L-atleta żagħżugħ b’rekord nazzjonali tal-juniors fil-javelin

Bradley Mifsud - atleta żagħżugħ li għad għandu biss 19-il sena iżda li mir-riżultati li rnexxielu jikseb s’issa f’diversi kategoriji tal-atletika fosthom fix-shot, id-discus, il-long jump u l-iktar il-javelin, fejn għandu r-rekord nazzjonali tal-juniors, jidher li għandu futur mill-isbaħ quddiemu.

Cristian Muscat / 25 t'Awwissu 2015 11:31
Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Il-ġenituri tiegħi irreġistrawni fl-atletika meta kelli 6 snin mal-klabb tal-atletika ta’ Pembroke Athleta. F’dak iż-żmien jien kont nieħu sehem fil-fun runs u xi road races tal-kategorija tiegħi. Imbagħad meta għalaqt 9 snin, bdejt nittrenja mal-kowċ Angie Mangion fejn ippruvajt ħafna events u eventwalment għazilt li niffoka naqra iktar fuq il-long jump fejn kont qed immur relattivament tajjeb. Imma ħames snin ilu nbidel kollox fil-karriera tal-atletika tiegħi għax iltqajt ma’ Genc Dapi, kowċ li jispeċjalizza fit-throws (javelin, discus, shot u hammer throw).

Kif għenek u influwenzak il-kowċ Genc Dapi u kemm kienet diffiċli biex tagħżel bejn il-javelin, ix-shot u d-discus? 

Genc ittestjani f’kollox u bdejt immur tajjeb speċjalment fil-javelin u x-shot u anki d-discus, però nnota li spikkajt fil-javelin. Kienet vera diffiċli biex nagħżel fostom għax jien kollha kienu jogħġbuni minbarra l-hammer, però jien mort għall-javelin. Avolja bqajt nikkompeti fix-shot u d-discus biex nistrieħ mill-javelin u bqajt immur tajjeb fihom, tant li rnexxieli nikser ir-rekord tal-juniors fix-shot tas-6kg b’tefgħa ta’ 14.28m.

Kif tiddeskrivi l-event tal-javelin u x’jinvolvi t-taħriġ tiegħek f’dan l-isport?

Jien personalment l-event tal-javelin narah bħala puzzle għax biex ittejjeb il-livell tiegħek, irid ikollok il-ħila, tiġri, taqbeż, tkun flessibbli u aġli sabiex tittrasferrixi l-javelin ’il bogħod kemm jista’ jkun. B’hekk it-taħriġ tiegħi jinkludi ħafna eżerċizzji ta’ varjetà bħal mhuma sprints, plyometric training, weight training, koordinazzjoni, kif ukoll stretching. B’hekk jien għażilt il-javelin bħala l-isport favorit tiegħi.

Niġu għas-sena 2010. F’liema kompetizzjonijiet ħadt sehem matul din is-sena fejn kont għadek ta’ età relattivament żgħira?

Fl-2010 irrapreżentajt lil Malta għall-ewwel darba ta’ 14-il sena f’Olomouc, fir-Repubblika Ċeka. Dawn kienu EKAG (European Kids Athletic Games) fejn kienet biss għall-esperjenza fejn ħadt sehem fil-longjump u l-javelin. 

U fl-2011?

Fl-2011 erġajt tlajt għall-istess logħob ġewwa l-istess pajjiż però din id-darba f’Brno fejn ksibna medalja tal-bronż bħala tim tar-relay tas-subien fejn ħassejtni veru ferħan u sodisfatt li rbaħt medalja f’logħob internazzjonali, flimkien mat-tim tiegħi. 

X’fissru u x’jirrappreżentaw is-snin 2012 u 2013 fil-karriera tiegħek tal-atletika?

Fl-2012 tlajt Sardenja għall-Jeux des Iles (Island Games), fejn irbaħt medalja tal-bronż fil-javelin. U sena wara erġajt tlajt Corsica għall-istess logħob fejn erġajt kelli l-aħjar prestazzjoni sal-lum il-ġurnata hekk kif irnexxieli nirbaħ żewġ midalji tal-fidda fil-javelin, kif ukoll fil-longjump.

F’Ġunju tas-sena 2014, int intgħażilt għat-3rd League tal-European Team Championships li saru f’Georgia fejn kont l-iżgħar atleta maskili fil-kontinġent. Tina iktar dettalji rigward din l-esperjenza unika fil-karriera tiegħek. 

Din kienet esperjenza kbira għalija, hekk kif jien ikkompetejt kontra wħud mill-aqwa atleti ġewwa l-Ewropa speċjalment fit-tefgħa tal-javelin. Fil-bidu ħassejtni ftit imbeżża’ però imbagħad ikkalmajt u kkonċentrajt fuq il-wirja tiegħi. 

"Ikkompetejt kontra wħud mill-aqwa atleti ġewwa l-Ewropa speċjalment fit-tefgħa tal-javelin."
Madwar xahrejn ilu fl-ewwel kompetizzjoni li ħadt sehem fiha fl-istaġun 2015, ksirt ir-rekord nazzjonali tal-javelin billi qbiżt is-60 metru. Dan it-tragwad b’liema mod għenek biex tħares ’il quddiem b’ottimiżmu lejn il-kompetizzjonijiet li se tkun qed tieħu sehem fihom fiż-żmien li ġej?

Mill-ġurnata li lħaqt dan it-tragward ’il quddiem daħħalt iżjed f’moħħi li nikkwalifika għall-European Junior Championships fejn ridt nilħaq il-marka tas-67 metru. Però, biex dan seta’ jsir, kelli nittrenja b’mod regolari u nimxi mal-passi tal-kowċ tiegħi, Genc Dapi. 

Matul ix-xahar li għadda ħadt sehem fil-Logħob Ewropej li saru f’Baku fl-Azerbaigan, fejn hemmhekk ksibt riżultati pożittivi, fejn irnexxielek saħansitra tikser ir-rekord nazzjonali tal-Juniors tal-javelin. Tina iktar dettalji. 

Iva, fil-fatt, din kienet it-tieni darba li kkompetejt kontra atleti seniors tal-javelin f’Kampjonati tat-Timijiet Ewropej, iżda din kienet l-ewwel darba li ġew organizzati l-Logħob Ewropew f’Baku, fl-Azerbajġan. Wasalt fil-villaġġ flimkien mat-tim Malti tal-atletika, ħamest ijiem qabel bdiet il-kompetizzjoni fit-22 ta’ Ġunju fit-8pm. Il-belt ta’ Baku laqgħet lill-atleti kollha, b’ħafna voluntiera jipprovdu lill-atleti bis-servizzi kollha rikjesti fil-Villaġġ Olimpiku tal-atleti, li kien wieħed mill-isbaħ. Saħansitra, kien hemm anki xi ċentri ta’ rikreazzjoni fil-villaġġ innifsu. 

Jien kont inqatta’ ħafna żmien hemmhekk biex nirrillassa qabel kellha tibda l-kompetizzjoni. Fil-villaġġ innifsu kelli l-aħħar żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ fil-gym li kien ferm attrezzat. Qabel morna għal dik li kienet imsejħa bħala call room, fejn inġabru l-atleti kollha qabel il-kompetizzjoni, jien ħassejtni normali u kont ippreparat mentalment biex ikolli l-aħjar wirja possibli fl-istadium. 

"Irid ikollok il-ħila, tiġri, taqbeż, tkun flessibbli u aġli sabiex tittrasferrixi l-javelin ’il bogħod kemm jista’ jkun. "
Fil-fatt, irnexxieli nikser ir-rekord nazzjonali tal-juniors (NJR) bi throw ta’ 62.67m fl-ewwel tentattiv tiegħi. Iżda wara l-ewwel throw ħassejt uġigħ f’irkoppti l-leminija u anki f’ġenbi. It-throw ta’ wara kienet dik ta’ 60.04m, minħabba l-fatt li ma kontx konċentrat bizzejjed biex nimbotta iktar. U l-aħħar throw kienet ta’ inqas minn 60m u għalhekk ma kontx kuntent. Fl-aħħar mill-aħħar, kont sorpriż li jien kont l-uniku atleta li rnexxieli nikseb personal best (PB). 

Kollox ma’ kollox, wara li ħadt sehem f’din il-kompetizzjoni, nista’ nikkonkludi li ftit ftit, qed intejjeb il-livell tiegħi fil-javelin u qed inħares ’il quddiem biex inżomm din il-konsistenza minn kompetizzjoni għall-oħra billi nieħu ħsieb l-iskeda tat-taħriġ tiegħi, dieta bilanċjata, għajnuna mill-fiżjo-terapisti, u permezz tas-sapport li għandi mill-kowċ personali, Genc Dapi, mill-ħbieb u mill-familja.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.