Il-bodybuilder Malti, Champion tal-Ewropa

Luke Debono – ta’ 22 sena hu bla dubju wieħed mill-aqwa bodybuilders li pproduċa kemm il-bodybuilding lokali kif ukoll dak Ewropew, fil-qasam tal-Juniors u mhux biss. Rebaħ it-titlu prestiġjuż ta’ Mr Malta ftit tal-ġimgħat ilu, u ftit wara rebaħ ukoll it-titlu ferm importanti ta’ Mr Europe. 

Cristian Muscat / 5 ta' Ġunju 2015 11:35
Kif għażilt il-bodybuilding fost sport ieħor?

Jiena kont nilgħab il-waterpolo u l-bodybuilding bdejtu kważi b’kumbinazjoni. Sal-età ta’ 17-il sena kont għadni qed nilgħab il-waterpolo u dħalt il-gym ta’ 14-il sena biex inrabbi naqra iżjed muskoli speċjalment f’dahri u fi spallti, minħabba l-għawm. L-instructor t’hemm darba qalli li tkun idea tajba jekk nipprova nkompli nieħu t-taħriġ bis-serjetà minħabba riżultati li bdew jidhru fuqi. Wara inċident li kelli ta’ 17-il sena, irtirajt mill-waterpolo u fittixt il-parir ta’ dak l-istess instructor u minn dakinhar ’l hawn ma jiddispjaċini xejn li qbadt il-bodybuilding.

Ftit tal-ġimgħat ilu int irbaħt l-iktar unur prestiġjuż fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Bodybuilding - dak ta’ Mr Malta. X’fisser għalik dan l-unur?

Għalija t-titlu ta’ Mr Malta jfisser rikonoxximent ta’ dak ix-xogħol li akkumulajt f’dawn l-aħħar 7 snin ta’ taħriġ. Bħala tifsira għalija mingħajr it-titlu jew bit-titlu jiena nipprova ma nħallix ir-riżultati jaffetwaw il-mod ta’ kif inħossni rigward il-livell li nkun qed infittex u nirsisti għalih. Huwa unur kbir li akkwistajt dan it-titlu, però l-isbaħ tifsira għalija hu li nara t-tbissima ferrieħa fuq wiċċ ommi, missieri u ħija hekk kif ħabbruni bħala r-rebbieħ.

U dan ma kienx bizzejjed hekk kif propju ftit tal-jiem wara, irbaħt it-titlu ta’ Champion Ewropew fil-Kategorija tal-Juniors over 75kg, u l-overall, waqt li rbaħt ukoll il-fidda fil-kategorija fis-seniors taħt il-100kg. Tina iktar dettalji rigward din l-esperjenza unika fil-karriera tiegħek s’issa. 

Iva! Bħala assoċjazzjoni aħna ħassejna li kellna ċans tajjeb li niksbu riżultati pożittivi, però dejjem ikun hemm iżjed tensjoni meta nitilgħu nikkompetu barra minn xtutna. L-ewwel kategorija li ħadt sehem fiha kienet dik tal-kategorija ta’ taħt il-100kg. Il-livell kien wieħed inkredibbli kif wieħed jista’ jimmaġina u jara minn fuq il-filmati u r-ritratti. It-tir tagħna kien li nippruvaw nidħlu għall-aħħar sitta. Il-prestazzjoni li tajt intgħoġbot ħafna mill-ġurija u wara ħafna rounds u taħbit ġejt ippremjat bit-tieni post u l-medalja tal-fidda. Kienet esperjenza li ma nistax niddeskriviha. Ftit tal-ħin wara erġajt ħriġt għall-kategorija ta’ taħt it-23 sena fejn il-livell reġa’ kien wieħed impressjonanti u li tana daqsxejn ta’ kompetizzjoni sewwa. Però, bil-preparamenti li kont għamilt u bit-taħriġ li kelli kont superjuri fil-kategorija tal-juniors u rbaħna l-kategorija b’punteġġ perfett. Wara li smajna l-innu Malti u bkejna xi naqra wkoll, erġajt ħriġt għall-kategorija overall li rbaħt ukoll. Din id-darba żammejt l-emozzjonijiet aħjar u smajna l-innu Malti għal darb’oħra. Kienet esperjenza ta’ ferħ u prestiġju kbir.

It-taħriġ li int tagħmel biex tieħu sehem fil-kategorija li tieħu sehem fiha, kif huwa differenti minn taħrig li wieħed irid jagħmel biex jieħu sehem f’kategoriji u kompetizzjonijiet oħra tal-bodybuilding?

Hemm bosta kategoriji fil-bodybuilding fosthom il-bodybuilding innifsu, il-classic bodybuilding li jillimita l-atleti ta’ ċertu tul għal ċertu piż biex iżommu dik id-dehra ta’ bodybuilder klassiku, il-physique, li huwa dak li nafuh bħala l-beach body. Imbagħad hemm in-nisa li jikkompetu fil- bikini women’s fitness li huwa speċi ta’ mmudellar b’aktar attenzjoni fuq simetrija u fuq in- nuqqas ta’ xaħam fil-ġisem tan-nisa kif ukoll ammont ta’ muskoli. Hemm il-women’s body-fitness, li jkun simili għall-bikini, però hemm aktar attenzjoni fuq id-daqs tal-muskoli, u fl-aħħar hemm il-women’s physique, li jixbah ħafna il-men’s bodybuilding. Kollha huma kategoriji li jirrikjedu ħafna taħriġ, però, fl-opinjoni tiegħi l-bodybuilding huwa l-aktar aħrax. Dan għaliex l-atleti tal-bodybuilding mistennija li jkollhom dik li tissejjaħ kundizzjoni bla ġilda jew ta’ persentaġġ ta’ xaħam baxx ferm. Għal din ir-raġuni, il-bodybuilders ikollhom jagħmlu l-eħrex dieta. Bħala taħriġ fiżiku, nemmen li ftit ikun hemm differenza bejn il-kategoriji, però jkun hemm iktar emfażi fuq l-iżvilupp tal-kobor tal-muskoli fil-bodybuilding, waqt li fil-kategorijja l-oħra, bħall-bikini u l-physique, l-iskop huwa iktar li l-atleti jżommu bilanċ u moderazzjoni għal dehra inqas goffa.

X’differenza tgħaddi bejn il-bodybuilding, il-weightlifting u l-powerlifting?

Il-bodybuilding huwa esibizzjoni tal-apparenza tal-ġisem biss, waqt li l-weightlifting u l-powerlifting huma sports fejn l-għan tal-atleti huwa li jerfgħu ċertu piż b’ċertu mod biex jakkwistaw punteġġ u b’hekk isseħħ il-kompetizzjoni tagħhom. Issa, bejn il-weightlifting u l-powerlifting, id-differenza hija dik li fil-powerlifting il-lifts li jiġu eżaminati huma l-bench press, deadlift u  l-isquat, waqt li fil-weightlifting, il-lifts huma clean and jerk u l-isnatch.

Għaliex il-bodybuilding mhux sport olimpiku?

Hemm ħafna raġunijiet varji għala le. Waħda mill-iktar raġunijiet validi hija li l-bodybuilding ġieli ma jiġix meqjus bħala sport iżda bħala esibizzjoni jew bħala spettaklu. Dan huwa wkoll kawża tal-ħafna kontroversji u konnatazzjonijiet ma’ testijiet tad-doping u sustanzi. Il-Kumitat Internazzjonali tal-Olimpjadi isibha diffiċli biex jaċċetta l-bodybuilding bħala sport olimpiku. IFBB, li hija l-għaqda internazzjonali, ilha snin tipprova tikkonvinċi lill-IOC, però s’issa l-bodybuilding għadu mhux sport olimpiku.

Bodybuilders Maltin jieħdu sehem regolarment f’kompetizzjonijiet importanti tal-bodybuilding madwar id-dinja?

Iva, ħafna nies ma jkunux konxji ta’ dawn l-atleti, minħabba forsi n-nuqqas ta’ attenzjoni mill- media, imma ta’ spiss bodybuilders jieħdu sehem barra minn xtutna u ġeneralment ma jmorrux ħażin lanqas. Is-sena l-oħra kopja Maltija rebħet it-titlu mondjali tal-mixed pairs. Qed nirreferi għal Blanche Coppola u Ralph Decelis. Forsi l-kelma mhix regolari, iżda tista’ tgħid li kull sena jikkompetu bosta atleti barra minn pajjiżna fil-qasam tal-bodybuilding.

Issibu għajnuna finanzjarja mill-Kunsill Malti għall-Isport u mill-Kumitat Olimpiku Malti?

Le, s’issa l-ebda atleta ma rċieva għajnuna minn xi entità tal-Gvern. Forsi ’l quddiem tinbidel din il-ħaġa.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-President ta’ IFBB Malta, Ralph Decelis?

Ir-relazzjoni tiegħi mal-President, Ralph Decelis, hija waħda professjonali għall-aħħar. Bħala bodybuilder ta’ suċċess kbir, Ralph iservi ta’ għajnuna u appoġġ, kif ukoll ta’ gwida mhux biss lili, iżda wkoll lill-membri kolla tal-Malta Federation for Bodybuilding and Fitness, MFBBF.

X’tikkummenta fuq IFBB Malta b’mod ġenerali u l-għajnuna kollha li din l-assoċjazzjoni ttikom b’diversi modi?

L-MFBBF jew IFBB Malta tgħin lill-atleti kemm finanzjarjament meta niġu għal xi kompetizzjoni barra minn xtutna kif ukoll biex tirreġistra u tinforma l-atleti bil-kompetizzjonijiet li jkunu se jsiru barra minn Malta. L-Għaqda tieħu ħsieb sew tal-membri kollha.

Ninsab konxju mill-fatt li l-isport tagħkom jinvolvi bosta spejjeż. Huwa minnu dan?

Iva, l-ikel bħall-ħut, il-laħam u t-tiġieġ, huma għoljin ħafna meta jiġu kkunsmati b’ammonti kbar. Anke ċertu supplimenti li nieħdu waqt it-taħriġ huma għoljin ukoll, u barra minn hekk hemm spejjeż ukoll relatati ma’ vitamini u sustanzi li jgħinu fit-trobbija u t-tkabbir naturali taċ-ċelloli ta’ ġewwa l-muskoli.

Konxju wkoll mill-fatt li l-isport tagħkom jinvolvi dieta partikolari. Int kif tqassam id-dieta tiegħek? 

Id-dieta tiegħi hija waħda varjata u moderata. Kemm jista’ jkun nipprova niekol ħafna protejini minn sorsi bnini bħas-salamun u laħam aħmar. Kemm jista’ jkun niekol ukoll ħafna ħaxix aħdar ma’ kull ikla biex kemm jista’ jkun inżomm bilanċ ta’ nutrijenti. Inqassam il-ġurnata b’tali mod li niekol 6 jew 7 ikliet moderati kuljum.

X’sagrifiċċji u impennji partikolari jirrikjedi l-isport li int tipprattika?

Iktar minn sagrifiċċji jiena nħobb nikkummenta dwar impennji, għax id-dieta u t-tbatija nagħmilha għax irrid jien, u ħadd mhu qed jisfurzani. Għal din ir-raġuni, jiena ma nħossnix li nagħmel sagrifiċċji, iżda nagħmel li hemm bżonn biex nakkwista jew nasal fejn nixtieq. L-iktar impennji iebsin li hemm fl-isport huma n-nuqqas ta’ ħajja soċjali u n-nuqqas ta’ ħin liberu speċjalment qrib tal-kompetizzjoni, fejn inqatta’ ħafna u ħafna ħin ġewwa l-gym.

Kif tipprepara ruħek kemm fiżikament kif ukoll mentalment qabel kompetizzjonijiet tal-bodybuilding importanti u mhux biss?

Importanti ħafna għaliex ovvjament f’dan l-isport tingħata ħafna importanza fuq il-ġisem, allura trid tkun f’saħħtek u lest fiżikament. Mentalment importanti li żżomm ruħek aljenat u kalm għaliex il-ħruxija tad-dieta stretta speċjalment fil-każ tiegħi fejn nagħmel l-aħħar xahrejn niekol ħut biss tista’ taffetwa ħafna l-moħħ b’mod ħażin. L-aħħar ftit xhur huma essenzjali u preparament mgħaġġel u sfukat jaf iħassar dak ix-xogħol u t-taħriġ kollu li jkun sar minn qabel.

Il-bodybuilding kif jgħin lill-atleta li jkun qed jipprattikkah kemm mentalment kif ukoll psikologikament? Ċert li dan l-isport jgħollilek l-istima personali tiegħek kif ukoll il-kunfidenza fik innifsek.

Is-sabiħ tal-isport tal-bodybuilding hu li jagħti ħafna lok għal dixxiplina, u għall-individwu biex ikun ferm dedikat u ffukat biex jilħaq għan. Fiżikament, il-bodybuilding jista’ jsebbaħ il-ġisem però, meta jkun hemm għaġla u nuqqas ta’ paċenzja, jista’ jikkawża ħafna ħsara rriversibbli.

Il-kompetizzjomijiet tagħkom kif jintrebħu? Naf li jkun hemm ġurija li tiġġudika r-rebħ ta’ dawn il-kompetizzjonijiet. Fuqiex tgħaddi l-ġudizzji tagħha?

Il-ġurija tagħti l-pożizzjoni li taħseb li jkun ħaqqu kull atleta. Allura min jispiċċa bl-aktar punti jkun ir-rebbieħ. Il-kriterji jinbidlu skont il-kategoriji, imma ġeneralment il-ġurija tmur għall-kriterju li l-atleti jkollhom proporzjoni, simetrija u preżentazzjoni sabiħa u kunfidenti. Fil-bodybuilding tiġi ppremjata ħafna l-kundizzjoni tal-ġilda, li tkun irqiqa u xotta. Mentri fi klassijiet oħra, l-panel tħares lejn ġisem moderat u b’dehra aktar mlaħħma.

Naf ukoll li qabel il-kompetizzjonijiet ma tieklu u tixorbu kważi xejn fejn kważi tiġu diżidratati. Huwa minnu dan?

Fl-aħħar jumejn iva, jkun hemm bidla kbira fil-ġisem, hekk kif il-konsum tal-ilma jonqos ferm u dan iħalli lok għall-ġilda li tirqaq u tneħħi l-ilma ta’ taħtha. Fl-aħħar sigħat qabel l-esibizzjoni ma nixorbux, iżda nxarrbu biss xuftejna ħalli nibqgħu friski kemm jista’ jkun. Personalment, l-ikel ma tantx jaffetwana għax nibqgħu nnaqru xi ħaġa sal-aħħar.

Hemm biżżejjed konkorrenza minn peresuni żgħażagħ għal dan l-isport?

Naħseb li l-interess żdied u iva, naħseb li hemm interess sostanzjali min-naħa taż-żgħażagħ Maltin.

Kif tqabbel ir-riżorsi li fihom jitħarrġu f’Malta meta mqabbla ma’ dawk li nsibu barra minn Malta?

Bħala faċilitajiet m’hemm l-ebda diskrepanzi, però, fejn jidħlu finanzi u għajnuna minn entitajiet sportivi kif ukoll tal-Gvern, hemm differenza kbira. F’pajjiżi barranin, speċjalment dawk tal-Lvant tal-Ewropa, il-bodybuilding huwa stmat ferm u l-atleti jingħataw ħafna u ħafna inċentivi u għajnuna. Sfortunatament dan hu ineżistenti f’Malta.

It-taħriġ tagħkom fhiex jikkonsisti u jagħmel differenza t-taħriġ tal-irġiel meta kkumpartat ma’ dak tan-nisa fil-bodybuilding?

It-taħrig medju tagħna jikkonsisti fuq sezzjonijiet ta’ madwar siegħa ġewwa gym, darba, darbtejn jew anki tlieta jew erba’ darbiet kuljum! Dan ma tantx ivarja mit-taħriġ li jagħmlu n-nisa. Tista’ tgħid, li t-taħriġ huwa l-istess għall-mara u għar-raġel.

Il-media f’pajjiżna ttikom biżżejjed prominenza u pubbliċità?

Naħseb li kulħadd iħoss li f’Malta ma tantx huwa stmat il-bodybuilding u allura ma tantx jingħata importanza fil-media. Forsi, bis-saħħa tar-riżultati li qed nakkwistaw dan l-aħħar, il- bodybuilding jaf jieħu spinta kbira fejn għandha x’taqsam il-prominenza. Kif qegħdin fuq is-suġġett, inħoss li għandi nirringrazzjak talli bis-saħħa ta’ din l-intervista qed twassal messaġġi pożittivi rigward kemm l-Għaqda tal-MFBBF, kif ukoll il-bodybuilding in ġenerali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala bodybuilder?

Jiena għandi 22 sena. Però, ma nħossnix ta’ dik l-età, kemm kif nitkellem, kif ukoll kif naħseb u forsi anki kif nidher. Però, importanti li wieħed jifhem li l-karriera ta’ bodybuilder ġeneralment tilħaq il-quċċata tagħha meta l-individwu jkun qrib l-40 sena. Allura, inħares lejn il-futur fit-tul ħafna u ma rridx ngħaġġel kemm f’kompetizzjonijiet u lanqas fl-għanijiet tiegħi. Bħalissa, Malta qiegħda fil-quċċata tal-Ewropa fejn jidħol Junior Bodybuilding - ninstabu fuq nett. Minn hawn irridu naraw kif se nkomplu niżvolgu l-karriera tagħna fuq pass sostenibbli. Nitkellem u ngħid “aħna” flok “jien”, għax barra minn xtutna jiena m’inix Luke Debono biss, iżda qed inġorr il- bandiera Maltija.

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti partikolari għal dawn is-suċċessi enormi li rnexxielek tikseb s’issa, u speċjalment meta wieħed iqis il-fatt li għad għandek biss 22 sena?

Ovvjament, nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ġenwinament xtaquli l-ġid u lill-familja tiegħi tal-paċenzja enormi li jieħdu bija. Nirringrazzja wkoll lil dawk li għenuni u nfurmawni sabiex nipprepara ruħi bl-aħjar mod possibli, kemm għal Mr Malta kif ukoll għal Mr Europe.

Għaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ speċjalment ġuvintur li bħalek qegħdin jaħsbu jew jitħajru biex jagħmlu karriera fil-bodybuilding.

Jekk ma tippruvax oġġett qatt m’int se tkun taf x’jiġifieri it-taħriġ fiżiku. Però, nixtieq inwissi wkoll b’mod pożittiv lil dawk li qegħdin jaħdmu b’għan ġewwa moħħhom li jsiru bodybuilders, li hemm bżonn ta’ paċenzja kbira. Il-fiżjologijja tal-bniedem iddum snin twal biex taddatta għat-taħriġ. Ma tistax torqod kif int issa u tqum champion l-għada! Moderazjoni u varjetà flimkien ma’ konsistenza u dixxiplina għandhom ikunu ingredjenti preżenti f’kull atleta.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.