Dedikazzjoni, esperjenza, ħeġġa u serjetà fir-Rugby

Vince Stivala - wieħed mill-aqwa plejers li pproduċa r-rugby lokali f’dawn l-aħħar snin, u plejer indispensabbli għat-tim nazzjonali Malti tar-rugby

Cristian Muscat / 21 ta' Novembru 2015 09:06
F’April li għadda, it-tim nazzjonali Malti tar-rugby kien impenjat darbtejn f’partiti internazzjonali tat-Tazza Ewropea kontra l-Iżrael u l-Iżvizzera. It-tim kiseb rebħa u telfa minima fil-Hibernians Stadium. Sodisfatt bil-prestazzjoni tat-tim?

Jiena nemmen li t-tim dejjem jagħti l-almu tiegħu u s-sens ta’ kburija li tant tidher fil-logħba tar-rugby hu aktar evidenti minn sports ieħor minħabba l-ammont ta’ kuntatt li hu permess waqt il-logħba. Il-logħba fl-Iżrael kienet waħda diffiċli f’kundizzjonijiet sħan ħafna u f’post ġdid għalina kontra tim li qatt ma lgħabna kontrih. Minħabba dawn ir-raġunijiet ma konniex nafu x’qed nistennew u kellna nbiddlu t-tattiċi f’nofs logħba. Fit-tieni parti tal-logħba lgħabna b’mod aktar dirett, biex b’hekk ħriġna rebbieħa. Mal-Iżvizzeri konna nafu x’qed nistennew. Logħba diffiċli u fiżika ma’ tim li rbaħnilu s-sena l-oħra f’pajjiżhom stess però li tlifna kontrihom f’pajjiżna s-sena ta’ qabel. Naħseb li taħlita ta’ bidu ħażin, 0-18 fl-ewwel kwarta u ftit mill-plejers importanti li ma tawx prestazzjoni bħas-soltu, wassal għal ġlieda kuraġġuża fit-tieni parti tal-logħba biex b’hekk il-punteġġ ġie għal 20-23, iżda sfortunatament spiċċa l-ħin u b’hekk ma rnexxielniex noħorġu rebbieħa.

Wara l-ewwel rawnd ta’ partiti minn dan il-grupp tat-Tazza Ewropea, minn erba’ partiti Malta kisbet żewġ rebħiet u żewġ telfiet. Fadal l-aħħar erba’ partiti nhar is-Sibt li ġej u f’April tas-sena d-dieħla kontra l-Kroazja, Repubblika Ċeka, Żvizzera u Iżrael. X’għandu jkun l-objettiv tal-Maltin f’dawn l-erba’ partiti?

L-objettiv tagħna dejjem hu li nirbħu u dan qatt mhu se jinbidel. Rigward timijiet differenti li nilagħbu kontrihom u kif nippreparaw għalihom, dejjem nagħmlu xogħolna fuq l-oppożizzjoni. Naraw filmati ta’ logħob li jkun intlgħabu u niżviluppaw il-logħba tagħna biex nippruvaw nisfruttaw id-dgħjufija tagħhom filwaqt li nużaw il-qawwa tagħna; ġeneralment tkun logħba mgħaġġla u wiesgħa. Naħseb li r-Republika Ċeka se jkunu avversarji diffiċli ħafna. Il-logħba tas-sena l-oħra fi Praga kienet waħda mill-aktar logħbiet impenjattivi fiżikament li qatt lgħabt u f’ħinijiet, l-oppożizzjoni dehret ħafna aktar superjuri. Iżda minkejja li għandna statura iżgħar miċ-Ċeki irnexxielna niksbu telfa rispettabbli ta’ 27-13. Il-Kroazja huma għedewwa antiki tagħna press li lgħabna kontrihom ta’ spiss. Matul l-aħħar ftit snin, iddominajna b’aktar rebħ milli telf u nittamaw li jiġri l-istess nhar is-Sibt li ġej, għalkemm qatt m’għandna nissottovalutaw lill-avversarji tagħna. L-Iżvizzera u l-Iżrael se jkunu qed ifittxu għal żewġ rebħiet u prestazzjoni aħjar minn dik ta’ April. Bħala skwadra nħoss li ddiżappuntajna peress li ma lgħabniex l-istess kwalità ta’ rugby li lgħabna f’dawn l-aħħar snin.

"Għandna nkunu kburin bil-pożizzjoni li ninsabu fiha fid-dinja tar-rugby minħabba d-daqs tal-pajjiż tagħna"
F’dawn l-aħħar snin rajna l-logħba tar-Rugby tikber f’pajjiżna. Temmen li l-progress li sar, anke fit-tim nazzjonali Malti jista’ jgħin biex inkomplu navvanzaw fir-rankings internazzjonali? Għalfejn?

Għandna nkunu kburin bil-pożizzjoni li ninsabu fiha fid-dinja tar-rugby minħabba d-daqs tal-pajjiż tagħna u għalkemm ħafna jikkritikaw it-tim Nazzjonali Malti bħala tim barrani, iżda dan mhux il-każ. Dejjem nippruvaw inżidu l-ammont ta’ plejers lokali fl-iskwadra iżda bħalissa nofs l-iskwadra ta’ 23 plejer huma Maltin. L-influwenza mill-plejers ibbażati fir-Renju Unit tkompli ssaħħaħ it-tim u l-plejers lokali jistgħu jitgħallmu ħafna mill-plejers li lagħbu barra minn Malta kontra oppożizzjoni aktar diffiċli, u b’hekk jgħinu fit-trasferiment tal-ħiliet fl-erba’ ġimgħat li jkunu f’daqqa. Se jkun diffiċli ħafna għalina li nitilgħu ’l fuq fir-rankings minħabba n-nuqqas ta’ fondi mill-Gvern u n-nuqqas ta’ plejers fl-iskwadra nazzjonali u fuq livell nazzjonali. Dan ma jfissirx li m’aħniex se naraw progress u b’hekk għandu jsir aktar sfroz biex insaħħu l-livell tar-rugby f’Malta billi nintroduċu aktar tfal f’din il-logħba tant sodisfaċenti.

Kif tiġġudika l-livell tal-Kampjonat Malti tar-rugby, u dan żdied jew naqas matul il-medda tas-snin?

Jien lgħabt kemm fir-Renju Unit kif ukoll f’Malta u nista nikkonferma li l-logħob hawn Malta hu intens daqs kemm hu fir-Renju Unit. Il-livell ta’ ħila ta’ kif jgħaddi l-ballun u x-xuttijiet, għadhom ta’ livell inqas u b’hekk il-logħba lokali hi aktar logħba li tibda u tieqaf minħabba l-iżbalji ta’ kif imexxi l-ballun kull individwu. Iżda matul is-snin, il-kwalità tjiebet drastikament u l-unika ħaġa nieqsa hi aktar kompetizzjoni biex jitjiebu l-ħiliet tal-plejers. Li tilgħab kontra l-istess ftit avversarji regolarment għal ħafna żmien mhux tajjeb għax inaqqas lill-plejer milli jikber u mill-potenzjal li jitjieb tul is-snin. Sabiex nirranġaw din is-sitwazzjoni irridu aktar plejers u dan qed isir permezz ta’ akkademiji u skejjel tar-rugby u bix-xogħol siewi tal-coaches, uffiċjali u l-membri tal-kumitat tal-MRFU. Però dejjem ikun hemm bżonn aktar fondi u mingħajr l-essenzjali, bħal grawnd li nistgħu nsejħulu tagħna ma tantx jista’ jitjieb il-livell. Sponsors privati bħal GasanMamo Insurance huma ferm importanti biex dan l-isport jikber u jagħti aktar riżultati. 

Sodisfatt bil-livell taż-żgħażagħ Maltin li telgħin fir-Rugby lokali?

Dan hu fejn tinsab it-tama tal-futur tar-rugby. Għandna bżonn inrawmu aktar żgħażagħ f’dan l-isport biex b’hekk ikollna logħob ta’ kwalità għolja. F’dawn l-aħħar snin, is-Sur Joe Borda u t-tim tiegħu investew ħafna ħin u flus fl-iskola tar-rugby li ssir kull nhar ta’ Ħadd fil-Marsa. L-introduzzjoni ta’ sponsors bħal GasanMamo Insurance u l-ewwel tim ta’ Malta ta’ taħti it-18-il sena li lagħbu barra minn Malta ftit ġimgħat ilu hu sinjal pożittiv għaż-żgħażagħ Maltin li jixtiequ jilagħbu l-logħba tar-rugby.

"Se jkun diffiċli ħafna għalina li nitilgħu ’l fuq fir-rankings minħabba n-nuqqas ta’ fondi mill-Gvern u n-nuqqas ta’ plejers fl-iskwadra nazzjonali"
Tħoss li hawn bizzejjed interess u appoġġ lejn it-tim nazzjonali Malti tar-Rugby mill-pubbliku sportiv Malti?

Iva, meta t-tim nazzjonali Malti tar-rugby jilgħab fil-grawnd tal-Hibernians (grawnd li l-MRFU irid iħallas għalih) il-pubbliku jagħmel differenza kbira u vera jappoġġja lit-tim.  Tgħidx kemm ikun hemm storbju u juru kif l-appoġġ verament jaħdem u jeżisti fil-minoranza. L-atmosfera fil-grawnd tal-Hibernians waqt il-logħob tar-rugby ma jistax jitqabbel ma’ avvenimenti sportivi oħra li jsiru f’Malta. L-avvenimenti jsiru bi ftit promozzjoni u b’hekk tkun aktar diffiċli biex il-pubbliku jkun jaf dwar il-logħob u r-Rugby Union u r-riżultati li niksbu. Meta nilagħbu għandna responsabbiltà peress li aħna dawk il-persuni li ġejna magħżula biex nirrapreżentaw lil Malta u nagħtu kull ma nistgħu fil-grawnd biex niksbu r-riżultati li niksbu.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.