‘Fl-aħħar wasal il-mument li ilni naħdem għalih 6 snin sħaħ’

Rowen Muscat - wieħed mill-aqwa futbolers li pproduċa l-futbol lokali f’dawn l-aħħar snin, fil-jiem li għaddew sar plejer tal-klabb tas-Serie B, Ascoli FC, b’self sa tmiem l-istaġun

Cristian Muscat / 6 ta' Jannar 2016 10:01
Meta u fejn twelidt?

Twelidt fil-5 ta’ Ġunju 1991. Jien minn Ħaż-Żebbuġ u għandi familti min-naħa ta’ missieri kollha minn Ħaż-Żebbuġ u għandi n-naħa ta’  ommi kollha minn Birkirkara. Madankollu, , tista’ tgħid li jien minn Birkirkara peress li dejjem tħarriġt ma’ Birkirkara FC.

Dan ifisser li int prodott tan-Nursery ta’ Birkirkara FC?

Iva, kont nittrenja u nilgħab man-nursery ta’ Birkirkara sa meta kelli biss ħames snin. Dejjem lgħabt ma’ Birkirkara. Kulma ċċaqlaqt minn magħhom kien meta ħallejt Malta biex immur nilgħab għal seba’ xhur fl-Ungerija ma’ Dunaujvaros.

Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Jien ġej minn familja sportiva - ommi u missieri jilagħbu t-tennis u oħti tilgħab il-basketball. Meta kont żgħir kont nilgħab ftit tennis, basketball u futbol. Minn dejjem kont persuna sportiva iżda l-fatt li meta kont żgħir sħabi kollha kienu jilagħbu fil-futbol, bla ma rrid iktar inġbidt lejn dan l-isport. 

Għada stess se tkun qed tivvjaġġa lejn Ruma biex tagħmel  xi testjiet mediċi mat-tim mis-Serie B, Ascoli. Kif qed tħares lejn din l-esperjenza ġdida fil-karriera tiegħek?

Fl-aħħar wasal il-mumenet li ilni naħdem għalih 6 snin sħaħ. Għada se nkun qed nibda vjaġġ ġdid fil-ħajja tiegħi. Is-Serie B fl-Italja mhuwiex Kampjonat faċli u jien se nkun qed nilgħab ma’ klabb li miegħu hemm jilagħbu plejers kbar, fosthom l-eks plejer ta’ AC Milan, Luca Antonini. Dan huwa l-mument li tant ilni nistenna u se nkun qed nagħti l-100% tiegħi biex intejjeb il-livell tiegħi u nibqa’ nilgħab fis-Serie B, u jekk hu possibli mmur nilgħab f’kampjonat ta’ livell ogħla wkoll - jiġifieri s-Serie A. Ascoli diġà tawni kuraġġ kbir minħabba li huma jinsabu ferm ħerqana li jarawni nilgħab bil-flokk tagħhom, wara li digà rawni nilgħab kontra l-Italja f’Firenze f’ Settembru li għadda, kif ukoll ftit tal-jiem wara ġewwa pajjizna f’Ta’ Qali, fejn segwew il-konfront tal-ewwel rawnd bejn Birkirkara u Valletta.  

Nerġgħu lura lejn il-mumenti inizjali tiegħek fil-futbol. Kien Paul Zammit l-ewwel kowċ li wera fiduċja assoluta fil-potenzjal tiegħek, tant li kien hu li ta’ età żgħira tak id-debutt fil-Premier. X’ifisser għalik Paul Zammit, u dan kif għenek matul il-karriera mill-aqwa tiegħek sa issa fil-futbol?

Hekk hu. Il-fatt li huwa introduċieni fil-Kampjonat Premier meta kelli biss 17-il sena u nofs fejn iddebuttajt kontra Floriana, ifisser ħafna. Niftakar dakinhar kont dħalt fit-tieni taqsima. Imbagħad matul dik is-sena stess, kont dħalt flok l-eks attakant internazzjonali George Mallia, minħabba li kien weġġa’ f’logħba kontra Hibernians, u minn dakinhar ‘l hawn bqajt niġi utilizzat b’mod regolari mal-ewwel 11 ta’ Birkirkara. 

Tħoss li Birkirkara żbaljaw li neħħew lil dan il-kowċ bravu?

Jien lgħabt taħt il-gwida tal-kowċ Paul Zammit għal sitt snin, fejn nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li huwa kowċ validissimu u bravu ħafna. Però, ma nistax ngħid jekk Birkirkara żbaljawx jew le li neħħewh, għall-fatt li dawk huma affarijiet li jidħol fihom il-klabb u mhux aħna l-plejers. Jekk il-klabb irid ineħħi l-kowċ jiddependi minnu. Jien qatt ma kelli problemi fil-karriera tiegħi mal-ebda kowċ - la ma’ Paul Zammit, la ma’ Giovanni Tedesco u lanqas mal-ebda kowċ.

Semmejt lill-kowċ Taljan Giovanni Tedesco. Jiġifieri tikkonferma li ma kellekx problemi personali miegħu?

Giovanni Tedesco huwa persuna brava u għamel żmien twil jilgħab fis-Serie A fl-Italja. ll-logħba tal-futbol jafha sew. Kulma kellna problema bejni u bejnu kienet dik marbuta mal-lingwa Taljana. Dan għaliex jien nifhem bit-Taljan, però meta niġi biex nitkellmu, insibha diffiċli. B’hekk il-komunikazzjoni ta’ bejnietna kienet tkun xi ftit diffiċli. Il-bqija qatt ma kellna l-ebda problema.

Fl-aħħar ġimgħat sar magħruf fil-media li int kont insejt iż-żarbun tat-taħriġ warajk. Tikkonferma dan il-fatt?

Mhux vera li jien kont insejt iż-żarbun tat-taħriġ warajja. Kont ġibt iż-żarbun li nuża fuq il-ħaxix imma ż-żarbun l-ieħor kont ftakart li kont ġibtu wkoll, għax konna se nilagħbu fil-Victor Tedesco Stadium, il-Ħamrun.

Izda l-eks kowċ tagħkom, Giovanni Tedesco, waqt programm lokali ftit tal-ġimgħat ilu, deher irrabjat, għax qal li ma jistax ikun li plejer professjonali jinsa ż-żarbun tat-taħriġ warajh.

Le, fuq dak l-aspett, Tedesco ma kienx irrabjat. Huwa qalli biss biex darb’oħra naħseb minn qabel, biex ikolli żarbun ieħor li nkun nista’ nuża fuq piċċ sintetiku mal-ewwel, iżda fil-fatt iż-żraben kienu hemm it-tnejn. 

Tħoss li Birkirkara FC għaġġlu li neħħew lil Giovanni Tedesco minn kowċ?

Nerġa’ ngħidlek li dawk huma deċiżjonijiet tal-Kumitat u mhux tagħna l-plejers.

X’taħseb li mar ħażin fil-bidu tal-istaġun? Ma tistax taspira li tirbaħ il-Kampjonat u tiġi miżmum fi draw minn timijiet bħal mhuma Tarxien Rainbows u Naxxar Lions?

L-unika ħaġa li forsi kien hemm problema dwarha kienet dik li qabel l-istaġun kellna kunfidenza żejda u ħsibna li konna se niġru bil-Kampjonat. Din ġrat ukoll lil West Ham United li dehru li niżlu b’mod rilassat kontrina iżda fil-fatt irnexxielna ngħelbuhom bl-iskor ta’ 1-0. Dan għaliex aħna li konna underdogs konna aktar entużjasti u motivati biex nuru l-aħjar tagħna u fil-fatt ħriġna fuq in-naħa rebbieħa. Din l-istorja qed tirrepeti ruħha b’mod perfett f’pajjiżna. Qed ngħid hekk għax meta timijiet meqjusin bħala inferjuri għalina qed jaffrontaw lilna, huma jinżlu ferm motvati u entużjasti biex jiksbu riżultat pożittiv kontrina u jtellfulna l-punti. Però, jien xorta waħda nemmen li se nirkupraw minn din is-sitwazzjoni u żgur li se nkunu fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-Kampjonat f’Mejju li ġej.

Kellek l-opportunità li għal ftit xhur tilgħab mal-plejer ta’ fama u klassi mondjali bħal mhuwa Fabrizio Miccoli. X’tgħallimt minn dan il-plejer?

Hija xi ħaġa kbira li jkollok iċ-ċans li tittrenja u tilgħab ma’ plejers ta’ dan it-tip. Jien lgħabt ħafna kontra plejers bħal dawn fit-tim nazzjonali iżda li tilgħab magħhom huwa ta’ unur kbir. Meta kont barra minn Malta ma’ Dunajvaros fl-Ungerija, lgħabt ma’ ċerti plejers li lagħbu f’kampjonati ta’ livell għoli fosthom fil-Ġermanja. Minn dawn il-plejers titgħallem il-professjonaliżmu fil-futbol. Dan hekk kif huma jkunu ffukati biss fuq il-futbol f’ħajjithom. 

Għaliex ma bqajtx tilgħab fl-Ungerija ma’ Dunaujvaros, u domt biss seba’ xhur? 

Dunaujvaros kellhom problemi finanzjarji f’dawk is-seba’ xhur li jien kont nilgħab magħhom. Huma ġabu ħames plejers barranin u s-salarji li kellna ma kinux tajbin. Kellhom l-għan li jispiċċaw l-istaġun f’nofs il-klassifika iżda meta ndunaw li ma kinux se jilħqu dan it-tragward, indunaw ukoll li ma kinux se jlaħħqu mas-salarji li kellna u allura b’mod immedjat kellhom ineħħu lil dawn il-ħames plejers barranin.

Ippermettieli niddeskrivi s-sena 2015 li ntemmet ftit tal-jiem ilu bħala waħda memorabbli għalik fejn nemmen li kont wieħed mill-aqwa plejers tat-tim nazzjonali. Iddeskrivi l-esperjenzi li kellek sa issa man-Nazzjonal u xi jfisser għalik li tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali?

Bħala plejer dawn huma esperjenzi li ma tinsa qatt u huma propju dawn il-logħbiet li trid tilgħab biex tkompli tgħolli l-livell tiegħek bħala plejer. Huwa minnu li fil-Kampjonat tilgħab logħbiet importanti fosthom konfronti diretti u deciders li jkunu logħbiet ferm akkaniti u sbieħ, iżda l-fatt li mat-tim nazzjonali, kelli ċ-ċans li nilgħab kontra plejers ta’ statura mondjali, u li wħud minnhom huma meqjusin bħala leġġendi, hija xi ħaġa inkredibbli. Fost dawn insemmilek lil Andrea Pirlo, Marco Verratti u Luka Modric li kelli ċ-ċans li nilgħab kontrihom meta Malta lagħbet kontra l-Italja u l-Kroazja rispettivament. Anki l-fatt biss li qiegħed fl-istess grawnd magħhom u jirnexxielek tlaħħaq magħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ġiri u teknika, diġà hija biżżejjed. 

"Se nkun qed nagħti l-100% tiegħi biex intejjeb il-livell tiegħi u nibqa’ nilgħab fis-Serie B, u jekk possibli nilgħab f’kampjonat ta’ livell ogħla wkoll, jiġifieri s-Serie A"
Jekk niġu għal-logħba kontra l-Italja li ntlagħbet f’ Settembru li għadda f’Firenze, kellek logħba mill-aqwa u saħansitra ġejt ivvutat bħala l-aqwa plejer Malti mill-gazzetta Taljana, ‘La Gazzetta dello Sport. X’fisser għalik? 

Hekk hu. Anki niftakar li l-eks kowċ tat-tim nazzjonali Taljan, Giovanni Trapattoni, li fil-konfront bejn l-Italja u Malta, kien kummentatur tekniku għar-Rai, saħaq li jiena plejer ferm validu u li nista’ nilgħab fejn u ma’ min irrid. Il-fatt li tisma’ dawn il-kummenti sbieħ fuqek u speċjalment ġejjin minn persuni bħal m’huwa Trapattoni, ikomplu jgħollulek il-moral bis-sħiħ. Dawn huma esperjenzi li meta nħares lura, jqawwuni ħafna u jgħinuni nħares ‘il quddiem fil-karriera tiegħi tal-futbol b’ċertu ottimiżmu u pożittività.

Jidher biċ-ċar li l-kowċ tat-tim nazzjonali, Pietro Ghedin għandu fiduċja assoluta fik. Taqbel miegħi?

Iva. Pietro Ghedin huwa l-uniku kowċ li lgħabt taħt il-gwida tiegħu mat-tim nazzjonali tal-kbar. Min-naħa tiegħi qatt ma kelli l-ebda problema miegħu, u dejjem imxejt b’mod tajjeb miegħu. Huwa jurini rispett kbir u jien daqstant ieħor, u għalhekk hemm rispett reċiproku bejnietna. Rigward il-wirjiet tiegħi mat-tim nazzjonali, huwa qatt ma gerger dwarhom. Għandna relazzjoni tajba ħafna ma’ xulxin u jien kuntent ferm li huwa l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti.

Għamilt żmien konsiderevoli captain tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. X’tikkummenta fuq din l-esperjenza mat-tim, li dak iż-żmien kien immexxi mill-kowc Ray ‘Żażu’ Farrugia. U x’tikkummenta fuq Ray ‘Żażu’ Farrugia li llum huwa l-assistent kowċ tat-tim nazzjonali tal-kbar?

Ray ‘Żażu’ Farrugia huwa motivatur kbir. Qabel kull logħba huwa kien jippreparana psikoloġikament bħal li kieku dik il-logħba kienet se tkun l-aħħar logħba li kellna nilagħbu fil-karriera tagħna. Għallimni ħafna f’dan l-aspett ta’ kif plejer għandu jipprepara għal-logħob, speċjalment mill-fattur psikoloġiku. Huwa daħħal ċertu mentalità pożittiva fit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena li kowċis oħra ma kellhomx. 

X’tikkummenta dwar il-President ta’ Birkirkara FC, Adrian Delia, u x’relazzjoni għandek miegħu?

Jien personali wara l-logħba kontra West Ham United, li fiha ħriġna rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 1-0, Adrian Delia, flimkien ma’ membri oħra tal-Kumitat ta’ Birkirkara FC, avviċinawni u tawni kuntratt tajjeb mal-istess tim. Dan huwa sinjal ċar li huma jemmnu ħafna fil-potenzjal tiegħi. Jien nemmen li s’issa urejt rispett kbir lejhom, kif wara kollox huma urew lejja, jiġifieri s’issa għall-grazzja t’Alla sejjer kollox ħarir.

Huwa fatt magħruf li bħala Birkirkara FC fil-ġimgħat li għaddew għaddejtu minn terremot intern. X’taħseb li wassal għal dan?

Kif dehru l-affarijiet fil-ġimgħat li għaddew, hekk jidher. Madankollu, kull tim huwa kompost minn plejers, kowċing staff u kumitat. L-importanti li jien għandi relazzjoni tajba mal-plejers sħabu u anki mal-kowċ tiegħi. L-affarijet l-oħra huma kollha sekondarji. Jien nemmen li l-fatt li hemm pedament sod fil-klabb, żgur li fil-ġimgħa li ġejjin se nkunu qed niksbu riżultati pożittivi u tirritorna t-trankwillità fil-kamp Karkariż. 

Huwa minnu li int fil-ġimgħat li għaddew kont sospiż kemm mit-tim ta’ Birkirkara kif ukoll mit-tim nazzjonali Malti?

Le mhux veru. Li ġara kien li kelli inċident sfortunat ta’ ‘food poisoning’, u spiċċajt l-isptar bid-’drip’. B’hekk ma kontx disponibbli għal-logħba partikolari ma’ Birkirkara, għax għamilt jumejn ma niflaħx fis-sodda. Kawża t’hekk ma stajtx ukoll nattendi għal żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ mat-tim nazzjonali, iżda suppost kelli imur għand it-tabib tan-nazzjonal u ma mortx, minħabba li kif għidtlek kont verament ma niflaħx u ma stajtx noħroġ mid-dar. Sfortunatament, bħal fil-każ ta’ meta qalu li kont insejt iż-żarbun tal-futbol warajja, il-media amplifikat ferm dan il-fatt u ħarġitu barra mill-kuntest. Dawn kienu affarijet żgħar u li ssolvew faċilment bejn il-persuni konċernati. Nerġa’ ngħidlek li mhux veru li jien kont sospiż la minn Birkirkara, u lanqas mit-tim nazzjonali Malti, kif ma kinitx veru lanqas li jien kont insejt iż-żarbun tat-taħriġ warajja. 

Il-futbol Malti marid?

Mhux marid. Hemm ċerti nies li waqt żmien ħażin flok jgħinuk jippruvaw ikissruk iktar. Madankollu il-futbol bħall-ħajja, jgħallmek ħafna. Qabel, meta kont nisma’ kritika fil-konfront tiegħi, kont inħossha ħafna u niddemoralizza ruħi. Madankollu, llum il-ġurnata, inħoss li mmaturajt ħafna u m’għadnix inħoss ħafna meta nirċievi kummenti ta’ kritika. Il-fatt li ilni bosta snin nilgħab il-futbol b’mod professjonali u anki l-esperjenza ta’ seba’ xhur li kelli meta mort nilgħab b’mod professjonali fl-Ungerija ma’ Dunaujvaros, għenuni biex nirbaħ din is-sitwazzjoni. B’wiċċi minn quddiem ngħid li llum bil-kontra għal snin preċedenti, il-kritika saret tqawwini u ġġibni iktar b’saħħti fil-futbol.

Bħala plejer li għalkemm għad għandek 24 sena, diġà rnexxielek tikseb suċċes liema bħalu fil-futbol, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Ngħid b’wiċċi minn quddiem li l-futbol huwa għodda li tħalli ġid kbir fil-bniedem.  Jien ħajti hija futbol biss. Għalkemm inħobb niddeverti, nipprova kemm nista’ nżomm ruħi fit u nikkonċentra biss fuq il-futbol. L-akbar priorità f’ħajti hija l-futbol. L-aħħar xahrejn għalija kienu mimlija futbol, iżda l-fatt li f’dawn l-aħħar ġimagħtejn ta’ festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, bħala plejers konna liberi mill-futbol, kelli ċ-ċans li noħroġ ma’ sħabi u ngawdi affarijiet oħra fil-ħajja. Fil-ħajja trid issib ħin għal kollox. Il-futbol huwa sabiħ għax barra li jżommok ‘il bogħod mill-vizzji, jekk tpoġġi moħħok hemm, dan l-isport iżommok fit waqt li tista’ tagħmel ukoll flus tajbin. 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.