Tkompli s-saga tat-trasferiment ta’ Neymar

Cristian Muscat / 6 t'April 2015 14:10
Neymar imħasseb dwar dak li involva t-trasferiment tiegħu ma’ Barcelona
Tkompli s-saga tat-trasferiment ta’ Neymar fejn jidher li affarijiet qed jikkumplikaw ruħhom għal Barcelona. 

Dan hekk kif jinsabu indagati kemm il-president tal-club Katalan, Josep Maria Bartimeu, kif ukoll Sandro Rosell li kien il-president tat-tim li preżentament qed jokkupa l-quċċata tal-Liga Spanjola, bejn l-2010 u l-2014.

Huma qed jirriskjaw bil-kbir li jeħlu sentenza sostanzjali ta’ ħabs – b’tal-ewwel jista’ jeħel sentejn u tliet xhur waqt li Sandro Rosell jista’ jeħel xejn inqas minn seba’ snin u tliet xhur ħabs. 

U dan mhux biżżejjed hekk kif Barcelona jistgħu jeħlu multa ta’ xejn inqas minn €33 miljun. 

B’effett ta’ dan, il-Qorti Spanjola qed titlob lill-klabb Katalan biex jikkjarifika l-affarijiet. Dawn il-problemi għal Barcelona qed jikkuntrastaw bil-wirjiet u riżultati miksuba mill-Katalani fil-grawnd bl-aħħar wieħed ikun ir-rebħa ta’ 2-1 fuq ir-rivali kbar Real Madrid ilbieraħ filgħaxija. 

Permezz ta’ din ir-rebħa huma saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika tal-Liga Spanjola, b’vantaġġ ta’ erba’ punti fuq l-istess Real Madrid u jidhru favoriti assoluti li jirbħu l-Liga Spanjola fi tmiem l-istaġun. 

Is-soċjetà Katalana qed tiġi akkużata li ffalsifikat iċ-ċifra li biha ġie ingaġġat il-fenomenu Brażiljan, Neymar. 

Dan hekk kif l-avukat Spanjol, Pablo Ruz, li fetaħ kawża kontra Barcelona qed jafferma li t-trasferiment ta’ Neymar ma’ Barcelona kien jammonta għas-somma fenomenali ta’ €83 miljun waqt li Barcelona ddikjaraw li huma xtraw lil Neymar għas-somma ta’ €57 miljun. B’hekk hemm diskrepanza ta’ xejn inqas minn €26 miljun li jistgħu jitfgħu f’inkwiet kbir kemm lill-president preċedenti Sandro Rosell kif ukoll lil dak attwali, Josep Maria Bartomeu. 

B’hekk il-Blaugrana, qed jaffrontaw problema serja oħra barra l-grawnd. Għalkemm mhux kbira daqs dik relatata mat-trasferiment ta’ Neymar. Dan wara li huma diġà ġew sanzjonati mill-FIFA talli ma segwewx ir-regoli marbuta mal-Financial Fair Play u b’hekk ma setgħux jaffettwaw trasferimenti tul is-sena kollha li għaddiet.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.