Id-dinja hija ktieb u dawk li ma jsiefrux ikunu qraw paġna waħda biss

Intervista ma' Valerie Vella

Christa Boffa / 19 t'April 2015 18:08
 
  1. Valerie bħala preżentatriċi. Kif bdejt il-ħajja tiegħek fuq il-mezzi tax-xandir? 


Nista’ ngħid b’kumbinazzjoni, imma fl-istess ħin ħolma li bilkemm naf kif saret realtà. Kien hemm sejha mix-xandir għall-‘continuity announcers’ u peress li kont nippreżenta xi serati fl-Oratorju tal-MSSP B’Kara, fettilli napplika.  Kien hemm madwar 75 applikant u kont jien li ntgħazilt, fejn kont l-iżgħar waħda.  Għalhekk bdejt il-karriera bħala announcer ta’ 18-il sena u ftit wara avviċinani Alfie Fabri biex nippreżenta dak li kellu jkun l-ewwel programm tiegħi.  Kien il-proramm muzikali ‘Ġenn’.  Minn dakinhar ’l hawn għaddew 20 sena.
  1. Forsi xi ħaġa li mhux wisq nies jafu hija li tħobb issiefer - liema hi l-aktar destinazzjoni favorita tiegħek? Għaliex?


Id-dinja sabiha wisq.  Kull post fih il-faxxinu tiegħu.  Veru diffiċli nagħżel.  Żgur li t-Tajlandja tibqa’ fil-quċċata tal-lista - forsi wkoll għax kienet l-ewwel darba li jiena ħriġt barra mill-Ewropa.  Fiha ftit minn kollox.  Mat-Tajlandja inżid ukoll il-Bhutan, pajjiż imbiegħed, b’xenarju mill-isbaħ u li qisu iffriża ruħu fiż-żmien u l-Iran, li huwa eżempju ta’ pajjiż li ftit huma dawk li jimmaġinaw li qatt iżuru.  Fil-fatt hu pajjiż sabiħ immens mimli kultura u nies simpatiċi u ta’ qalbhom tajba. Il-mawra tiegħi fl-Iran urietni biċ-ċar kif l-ivvjaggar spiss ikisser il-perċezzjoni qarrieqa u żbaljata li il-mezzi tax-xandir tpingi bih lil ċerti pajjizi u kultura.  Ma nistax inħalli barra il-lukanda tas-silġ fit-Tramuntana tal-Iżvezja li hija meravilja.
  1. Kif taħseb li s-safar jista' jservi ta' mezz ta' tagħlim fil-ħajja ta' dak li jkun?


Santu Wistin kien qal “Id-dinja hija ktieb u dawk li ma jsiefrux ikunu qraw paġna waħda biss”. Naħseb li s-safar huwa l-akbar u l-aktar għalliem effettiv.  Jiftaħlek orizzonti ġodda, jimmaturak,jagħmlek aktar tolleranti u jgħinek tapprezza dak li għandek u dak li m’għandekx
  1. Hemm xi post li tixtieq tmur fil-futur?


Hemm wisq postijiet li għad irrid immur!  Il-Brażil, Il-Gwatemala, Il-Ġordan, l-Iżlanda, l-Awstralja, iċ-Ċile, l-Argentina, insomma nista’ nibqa’ għaddejja...nixtieq indur id-dinja.
  1.  X'kienet dik il-ħaġa li dejjem xtaqt tagħmel f'ħajtek? Irnexxielek? 


Inħossni ffortunata li għext ħajja mimlija ħafna.  Meta nixtieq xi ħaġa, normalment, nipprova nwettaqha għax nemmen li l-ħajja hi qasira wisq u għandi ngħix kull mument mill-aħjar li nista’. Fadal xewqa - dejjem xtaqt insir tabiba. Min jaf?  Forsi xi darba insib il-kuraġġ u l-opportunità li nagħmel dan il-pass ukoll.
  1. X'inhi dik il-ħaġa li dejjem tferħek, minkejja dak kollu li jista' jkun ġralek?


Il-familja tiegħi.
  1. Li kieku kellek tbiddel xi ħaġa f'ħajtek xi tkun?


Ma nafx għax li kieku kelli nbiddel xi ħaġa, żgur ma nkunx il-persuna li jien illum.
  1. Esperjenza li biddlitlek ħajtek?


Naħseb li ngħixu ħafna esperjenzi li b’xi mod jew ieħor ibiddlulna ħajjitna.  Però, naħseb li l-aktar esperjenzi sempliċi imma profondi għixthom fil-volontarjat - meta ragel xiħ fuq is-sodda tal-mewt fid-dar tal-morda ta’ Madre Tereza f’Kulkatta, qabadli idejja u qgħad isaħħanhieli għax ħass li kelli idejja kesħin; meta waqt li kont qed naħdem ma’ grupp voluntiera fil-Perù, xtrajna sodda lil familja fqira.  Tgħidx kemm qabzu fuqha t-tfal li qabel kienu jorqdu 6 fuq sodda tal-wieħed.  Dawn kienu esperjenzi sempliċi imma profondi.
  1. Għamilt xi żmien ukoll tgħallem il-bijoloġija. X'jolqtok l-aktar mill-ħajja t'għalliema? 


Li tgħallem hija vokazzjoni.  Tgħallem u titgħallem ukoll.  Il-kuntatt uman mal-istudenti sabiħ wisq u l-aktar ħaġa li kienet tolqotni hi li għal ħafna studenti l-għalliem ikun ukoll mudell għal ħajjithom u din il-ħaġa nahseb li tpoġġi responsabilità kbira fuq l-għalliema kollha.
  1. L-iskola u l-ħajja - liem taħseb li jgħallmuk l-aktar? 


L-iskola tippreparak u ttik l-għodda għall-ħajja, imma nahseb li l-ħajja hi l-akbar skola. 
  1. Valerie, Malta u l-Malti. Xi jfissru għalik? 


Kburija hafna bil-lingwa tagħna u nipprova nitkellimha b’mod safi kemm jista’ jkun speċjalment waqt il-qadi ta’ dmirijieti fuq ix-xandir. Il-fatt li dan il-pajjiz tant zgħir, għandu lingwa daqshekk unika u mnissla minn storja tant interessanti togħġobni wisq.  Kemm nixtieq li kelli ċ-ċans nitkellem aktar man-nanniet tiegħi u nitgħallem mingħandhom kliem li daż-żmien qed jitilef. Malta hija dejjem tibqa’ dari - nivvjagga kemm nivvjaga ,u ngħix għal peridoji fejn ngħix. Nemmen li Malta se tkun dejjem il-bażi tiegħi.
  1. Jekk jiftdallek xi ħin liberu - kif tagħżel li tqattgħu? 


Man-neputijiet,naqra jew nivvjagga
  1. Għandek xi pjanijiet għall-futur? 


Naħseb li diffiċli tippjana fil-tul għax il-ħajja toffri ħafna opportunitajiet li qatt ma tkun ħlomt possibli. Carpe diem!