak li jixtiequ. Barra minn hekk, nissuġġerilhom li ma jwarrbux l-iskola. Dejjem għandhom iżommu bilanċ bejn l-iskola u l-futbol biex jagħmlu progress fit-tnejn li huma.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.