L-intervista esklussiva tal-ILLUM ma' Eiður Smári Guðjohnsen

Eiður Smári Guðjohnsen - bla dubju l-aqwa plejer li qatt ipproduċa l-futbol Iżlandiż, tant li huwa l-aqwa skorer tat-tim nazzjonali Iżlandiż fl-istorja, b’25 gowl f’81 logħba internazzjonali, u li għamel isem għalih innifsu meta kellu esperjenzi mill-aqwa ma’ tnejn mill-aqwa klabbs fix-xena tal-futbol mondjali, Chelsea u Barcelona.

Cristian Muscat / 8 ta' Diċembru 2015 10:06
Eidur Gudjohnsen fl-azzjoni bil-flokk ta’ Barcelona
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Nista’ ngħid li l-futbol twieled miegħi hekk kif sa minn meta kont tifel żgħir, dejjem niftakarni niġri wara ballun, u nilgħab il-futbol!

Liema kien l-isbaħ mument fil-karriera tiegħek tal-futbol u għaliex?

L-isbaħ mument fil-karriera tiegħi, kien bla dubju ż-żmien li domt nilgħab ma’ Chelsea u speċjalment meta rbaħna l-Kampjonat Barclays Premier lura fl-istaġun 2004-05. Dan għax kien wasal wara assenza ta’ numru twil ta’ snin, hekk kif l-aħħar Kampjonat li Chelsea kienu rebħu qabel dan, kien imur lura għall-istaġun 1954-55. Il-fatt li kont nifforma parti minn grupp ta’ plejers li rnexxielu jirbaħ il-kampjonat wara żmien daqshekk twil, imlieni b’sodisfazzjon kbir. Barra minn hekk dak kien kampjonat mill-aqwa għalija mil-lat personali, għall-ammont ta’ gowls li skorjajt, hekk kif bl-umiltà kollha ngħid li kont strumentali għal Chelsea, għall-fatt li f’dak l-istaġun skorjajt 12-il gowl għall-Blues. 

Fl-2006 ingħaqadt ma’ Barcelona, fejn ħadt post l-attakkant Żvediż Henrik Larsson. Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek mal-Katalani? 

Barcelona huwa l-mekka tal-futbol. Ma’ dan il-klabb domt nilgħab tliet snin sħaħ, u kelli esperjenza mill-aqwa speċjalment fl-istaġun 2008-09, meta kont parti mit-tim li rebaħ treble storiku, bir-rebħ tal-Liga Spanjola, il-UEFA Champions League u l-Copa del Rey. F’dan l-istaġun, konna mmexxijin mill-kowċ bravu, Pep Guardiola. 

Kien hemm stennija kbira għall-wasla tiegħek ma’ AEK Athens fil-Greċja, iżda jkolli ngħid li ma lħaqtx l-aspettattivi kbar li kien hemm ma’ dan il-klabb Grieg. Tagħtina iktar dettalji?

F’Lulju tal-2011 iffirmajt kuntratt ta’ sentejn ma’ AEK Athens fil-Greċja, u hemm domt nilgħab sal-2013. Ma nista’ qatt ninsa l-fatt li mal-wasla tiegħi fl-ajruport ta’ Ateni, ġejt milqugħ minn iktar minn 2,500 partitarju ta’ dan it-tim. Din kienet xi ħaġa inkredibbli. Jien lgħabt f’ħafna pajjiżi differenti, iżda qatt ma kont rajt xi ħaġa ta’ dan it-tip. Dan kollu ġegħelni nħossni tassew milqugħ ma’ dan it-tim. Kont ġejt infurmat li kien se jkolli din it-tip ta’ merħba, iżda qatt ma kien daħalli f’moħħi li kont se niġi milqugħ b’dan il-mod. Kont 100% ċert li kont għamilt l-għażla t-tajba li ngħaqadt ma’ AEK Athens. Iżda sfortunatament, l-affarijiet ma marrux kif mixtieq ma’ dan it-tim, għax lgħabt għaxar logħbiet u skorjajt gowl wieħed biss. Dan għaliex f’Ottubru tal-2011, fid-Derby tant mistenni kontra Olympiacos, sofrejt injury serja meta ħbatt mal-goalkeeper avversarju, Franco Costanzo. L-injury kienet f’tibia u fibula miksura, li ħallietni barra sa tmiem l-istaġun. 

Fl-istaġun li għadda erġajt irritornajt ma’ Bolton fl-Ingilterra. X’esperjenza kellek ma’ dan il-klabb matul l-aħħar staġun?

L-ewwel ġimgħa ta’ April ta’ din is-sena, żgur li se nibqa’ niftakarha matul ħajti kollha. Dan hekk kif irritornajt u skorjajt mal-Iżlanda wara sentejn nieqes mill-azzjoni ma’ dan it-tim nazzjonali, irnexxieli wkoll niskorja għal Bolton fil-ħin miżjud biex ġibt l-iskor indaqs kontra Blackpool, u sirt missier għar-raba’ darba. 

Iddebuttajt mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tal-Iżlanda lura fl-1992 meta kien għad kellek biss 14-il sena. Kif komplejt tevolvi mat-tim nazzjonali Iżlandiż sakemm ilħaqt l-ogħla livelli possibli mat-tim nazzjonali tal-kbar ta’ pajjiżek?

Mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tal-Iżlanda, skorjajt seba’ gowls f’26 logħba, qabel ġejt introdott fit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena fl-1994. Ma’ dan it-tim, skorjajt żewġ gowls f’disa’ logħbiet, qabel iddebuttajt mat-tim nazzjonali Iżlandiż ta’ taħt il-21 sena, fis-sena ta’ wara. Irrapreżentajt lit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena tal-Iżlanda għal erba’ snin sħaħ, fejn skorjajt erba’ gowls fi 11-il logħba. 

Fl-24 ta’April tal-1996, jien u missieri dħalna fl-istorja tal-futbol, hekk kif lgħabna fl-istesss logħba. Din kienet logħba ta’ ħbiberija kontra l-Estonja li ntlagħbet fil-belt kapitali ta’ dan il-pajjiż, Talinn. Missieri Arnor, beda jilgħab u jien dħalt minfloku bħala sostitut fit-tieni taqsima. 

Eidur Gudjohnsen jifraħ wara wieħed mil-ħafna gowls li skorja bil-flokk ta’ Chelsea
Fix-xhur ta’ wara, kemm jien kif ukoll misseri konna ferm dispjaċuti, li ma ngħatajniex permess li nilagħbu fl-istess ħin waqt logħba mat-tim nazzjonali Iżlandiż. Dan hekk kif il-president tal-assoċjazzjoni tal-futbol Iżlandiża ta’ dak iż-żmien, Eggert Magnusson li aktar tard sar president ta’ West Ham United, kien ordna lill-kowċ ta’ dak iż-żmien, Logi Olafsson, biex ma nkunux nistgħu nilagħbu flimkien, meta l-Iżlanda lagħbet kontra l-Maċedonja f’dan il-pajjiż, fl-ewwel logħba mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-1998. Dan għaliex l-eks president tal-FA Iżlandiża, ried li din ix-xewqa tagħna ssir realtà f’logħba li l-Iżlanda tilgħab ġewwa darha. 

Iżda, din ix-xewqa qatt ma saret realtà hekk kif propju xahar biss wara l-logħba fl-Estonja, sfortunatament ksirt saqajja, meta kont involut mat-tim nazzjonali Iżlandiż ta’ taħt it-18-il sena kontra l-Iżlanda. Domt biex nirkupra minn din l-injury minħabba li wara kien irriżulta li kelli tendinitis f’sieqi. Meta erġajt lura fl-azzjoni mal-Iżlanda, missieri kien irtira u għalhekk qatt ma kellna ċ-ċans li nilagħbu flimkien fl-istess ħin mat-tim nazzjonali Iżlandiż.  

Fit-2 ta’ Settembru tal-2006, irnexxieli nsib ix-xibka fir-rebħa li bħala Iżlanda ksibna barra minn darna kontra l-Irlanda ta’ Fuq fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2008, biex b’hekk ilħaqt ir-rekord tal-eks plejer Islandiż, Rikharour Jonsson, li kien dak ta’ 17-il gowl fi 33 logħba internazzjonali għal pajjiżu bejn l-1947 u l-1965. Fit-13 ta’ Ottubru tal-2007, lgħabt id-49 logħba tiegħi man-nazzjonal, u ksirt ir-rekord bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien mat-tim nazzjonali Islandiż. Dan hekk kif wara sitt logħbiet fejn ma rnexxielix insib ix-xibka, skorjajt doppjetta fit-telfa ta’ 4-2 ġewwa darna kontra l-Latvja. Madankollu, għalkemm żgur li se nibqa’ niftakar din il-ġurnata b’mod partikolari, sfortunatament irnexxieli nikser dan ir-rekord f’ġurnata meta bħala Iżlanda sofrejna telfa ferm diżappuntanti u deludenti, u għalhekk dan naqqasli mill-ferħ ta’ dan it-tragward li kont ilħaqt. 

"Ninsab deċiż u determinat li nilgħab għal pajjiżi fil-Euro 2016, fejn qed naspiraw li bħala Iżlanda niksbu riżultati pożittivi"
Fid-19 ta’ Novembru tal-2013 wara t-telfa ta’ 2-0 tal-Iżlanda kontra l-Kroazja fil-play-off għat-Tazza tad-Dinja tal-2014, kont ħabbart li kont irtirajt mill-futbol internazzjonali fuq bażi ta’ tim nazzjonali. Iżda, mbagħad fit-28 ta’ Marzu li għadda wara sena u nofs nieqes mill-azzjoni mal-Iżlanda, erġajt irritornajt bil-flokk tat-tim nazzjonali ta’ pajjiżi, u rnexxieli nsib ix-xibka permezz tal-ewwel gowl fir-rebħa ta’ 3-0, li bħala Iżlanda ksibna barra minn darna fl-Astana Arena, kontra l-Kazakhstan, fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016. Ġaladarba qed insemmu l-Euro 2016, ninsab deċiż u determinat li nilgħab għal pajjiżi, f’dan it-tournament, fejn qed naspiraw li bħala Iżlanda niksbu riżultati pożittivi. 

Int li kont ferm viċin tal-kowċ Josè Mourinho għax kont ikkowċjat minnu lejn l-aħħar tal-esperjenza tiegħek ma’ Chelsea, kif tiddeskrivi lil dan il-kowċ?

M’hemmx dubju li Josè Mourinho huwa l-aqwa kowċ li qatt kelli fil-karriera tiegħi tal-futbol!

Kont sorpriż li Chelsea kellhom bidu ferm diżappuntanti u x’taħseb li kienu r-raġunijiet għaliex Chelsea qed jaffaċċjaw din is-sitwazzjoni xejn feliċi u mistennija?

Ovvjament, ninsab sorpriż! Mhuwiex normali li wieħed jara lil Chelsea tliet punti biss fuq iż-żona l-ħamra tar-relegazzjoni. Naħseb li din il-kriżi li għaddejjin minnha Chelsea bħalissa għandha x’taqsam mal-fiżika tal-plejers. Il-pre-season li huma għamlu ma kienx tajjeb, u meta tibda bil-preparazzjoni iktar tard mis-soltu, dan ikollu impatt negattiv fuq il-logħbiet tal-bidu tal-istaġun, kif fil-fatt ġara lil Chelsea. Il-fatt li Chelsea huma mdorrijin jirbħu u jiddominaw il-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra, ifisser li kull meta jitilfu, il-media aktar tenfasizza dawn it-telfiet, u dan ikabbar il-pressjoni kemm fuq il-plejers, kif ukoll fuq l-istaff tekniku tal-Blues. 

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess kbir li qed jikseb it-tim nazzjonali tal-Iżlanda u li wassal għall-kwalifikazzjoni storika għall-Euro 2016? 

Fl-Iżlanda,il-plejers dejjem kellhom livell tal-fiżika tajjeb ħafna u mentalità tajba biex iħallu l-pajjiżna, u jfittxu avventuri ġodda fil-futbol barra mill-Iżlanda. Dawn huma l-karatteristiċi ewlenin ta’ pajjiżna u tat-tim nazzjonali tagħna. 

Taħseb li l-futbol Malti għad xi darba jilħaq il-livelli ferm għolja li rnexxielu jilħaq il-futbol Iżlandiż?

Rigward Malta, ma tantx nista’ nikkummenta minħabba li miniex familjari mal-futbol f’pajjiżkom. 

Meta taħseb fuq il-futur tiegħek fil-futbol, ġieli għaddielek xi ħsieb minn moħħok li timbarka fil-karriera ta’ kowċ?

Għadni ma ħsibtx rigward dan. L-istaġun fiċ-Ċina intemm tliet ġimgħat ilu u l-kuntratt tiegħi ma’ Shijiazhuang Ever Bright, jintemm f’Jannar li ġej. Iżda, jien irrid nibqa’ nilgħab sakemm iħossni fl-aqwa forma possibli biex nagħmel dan. Bħalissa,l-uniku ħsieb tiegħi huwa li nqatta’ aktar ħin mal-familja tiegħi, waqt li nsegwi l-passi tat-tfal tiegħi f’kulma qed jagħmlu, fosthom il-futbol. 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.