L-Omm li tatna isimha! Mhux biss vers mill-Innu Malti, imma wkoll kollezzjoni tal-ħwejje

L-ILLUM ltaqgħet mal-moħħ wara l-kollezzjoni, Ritienne Zammit 

Christa Boffa / 24 ta' Mejju 2015 17:38
Kif dħalt fid-dinja tad-diżinjar tal-ħwejjeġ?

Il-kreattività kien suġġett li dejjem kont nieħu gost nesperimenta bih. Studjajt il-qasam tad-diżinn u l-arti - biss dejjem kelli il-ħtieġa biex niffoka fuq il-moda. Bdejt nesperimenta bil-materjali biex dejjem nipprova noħloq xi ġa differenti mis-soltu.


Taħseb li persuna tista' tgħix minn hekk biss?

Forsi jista’ ikun daqsxejn diffiċli biex tgħix minn qasam tal-moda biss, speċjalment sakemm tkun għadek qed tiżviluppa u anke jekk ikollok still li ikun daqsxejn differenti min-norma. Biss nemmen li industrija tal-moda qeda tikber ħafna u b’mod aktar veloċi.

Fl-aħħar kollezzjoni tiegħek rajna inspirazzjoni minn poeżiji u tradizzjoni letterarja Maltija - kif bdiet din l-idea?

L-idea ghal din il-kollezzjoni L-Omm li tatna isimha! bdiet billi bdejt inħares u nosserva il-bidla li qed issir u nuqqas ta’ apprezzament lejn l-identità u lingwa tagħna. B’din il-kollezzjoni ridt infakkar lil dawk il-persuni li ħadmu favur l-Indipendenza u li dejjem apprezzaw u iġġieldu favur art tweliedhom.

 


Xi tfisser il-kultura u t-tradizzjoni Maltija għalik?

Il-kultura u tradizzjoni huma dawk iż-żewġ suġġetti li jagħmluna differenti minn popli oħra.

Fhiex issib l-inspirazzjoni għall-kollezzjonijiet?

Nista’ ngħid li għalija l-inspirazzjoni tista’ tiġi minn kollox. Inħobb li nidħol fil-fond tas-suġġett biex b’hekk inkun nista nesprimih b’mod differenti.
 


Taħseb li permezz ta' mezzi aktar "cool" bħalma hija l-moda, tista' titwassal il-kultura Maltija lil udjenza li forsi ma tkunx taf biha? B'mod partikolari żgħażagħ?

Iva, nemmen li il-qasam tal-moda jista’ ikun mezz ta’ media. Jien għalija il-moda qeda hemm mhux biex sempliċi twassal l-istil, imma ukoll biex twassal messaġġ u espressjoni. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa jinspiraw u anke jinfluwenzaw ruħhom minn din l-industrija. Allura tista’ tkun mezz tajjeb kif twassal taghlim lejn din il-ġenerazzjoni.


Il-ħwejjeġ għalik personali xi jfissru?

Il-ħwejjeġ huma il-mera tal-individwu, kif diġà spjegajt qabel jistgħu jkunu ukoll l-espressjoni. Illum hawn ħafna individwi li jfittxu stili diffirenti biex jidhru jispikaw min-norma.


Taħseb li l-industrija tal-moda hawn Malta fadliliha x'taqdef? Kif?

Jien nemmen li dawn l-aħħar snin għamilna qabża kbira. Hawn ħafna aktar apprezzament u investiment lejn din l-industrija. Il-poplu Malti qed juri aktar interess anke lejn il-prodott lokali.


Kif tħoss li dak li tiddiżinja jirrifletti lilek innifsek?

Bħall-arti, il-moda hija espressjoni tal- individwu.


X'inhu l-proċess involut meta tibda kollezzjoni ġdida - mit-tpenġija sal-prodott finali?

Il-proċess jibda b’ricerka fuq il-kunċett u l-inspirazzjoni. Wara jibdew jintagħżlu l-materjali u il-kulur. Imbagħad ikun imiss li jibda il-proċess tad-diżinji u wara il-kompożizzjoni u manifattura. Wara jsir it-tiġrib u joħroġ il-prodott finali. Wara dan kollu jibda wkoll il-proċess tal-preżentazzjoni.


Hemm xi pjanijiet għall-futur?

Xejn partikolari. Nixtieq li nkompli nesperimenta f’dan il-qasam u nwassal l-espressjoni u l-arti.