Ir-relazzjoni bejn il-waterpolo u l-imħabba għall-kċina

Kienu bosta dawk is-segwaċi tal-waterpolo lokali u mhux biss li ħasbu li Sean Gravina kien ħalla l-waterpolo għal kollox biex jiddedika ħajtu għal waħda mill-ikbar imħabbiet ta’ ħajtu – il-kċina. Madanakollu dawn kienu żbaljati, hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu huwa ffirma ma’ Exiles b’self.

Cristian Muscat / 20 t'April 2015 12:44
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport tant popolari f’pajjiżna matul l-istaġun sħun tas-sajf – il-waterpolo?

Kont ninżel il-pitch tan-Neptunes minn età żgħira u dejjem laqatni l-isport tal-waterpolo. Bdejt bħala goalkeeper taħt il-gwida tal-kowċ  Charlie Mock, qabel imbagħad bdilt l-irwol tiegħi fl-istess logħba. Minħabba x-xogħol tiegħi ta’ kok kelli niċċaqlaq għal sena u mort Londra. Ftit tal-ġimgħat ilu ffirmajt b’self mal-Exiles u ili ftit taż-żmien nittrenja għall-istaġun li jmiss.

L-imħabba tiegħek għall-kċina hija ikbar minn dik li għandek għall-waterpolo?

It-tnejn huma passjoni tiegħi. Kemm il-kċina kif ukoll il-waterpolo jtuni sodisfazzjon u allura nipprova nieħu ħsiebhom kemm nista’.

Iddeskrivilna l-esperjenza tiegħek ma’ Neptunes.

Kienet waħda tajba ħafna. Bdejt litteralment mill-qiegħ. Ma kontx nilgħab regolarment fil-bidu,  iżda bqajt naħdem bla heda u rnexxieli nsib posti. Irbaht ħames kampjonati man-Neptunes u tliet Knock-Outs. Ir-relazzjoni tiegħi mal-klabb ta’ Neptunes għadha tajba sal-ġurnata tal-lum.

Hemm xi logħba li tibqa’ tiftakarha iktar minn oħrajn?

Iva. Il-finali tal-ewwel kampjonat li rbaħt ma’ Neptunes meta konna għelibna lil Sliema bl-iskor kbir ta’ 12-4. Dik kienet logħba storika!

X’kienet ir-relazzjoni tiegħek mal-kowċ Karl Izzo? U dan kif għenek matul iż-żmien li fih kont tilgħab il-waterpolo?

Lil Karl Izzo ili nafu snin issa, u r-relazzjoni tagħna hija soda ħafna - kemm fuq bażi personali kif ukoll fl-ilma. Karl lili kkowċjani fil-Minors meta kien man-Neptunes. Irbaħna u tlifna flimkien, kellna argumenti żgħar li kull plejer ikollu mal-kowċ tiegħu, iżda jien u Karl qatt ma kellna problema ma’ xulxin!

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi li fihom bħala plejers tilagħbu l-waterpolo f’Malta?

Bħala pitch biex tilgħab huwa biżżejjed. Anki l-iscore board il-ġdid għamel differenza, Fadal biss naqra qatriet oħra u naħseb li l-pixxina bħala pitch tal-waterpolo tkun tajba mhux ħażin.

Taqbel li Malta għandha bżonn ta’ pixxina ta’ ġewwa?

Iva ħafna speċjalment għat-tfal. Jien naħseb li l-waterpolo f’Malta qed jmur lura għax il-ġenituri jaqtgħu qalbhom jibgħatu lit-tfal tagħhom għat-taħriġ fix-xitwa, u għandhom raġun. Għalhekk naħseb pixxina ta’ ġewwa jħeġġeġ ħafna tfal jittrenjaw fix-xitwa.

"“Jien naħseb li l-waterpolo f’Malta qed imur lura għax il-ġenituri jaqtgħu qalbhom jibgħatu lit-tfal tagħhom għat-taħriġ fix-xitwa, u għandhom raġun. Għalhekk naħseb pixxina ta’ ġewwa iħeġġeġ ħafna tfal jittrenjaw fix-xitwa.”"
Tara li l-livell tal-waterpolo f’pajjiżna għamel qabża ta’ kwalità ’l quddiem?

Ifhimni, il-kwalità hemm qiegħda iżda li l-problema li hemm hija dik li ma tantx hawn ħafna plejers telgħin. Dik hija problema kbira għall-futur tal-waterpolo f’Malta.

X’tikkummenta fuq l-aħħar riżultati ferm pożittivi li kiseb it-tim nazzjonali tal-waterpolo, taħt it-tmexxija ta’ Karl Izzo?

Kont kuntent ħafna għat-tim u anki għall-kowċ. Naħseb bħala nazzjonal qegħdin tajjeb. Jien naħseb iktar kemm jittrenjaw flimkien u jsiefru fuq taħriġ barra iktar għandhom fejn itejbu l-livell tagħhom fil-waterpolo. 

“Lil Karl Izzo ili nafu snin issa u r-relazzjoni tagħna hija soda ħafna kemm fuq bażi personali kif ukoll fl-ilma. Karl ikkowċjani fil-Minors lili meta kien man-Neptunes. Irbaħna u tlifna flimkien, kellna argumenti żgħar li kull plejer ikollu mal-kowċ tiegħu, iżda jien u Karl qatt ma kellna problemi ma’ xulxin!”
Għandek nostalġija tal-waterpolo u tal-plejers sħabek li kont tilgħab magħhom, kemm ma’ Neptunes kif ukoll mat-tim nazzjonali?

Għandi nostalgija kbira. Inħossu ħafna n-nuqqas tat-taħriġ magħhom iżda bqajt viċin ta’ ħafna minnhom. Qattajna ħafna snin flimkien u nibqa’ niftakar dan.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.