Aħbar li għadha kif waslitilna: Jinstab iż-żejt f'Malta!

...jew għallinqas fi produzzjoni teatrali
 

Staff Reporter / 22 t'April 2015 16:12
Ninsabu fl-2036. Joseph Muscat għadu Prim Ministru b’maġġoranza sproporzjonata tal-elettorat li ssegwih. Huwa proprju minħabba din id-devozzjoni - tant li hemm fazzjoni lesta tiddikjarah bħala l-ewwel Re ta' Malta - li ma jistax jirriżenja u jirtira.

Iżda f’daqqa waħda toħroġ l-aħbar li Malta saret sinjura, ħafna aktar sinjura milli qatt wieħed jista’ jimmaġina. Sibna ż-Żejt! Eżatt taħt iċ-Ċimiterju tal-Addolorata! Kif se jirreaġixxi Muscat? U x’se jagħmlu l-Oppożizzjoni, il-Kurja, in-negozjanti, iċ-Ċiniżi u l-Unjoni tal-Ewrasja?

Sibna ż-Żejt hija kummiedja satirika ferrieħa iżda qawwija miktuba minn Wayne Flask, wieħed mill-awturi satiriċi ewlenin ta’ pajjiżna. “Nista’ ngħid li s-satira hija pjuttost niggieża", jgħid id-direttur Sean Buhagiar, li jirritorna bħala direttur wara li s-sena l-oħra dderieġa s-suċċess kbir Jiena Nħobb, Inti Tħobb. “Wayne ma tantx jaħfer, u bis-saħħa t’hekk Sibna ż-Żejt huwa xogħol satiriku li ma jibżax jikkritika b’mod intelliġenti lil kull min hu involut fil-qasam politiku Malti, u lilhinn.”

SIBNA Ż-ŻEJT tmur lilhinn mill-kummiedja lokali tas-soltu. Matul is-serata ser naraw qtil, ħtif ta’ persuni, kumplotti u aktar. F’din id-dinja futuristika t-teknoloġija tippermetti lil Joseph Muscat ikellem lill-konsulent ewlieni tiegħu li m’għadux magħna - il-Perit Mintoff!

Sibna ż-Żejt iżżomm l-ismijiet reali tal-karattri li jgħaddu mill-morsa satirika tal-attur. “M’għandix dubju li se tkun ta’ intratteniment kbir għall-udjenza, filwaqt li hemm ġbid mhux daqshekk sottili ta’ widnejn il-politiċi", jgħid Mario Philip Azzopardi, il-produttur ta' STM. “Din il-produzzjoni - id-disa’ waħda tagħna - hija differenti grazzi għall-kitba ta’ Wayne Flask. Sibna ż-Żejt hija farsa intelliġenti dwar il-politika Maltija, li se tqanqal lill-udjenza sabiex tara lill-klassi politika u x-xenati eżasperanti tagħha minn lat umoristiku.

Din mhix xi ħaġa ġdida għal STM, li tippreżenta produzzjonijiet teatrali oriġinali ġodda, awdaċi, u kultant kontroversjali dwar il-ħajja Maltija. Meta wieħed iqis is-suċċess li kellhom dawn il-produzzjonijiet ta’ STM, Sibna ż-Żejt tipprometti li tkun produzzjoni li se tibqa’ mfakkra.

Sibna ż-Żejt ser tittella’ fit-Teatru Manoel għal tmien preżentazzjonijiet, li jinkludu l-Matinee tal-Ħadd. Il-kast hu magħmul minn uħud mill-aqwa talenti tal-kummiedja tagħna fosthom Mario Micallef, Simon Curmi, Ronald Briffa, JP Busuttil, Manuel Cassar, Gilbert Formosa, Clive Piscopo, Luke Dalli, Alan Fenech, Frank Tanti, Triccas, Antonella Axisa u r-ritorn fil-Manoel ta’ Peter Busuttil.

Kast kbir b’direzzjoni enerġetika u kitba divertenti: titilfuhiex! It-tieni produzzjoni ta' STAĠUN TEATRU MALTI għal dan l-istaġun ser tittella’ fil-Manoel fil-15, 16, 17, 21, 22, 23 u 24 ta’ Mejju.

Tista’ tikseb biljett minn issa stess mill-uffiċċju tal-prenotazzjonijiet tal-Manoel jew onlajn fuq http://www.teatrumanoel.com.mt.

 jew onlajn fuq http://www.teatrumanoel.com.mt