Grawnds vojta fl-Italja u anki f’Malta – x’qed jiġri?

Cristian Muscat / 20 t'April 2015 12:47
Dehra tal-istadium ta’ San Siro ftit tal-ġimgħat ilu - simbolu tal-kriżi tal-attendenzi fid-diversi stadia fl-Italja
F’dawn l-aħħar snin rajna nuqqas radikali fl-attendenzi ta’ partitarji fil-grawnds f’pajjiżi kbar fejn il-futbol huwa tant popolari u fejn saħansitra jitqies bħala reliġjon bħal mhu l-Italja. 

Iżda anki f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin osservajna li l-attendenzi fl-istadia fosthom fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali naqqsu drastikament. Jekk nieħdu l-eżempju ta’ pajjiżna meta wieħed jitkellem malajr jinduna li fis-snin mhux daqshekk imbiegħda l-Empire Stadium fil-Gżira u anki l-istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali speċjalment waqt logħbiet li fihom ikun involut it-tim nazzjonali kien ikun mifqugħ bin-nies bl-attendenzi jammontaw għal eluf kbar. Iżda jekk wieħed jara l-attendenzi fil-Kampjonat BOV Premier illum malajr jinduna li l-problema tal-attendenza ta’ partitarji għal-logħbiet tal-futbol hija waħda allarmanti. 

U dan hekk kif l-ogħla attendenza f’logħba ferm importanti tkun ta’ ftit iktar minn 1,000 ruħ. Ma nistgħux ma nsemmux il-fatt kif fid-decider storiku ta’ Mejju tal-2013 bejn Birkirkara u Hibernians li kien decider storiku hekk kif kien ilu ma jintlagħab decider f’pajjiżna għal madwar 40 sena sħaħ, l-attendenza kienet tlaħħaq ftit iktar minn 10,000 ruħ. Bosta jsemmu li l-fatt li l-futbol Malti jintlagħab fl-istess ħin ta’ kampjonati Ewropej tal-ogħla livell u ferm segwiti mill-pubbliku Malti bħal mhuma dak Ingliż u Taljan jista’ jkun fattur ewlieni għall-attendenzi foqra fl-istadia Maltin iżda din tista’ tkun biss skuża. Dan għaliex oħrajn huma tal-opinjoni li l-livell tal-futbol Malti f’dawn l-aħħar snin meta kkumparat mas-snin l-imgħoddija naqas mil-livell u m’għadux jipproduċi plejers ta’ livell għoli bħalma kien jagħmel fis-snin l-imgħoddija. 

Oħrajn ma jaqblux ma’ dan il-punt hekk kif per eżempju bl-introduzzjoni ta’ ħames plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier fil-bidu tal-istaġun 2013/14, il-livell għola u mhux bi ftit, hekk kif plejers Maltin iridu jiġġieldu qatigħ biex jirbħu posthom mal-ewwel 11 tat-tim li miegħu jilagħbu. Li huwa żgur hu li l-MFA mmexxija tant tajjeb mid-duo ħabrieki Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo qed tagħmel minn kollox biex tgħolli l-livell u l-istandards tal-futbol Malti li mbagħad ikun rifless f’attendenzi ogħla fl-istadia tagħna.

Dan hekk kif taħt it-tmexxija ta’ Norman Darmanin Demajo rajna bosta stadia ġodda b’turf naturali jew artifiċjali jinfetħu f’bosta rħula Maltin fejn biżżejjed wieħed ikun fuq ajruplan u taħtu jara xena ta’ pajjiżna miksi b’ħafna stadia bil-ħaxix. Dan hekk kif fil-ħsieb tat-tmexxija tal-MFA hemm l-importanza tal-klabbs bl-għajta ta’ Darmanin Demajo tkun dik ta’ “Klabbs, klabbs, klabbs!” 

Il-fatt li l-attendenzi f’pajjiżna huma kif inhuma, żgur li ma jgħinx finanzjarjament lill-klabbs Maltin f’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul li dawn ikollhom mill-‘gate money’ wara kull logħba fejn tajjeb ngħidu li l-klabbs Maltin jaqsmu d-dħul finanzjarju kollu ma’ xulxin – xi ħaġa li mhux kulħadd jaqbel magħha hekk kif per eżempju timijiet kbar bħal Valletta li lkoll nafu kemm itellgħu partitarji l-grawnd ikollhom jaqsmu d-dħul finanzjarju ma’ timijiet oħra li ma jtellgħux daqshekk ammont kbir ta’ partitarji.  Din il-problema ma tinħassx biss f’pajjiżna iżda anki fl-Italja fejn ukoll f’dawn l-aħħar snin drajna l-fatt li naraw stadia vojta. Fattur għal dan jista’ jkun l-inkwiet ekonomiku li kkaratterizza lil dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar snin., iżda mhux biss. Wieħed jistaqsi jekk il-problema kbira tal-korruzzjoni li bil-mod il-mod qed tifni l-futbol mondjali hux qed tnaqqas mill-kredibbilità tal-futbol in ġenerali. U anki l-fatt li ħafna logħob jiġu mxandra b’mod dirett fuq it-televixin jista’ jkun li mhux qed iħeġġeġ daqstant lin-nies biex iħallu djarhom u jsegwu l-logħob fl-istadia. Però jekk nieħdu l-eżempju ta’ pajjiżna jidher li hekk kif il-logħob bdew ikunu mxandra fuq it-televixin b’mod dirett ftit tas-snin ilu, dan m’affettwax fin-negattiv lill-attendenzi tal-futbol Malti. 

Nerġgħu mmorru għall-pajjiż ġar tagħna, l-Italja fejn bosta stadia huma antiki b’ħafna minnhom fosthom l-Istadio Olimpico ta’ Ruma jinbnew apposta għat-Tazza tad-Dinja tal-1990 jiġifieri xejn inqas minn 24 sena ilu. Fl-aħħar 19-il sena fl-Italja nbnew biss tliet stadia ġodda – b’dawn ikunu l-Istadio Giglio fir-Reggio Emiglia fl-1995, Stadio San Filippo f’Messina fi Sqallija fl-2004 u l-Juventus Stadium f’Settembru 2011. Dan b’kuntrast ma’ pajjiżi kbar bħal mhuma l-Ġermanja u Spanja fejn fil-Ġermanja, mill-1990 ‘l hawn infetħu 12-il grawnd ġdid b’erbgħa minnhom fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, waqt li fi Spanja f’dawn l-aħħar għaxar snin nfetħu għaxar grawnds ġodda.

Intant, fl-Italja, l-attendenza totali tul il-kampjonat kollu tkun ta’ madwar 9,483,660 fil-Ġermanja tlaħħaq it-12,790,000 waqt li fl-Ingilterra kien hemm snin meta l-attendenza totali matul is-sena, ġieli telgħet sa 13,527,703.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.