Terremot qawwi fil-FIFA iżda Blatter jibqa’ jirbaħ... għaliex?

Staff Reporter / 1 ta' Ġunju 2015 08:36
Sepp Blatter jifraħ wara li ġie kkonfermat fit-tmun tal-FIFA bħala President għall-ħames darba konsekuttiva
Jekk kien hemm aħbar li ddominat ix-xena tal-aħbarijiiet sportivi u mhux biss, matul l-aħħar jiem, m’hemmx dubbju li din kienet l-aħbar relatata mal-każ ta’ tixħim u korruzzjoni minn seba’ uffiċjali għolja tal-FIFA. Dan wasal jumejn biss qabel l-elezzjoni tal-FIFA bejn iż-żewġ kandidati ewlenin, Sepp Blatter u l-Prinċep Ali tal-Ġordan.

Kien hemm min kien tal-opinjoni li għalkemm Blatter ma kienx interrogat u arrestat mill-FBI, bħal sħabu l-uffiċjali għolja tal-FIFA, huwa xorta waħda kellu jirriżenja mill-kariga tiegħu ta’ president ta’ din l-aktar istituzzjoni għolja li tiggverna l-futbol dinji, u ma jikkontestax l-elezzjoni ta’ nhar il-Ġimgħa.

Kien hemm oħrajn li bdew ixommu rebħa għall-Prinċep Ali tal-Ġordan, iżda dawn kollha marru mqarrqa hekk kif nhar il-Ġimgħa, Blatter reġa’ ta risposta lil kulħadd billi ġab il-maġġoranza tal-voti mill-presidenti li jirrapreżentaw l-assoċjazzjonijiet tal-futbol madwar id-dinja kollha, fosthom  dak Malti, Norman Darmanin Demajo.

Blatter li llum jgħodd id-79 sena kiseb 133 vot, waqt li l-Prinċep Ali ġab 73 vot li jista’ jitqies bħala riżultat pożittiv għall-Prinċep mill-Ġordan li iżda ma kienx bizzejjed biex ikun hemm President ġdid għall-FIFA. B’hekk Blatter se jkun qed iservi erba’ snin oħra fit-tmun tal-FIFA li se jkun il-ħames terminu tiegħu bħala President ta’ dan l-assoċjazzjoni mondjali. 

Dan ir-riżultat xejn ma kien milqugħ tajjeb mill-President tal-UEFA, Michel Platini, li qed isostni li saħansitra jista’ jirtira lill-UEFA milli tkun membru affiljat fil-FIFA. Kawża ta’ dan l-iskandlu li laqat lill-FIFA tul l-aħħar jiem, diversi sponsors ta’ fama mondajli qed jheddu li jirtiraw is-sostenn finanzjarju tagħhom, minħabba r-raġuni ovvja li isem id-ditta tagħhom jista’ jitpoġġa f’dawl ikrah minħabba li jkun qed jagħti appoġġ lill-assoċjazzjoni li ġiet milquta b’mod drastiku mill-korruzzjoni. 

Fost is-sigrieti tas-suċċess ta’ Blatter, ma nistgħux ma nsemmux il-fatt li huwa żviluppa l-futbol dinji tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, waqt li ta għajnuna finanzjarja konsiderevoli biex jiġu mnedija proġetti marbutin mal-futbol, waqt li għamel il-kunċett tal-futbol iktar internazzjonali.

Fl-aħħar snin huwa uża tattika unika li jpattiha lil dawk li jeħduha kontrih jew li ma jaqbilx miegħu waqt li jinjora lil min jappoġġjah u jħallih fil-poter. Huwa jista’ jitqies bħala ġenju internazzjonali fil-qasam tal-futbol dinji u li għandu l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tal-assoċjazzjonijiet tal-futbol ġejjn mill-kontinenti kbar tal-Afrika u tal-Asja. 

Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-kontinent Ewropew li ma tantx wera sostenn u appoġġ lil Blatter, speċjalment wara dan l-iskandlu li ħasad lid-dinja kollha tul dawn l-aħħar jiem.

Fost l-assoċjazzjonijiet tal-futbol li m’appoġġjawx lil Blatter iżda taw il-vot tagħhom lill-Prinċep Ali tal-Ġordan, insibu lil dik Maltija mmexxija minn Norman Darmanin Demajo, u dik Taljana mmexxija minn Carlo Tavecchio. 

Intant, wara l-kontroversja li nqalgħet rigward il-pajjiżi li se jkunu qed jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022 jiġifieri r-Russja u l-Qatar rispettivament, Blatter xorta waħda tenna li t-Tazza tad-Dinja se tkun qed isseħħ f’dawn iż-żewġ pajjiżi, kif skedat u pprogrammat. 

Jidher li ħadd u xejn ma’ jista’ jwaqqaf lil Blatter - l-ebda skandlu, l-ebda kontroversja u l-ebda ħaġa oħra! Nistennew u naraw x’se jkun il-futur tal-UEFA, speċjalment wara l-inkwiet li nqala’ fl-aħħar jiem. Nittamaw li dan ikun wieħed pożittiv għall-akbar ġid tal-futbol dinji!