“Hija esperjenza sabiħa li qed nilgħab barra minn Malta” - Ylenia Carabott

Intervista mal-plejer internazzjonali Maltija, Ylenia Carabott

Cristian Muscat / 15 ta' Lulju 2015 13:53
Ylenia Carabott tindirizza xutt lejn il-goalkeeper ta’ Ange IF, waqt sessjoni ta’ taħriġ tal-istess tim fl-Isvezja
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-plejer internazzjonali Maltija, Ylenia Carabott, flimkien ma’ Jade Flask, bdiet avventura ġdida fil-karriera tagħha ’il bogħod minn xtutna, eżattament fl-Isvezja, mat-tim li jġib  l-isem ta’ Ange IF, li jimmilita fit-Tielet Diviżjoni, iżda għandu l-aspirazzjoni ewlenija li jitla’ fit-Tieni Diviżjoni. Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Ylenia Carabott innifisha fl-Isvezja, fejn tatna dawn il-kummenti rigward l-esperjenza in ġenerali tagħha sa issa fl-Isvezja:

“Għalkemm fl-Isvezja hawn lingwa lingwa differenti integrajt tajjeb. Jgħin il-fatt li hemm tliet plejers li kont lgħabt magħhom tliet snin ilu meta kont l-Iżvezja l-ewwel darba. Apparti minn hekk ħafna mill-plejers, laqawna tajjeb u għenuna nidħlu sew fit-tim. L-aspirazzjoni tiegħi hi li nirbħu l-kampjonat, ħalli nitilgħu fit-Tieni Diviżjoni. Hemm iċ-ċans li fis-sajf tas-sena d-dieħla, nerġa nitla’ l-Isvezja, iżda dan jiddependi mill-pożizzjoni li jkun fiha t-tim. 

Jekk jirnexxielna nitilgħu fit-Tieni Diviżjoni, hemm aktar ċans li nerġa’ ningħaqad mat-tim fis-sajf li ġej. Inħoss ċertu nostalgija għal Malta u għal Hibernians, l-iktar minħabba l-fatt li Hibernians qegħdin fil-UEFA Champions League tan-nisa, u peressli qed nilgħab ma’ tim ieħor, se jkolli nitlef din l-esperjenza. 

Ylenia Carabott flimkien mal-plejer l-oħra Maltija li qed tilgħab ma’ Ange IF, fl-Isvezja, Jade Flask
Fil-ħajja ma tistax tagħmel kollox imma! Hija esperjenza sabiħa li qed nilgħab barra minn Malta, u ninsab ċerta li ma’ Hibernians se jkolli ċans nerġa’ mmur nilgħab f’logħbiet validi mill-UEFA Champions League, għax nemmen fit-tim li hemm bħalissa, u fit-tfal li telgħin. Jien se tkun qed nerġa’ nirritorna ma’ Hibernians, meta jispiċċa l-Kampjonat tan-Nisa tal-Isvezja, biex b’hekk inkun nista’ nibda l-istaġun ma’ dan it-tim ukoll,” temmet tgħid Ylenia Carabott.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.