Il-logħba tal-waterpolo bil-Canoe

L-ewwel Tournament tal-Canoe Polo Tournament f’Malta

Veronica Lynn Mizzi / 14 t'Ottubru 2015 13:21
Il-plejers tat-tim Malti fl-azzjoni • Ritratt: Lisa Farrugia
Nhar is-Sibt 24 ta’ Ottubru, il-Baċir Numru 1 f’Bormla se jkun qed jospita għall-ewwel darba tournament tal-canoe polo, li se jara ħames timijiet minn żewġ pajjiżi Mediterranji jikkompetu. Dan it-tournament se jkun qed jagħmel parti mill-Malta Canoe Sports Festival.

It-tim Malti kompla bit-taħriġ tiegħu matul ix-xahar ta’ Ottubru meta sitta mit-tim Malti attendew għal kamp ta’ taħriġ f’Circolo Canoa Catania.

Il-logħba tal-canoe polo hija logħba relattivament ġdida fi ħdan l-International Canoe Federation, li qed tikber u żżid fil-popolarità b’rata mgħaġġla.

Din il-logħba tintlagħab b’żewġ timijiet ta’ ħamsa min-nies f’kull tim, f’żewġ taqsimiet ta’ 10 minuti l-waħda. Hija dixxiplina li minħabba d-dinamika tagħha, tinkorpora fiha diversi elementi ta’ dixxipli oħra bħal waterpolo, handball u kayaking.

F’Malta dan l-isport ilu li beda sa mis-sena 2002 meta grupp ta’ nies b’interess fil-kayaking iddeċidew li jinkludu balun tal-waerpolo fis-sessjonijiet ta’ kayaking tagħhom. Għall-bidu, din kienet biss attività ta’ bejn il-ħbieb, iżda f’Mejju tal-2015, il-Malta Canoe Polo Club ħadet sehem fl-ewwel tournament tagħha fl-Olanda. Hemmhekk, it-tim Malti lagħab kontra seba’ timijiet minn seba’ pajjiżi oħra, meta rebaħ kontra erbgħa minnhom.

It-tournament tal-24 ta’ Ottubru se jibda fid-9.30 ta’ filgħodu, b’kull tim jilgħab minimu ta’ erba’ logħbiet, fej il-finali mistennija tintlagħab għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.