Lewis Hamilton jikseb it-tielet pole konsekuttiva fiċ-Ċina

Cristian Muscat / 20 t'April 2015 12:43
Lewis Hamilton fl-azzjoni fiċ-ċirkwit ta’ Shangai, fiċ-Ċina
Is-sewwieq champion tad-dinja fuq Mercedes, Lewis Hamilton, kiseb it-tielet pole position tiegħu matul dan l-istaġun fiċ-ċirkiwt ta’ Shangai fiċ-Ċina, li tajjeb ngħidu li kienet ukoll il-ħames waħda tiegħu f’dan iċ-ċirkwit. Huwa assigura din il-pole meta għeleb lil sieħbu fuq Mercedes Nico Rosberg bi frazzjoni żgħira ta’ sekonda, eżattament b’0.042 sekondi. 

Kif mistenni, Ferrari, li jidher li se jkollhom staġun ferm tajjeb u kollox qed jindika li se jkunu l-isfidanti ewlenin ta’ Mercedes biex jirbħu t-titlu finali, kienu l-ikbar rivali ta’ Mercedes f’din il-pole position. Dan hekk kif Sebastian Vettel irnexxielu jisraq it-tielet post mingħand is-sewwieq ta’ Williams, il-Brażiljan Felipe Massa fl-aħħar mumenti tal-pole. 

Ferrari kienu l-aktar veloċi fl-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni b’Vettel jirreġistra ħin ta’ minuta, 37.502 sekonda waqt li sieħbu fuq l-istess karozza, il-Fillandiż, Kimi Raikkonen, irreġistra ħin ta’ minuta, 37.790 sekonda iżda huma użaw soft tyres. 

Min-naħa l-oħra, Lewis Hamilton, fl-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni temm fil-ħames post b’ħin ta’ minuta, 38.285 sekonda, iżda uża dawk li huma msejħin ‘medium compound rubber tyres’, fejn baqa’ bihom sal-aħħar u li rriżultaw bħala fundamentali biex ikun jista’ jikseb l-aħjar ħin f’din il-pole position f’Shangai, fiċ-Ċina. 

Intant, dawn huma l-pożizzjonijiet li minnhom se jkunu qed jibdew is-sewwieqa rispettivi llum fiċ-ċirkiwt ta’ Shangai, fiċ-Ċina:
  1. Lewis Hamilton    Mercedes
  2. Nico Rosberg    Mercedes
  3. Sebastian Vettel    Ferrari
  4. Felipe Massa    Williams
  5. Valtteri Bottas    Williams
  6. Kimi Raikkonen    Ferrari
  7. Daniel Ricciardo    Red Bull Racing
  8. Romain Grosjean    Lotus
  9. Felipe Nasr    Sauber
  10. Marcus Ericsson    Sauber
  11. Pastor Maldonado    Lotus
  12. Daniil Kvyat    Red Bull Racing
  13. Max Verstappen    Toro Rosso
  14. Carlos Sainz    Toro Rosso
  15. Sergio Perez    Force India
  16. Nico Hulkenberg    Force India
  17. Jenson Button    McLaren
  18. Fernando Alonso    McLaren
  19. Will Stevens    Marussia
  20. Roberto Merhi    Marussia


Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.