Il-ħolma ssir realtà – Ecca issa r-rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu

Ġimgħa wara li l-aħħar iltqajna magħha - Ecca issa r-rebbieħa Għtp

Christa Boffa / 29 ta' Marzu 2015 20:11
Ritratt: Pauline Camilleri
Ġimgħa ilu intervistajtek Ecca  - però naħseb kienet ġimgħa kemxejn differenti għalik. X'inbidel f'din il-ġimgħa?

Għaddiet gimgħa, iżda nammetti li bejn impenn u ieħor għadni ma rrealizzajtx li meta jkunu qed isejħu r-rebbieħa tal-Għtp, jkunu qed jirreferu għalija. Personalment hija ħolma sabiħa!

Kemm taħseb li għandhom valur konkorsi bħal Għanja tal-Poplu f'Malta? 

Nemmen u nittama li festivals bhal l-Għtp għadhom valur importanti fis-socjetà Maltija, mhux biss għax iwassal temi soċjali qawwija, li ħafna jsibuha bi tqila jitkellmu fuqhom fil-ħajja ta' kuljum, iżda wkoll minħabba l-fatt li hu ta' vetrina għal mużiċisti u kantanti ġodda fix-xena tal-ispettaklu.

Eurovision, x'taħseb?

Nittama li l-Eurovision mhux l-unika triq għal kantanti Maltin.

Id-diska titratta l-abbuż sesswali. X'wassal biex tintagħżel din it-tema hekk sensittiva?

Mark Pellicano, l-awtur ta' din il-kanzunetta, huwa Social Worker, u ħadem fil-qrib ma' vittmi li għaddew minn esperjenza ta' dan it-tip. Konna nafu li dan il-festival jittrata kanzunetti b'tema soċjali, u meta qrajt il-kliem ta' din il-poeżija, kont bqajt impressjonata bil-mod kif din ir-realtà krudili ġiet espressa.

Taħseb li suġġett hekk għadu tabù hawn Malta?

Naħseb li huma ħafna li jibżgħu jqajmu dan is-suġġett minħabba id-delikatezza tiegħu.

Taħseb li qed isir biżżejjed hawn Malta sabiex jiġu mgħejuna dawn il-vittmi?

Jiena b'responsabiltà ngħid li f'dan il-każ, qatt m’hu biżejjed.

X'jista' jsir aktar? X'jista' jsir aħjar?

Nemmen li t-tfal għandhom ikunu edukati u mħarrga sew dwar il-privatezza u d-differenza bejn imhabba u abbuż. Sfortunantament mhux kulħadd jagħmel id-distinzjoni  bejn sess bejn koppja li tinħabb u abbuż. Xi ħadd li jħobbok, ma jabbużakx! Min iħobbok japprezzak u jirrispettak!

Tixtieq tieħu sehem f'xi proġetti ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar kwistjonijiet ta' abbuż? 

Jiena tlajt fuq dak il-palk biex inwassal messagg ta' tama lil kull min għadda minn din is-sitwazzjoni, u sakemm ikolli l-opportunità se nibqa' nisħaq fuq hekk.

Tixtieq tibbaża lilek innifsek barra bħala mużiċista?

Waħda mill-ħolm tiegħi hija li nqatta’ żmien minn ħajti barra nkanta barra minn Malta.

Università, mużika, ħajja soċjali, u l-bqija. Tleħħaq ma' kollox? Kif?

Iva ta, l-ġurnata twila biżżejjed għalija s'issa! Ħafna drabi nipprova ndaħħal u ngħaqqad kollox f'daqqa biex ma nirrifjuta xejn. Iżda li kieku jkolli nżid huwa l-mumenti zgħar u sbieħ li jibqgħu f'qalbi, izda jtiru f'ħakka t'għajn.

Iddeskrivilna ġurnata tipika tiegħek! 

M'għandiex ġurnata tipika naħseb - għax kull waħda differenti mill-oħra. Jien inħobb il-varjetà! Iżda normalment, inqum wara li l-iżveljarin ikun inħanaq idoqq u jipprova jqajjimni. Bil-ġirja nahseb x'se nilbes u naħrab lejn l-università. Il-ġurnata tiegħi tkompli billi ninġabar mal-familja għall-ikla ta' nofsinhar. Huwa l-ħin fejn kulħadd jaqsam ħsibijietu u kif qatta’ l-għodwa.  Wara espresso tajjeb, nintefa’ fuq il-pultruna nara xi programm taljan(ovvjament!). Filgħaxija normalment ikolli xi laqgħat li jgħinuni nsaħħaħ il-fidi u l-ispiritwalità tiegħi.  Wara li flimkien ma' shabi imorru niddevertu fuq tazza kafè sħuna, nerħilha d-dar fejn jew ngħaddi ħini npenġi, naqra xi ktieb sabiħ, nisma’ d-diski jew nara xi film interessanti.

Mid-dehra ġibnilek ftit tax-xorti bl-intervista tal-ġimgħa li għaddiet. Issa xi jmiss għall-karriera tiegħek?

Kien ta' unur kbir ghalija li gejt intervistata minnek! Min-naħa tiegħi se nkompli noħlom, naħdem u nittama li l-Mulej itini s-saħħa li nkompli nkanta u nesprimi ruħi permezz tal-mużika tiegħi.