Ċelebrazzjoni tal-karriera glorjuża ta’ Cordoba

Ivan Ramiro Cordoba – bla dubju wieħed mill-aqwa difensuri li pproduċa l-futbol mondjali f’dawn l-aħħar snin u li fil-jiem li għaddew kien f’Malta biex jiġbor flus għall-fondazzjoni tiegħu, ‘Colombia Te Quiere Ver’, permezz ta’ kamp ta’ taħriġ b’amalgamazzjoni mal-Inter Club Pupi Zanetti Malta, immexxi mill-President tant ħabrieki, Paul Fenech.

Cristian Muscat / 26 ta' Marzu 2015 17:11
Meta u fejn twelidt?

Twelidt f’Medellin fil-11 ta’ Awwissu tal-1976 iżda kbirt kalċistikament f’Rionegro – post li jinsab nofs siegħa ’l bogħod minn Medellin fil-Kolumbja.

Kif għażilt il-futbol fost tant sport ieħor?

Sempliċiment wara li kont nilgħab ma’ misieri. Bdejt nixxuttja l-ballun li hu kien jitfa’ f’saqajja u minn hemm nibtet din il-passjoni tal-futbol.

Liema kien l-ewwel klabb li lgħabt miegħu? U x’kienet l-esperjenza tiegħek ma’ dan it-tim?

L-ewwel wieħed nett kien Deportivo Rionegro fejn lgħabt fis-sezzjoni tal-youths u għamiltha sas-Serie B. Hemm domt nilgħab disa’ snin sħaħ.

Ingħaqadt mal-Inter mingħand il-klabb Arġentinjan San Lorenzo. X’kienet l-esperjenza tiegħek ma’ dan it-tim?

Sabiħa ħafna għax San Lorenzo tani l-opportunità li jkolli esperjenza intermedja bejn il-futbol Kolumbjan u dak Taljan. B’hekk għeni biex naddatta ruħi iktar aħjar għall-futbol Taljan minħabba li serva bħal pont biex nasal għand Inter.

U l-esperjenza tiegħek fis-snin twal li domt tilgħab mal-Inter?

Fantastika. Mal-Inter domt nilgħab għal 12–il sena u nofs u domt mal-Inter b’kollox 15–il sena meta tgħodd flimkien l-irwol tiegħi bħala plejer u dak bħala team-manager. 

X’tikkummenta fuq ir-rebħ tat-Tripletta?

Hija esperjenza unika minħabba li konna l-ewwel tim Taljan li rnexxielna nilħqu dan it-tragward storiku. 

U r-relazzjoni tiegħek mal-Ispecial One Jose Mourinho?

Naħseb li kienet esperjenza bħalma kienet mal-iskwadra kollha li tinvolvi ħafna xogħol u li nfittxu l-aħjar affarijiet għat-tim ta’ Inter. 

Int kont ukoll team manager tal-Inter. Kif tiddeskrivi din l-esperjenza?

Domt team manager ta’ Inter għal sentejn sħaħ. Kienet esperjenza importanti għax tatni l-opportunità li wara li ħallejt il-futbol milgħub, nittermina l-esperjenza tiegħi fil-futbol b’mod gradwali u għalhekk ippermettietli li nkun dejjem mal-iskwadra waqt li tatni wkoll il-possibiltà li ngħin lill-plejers anki barra mill-grawnd. 

X’taħseb fuq l-andament ta’ Inter matul dan l-istaġun? Taħseb li Inter jirnexxielhom jagħmluha biex jiksbu post għall-UEFA Champions League?

Jien naħseb li se tkun ferm diffiċli li Inter jaslu għaċ-Champions League. Nemmen li matul is-sena d-dieħla Inter għandhom bżonn kowċ ġdid u ta’ ċertu statura wara Roberto Mancini biex Inter jirritornaw tassew fejn jixraqilhom. Però, ġaladarba l-matematika tippermettielna li noħolmu m’għandniex naqtgħu qalbna lanqas li niksbu post fil-UEFA Champions League matul dan l-istaġun. 

Tara xi differenzi fis-sistemi tal-coaching bejn Walter Mazzari u Roberto Mancini?

Jeżistu imma ma nieħu gost qatt nitkellem dwar differenzi fis-sistemi ta’ kowċis diversi. 

Hemm xi logħba li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn fil-karriera spettakolari tiegħek fil-futbol?

Hemm ħafna logħob partikolari fosthom il-finali tal-UEFA Champions League, il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs kif ukoll l-ewwel Coppa Italia li rbaħna lura fl-2005. Huma diversi l-mumenti li għamlu l-esperjenza tiegħi mal-Inter daqshekk intensa. 

Liema kien l-aqwa plejer li qatt lgħabt miegħu? Kien il-Brażiljan Ronaldo? 

Bla dubju kien Ronaldo. Niddeskrivih bħala fenomenu. 

Huwa fatt magħruf li Real Madrid riedu jakkwistaw is-servizzi tiegħek. Għaliex ma ngħaqadtx magħhom meta wieħed iqis l-istorja glorjuża ta’ dan il-klabb? X’kien li ġiegħlek li tagħżel lill-Inter u mhux lir-Real Madrid?

Iva, kelli qalbi marbuta ma’ Inter għax kont naf iktar il-futbol Taljan u kien jogħġobni ħafna. Għalija kien diġà ta’ motivazzjoni kbira li nilgħab mal-Inter u minħabba li kont naf li Inter kienu wieħed mill-aqwa timijiet tad-dinja, ma kelli l-ebda dubju li kont se nibqa’ magħhom. U dan minkejja l-fatt li Real Madrid ippruvaw għat-tieni darba li jakkwistaw s-servizzi tiegħi meta kien ġie Esteban Cambiasso jilgħab mal-Inter. Barra minn hekk, ma xtaqtx nitlaq lill-Inter mingħajr ma nkun irbaħt xejn magħhom. 

X’tikkummenta fuq l-esperjenza li kellek mat-tim nazzjonali Kolumbjan?

Kienet esperjenza sabiħa ħafna. Meta kont mort minn Rionegro għal ma Atletico Nacional, fejn domt nilgħab sentejn sħaħ, ġejt imsejjaħ mat-tim nazzjonali Kolumbjan. F’dak iż-żmien kien hemm perjodu diffiċli wara bidu sabiħ wara li konna kkwalifikajna għat-Tazza tad-Dinja tal-1998. Kienet esperjenza mill-isbaħ li nipparteċipaw f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-dinja li finalment kienet ġiet mirbuħa minn Franza. Kellna wkoll esperjenza mill-isbaħ li nirbħu l-Copa America li kienet saret fil-Kolumbja stess f’finali konta l-Messiku. Din hija memorja mill-isbaħ fejn jien kont skurjajt il-gowl tar-rebħa permezz ta’ daqqa ta’ ras wara li kont irċevejt il-ballun minn freekick. Konna tajna pjaċir immens lill-Kolumbja kollha. Minn hemm nemmen li kellna esperjenzi sbieħ oħra fosthom fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet fejn ksibna riżultati pożittivi. 

X’tikkummenta fuq it-tim nazzjonali Kolumbjan fil-preżent bi stilel bħal Fredy Guarin u Radamel Falcao fi ħdanu?

Huwa tim nazzjonali li fil-Copa America li jmiss għandu l-potenzjal kollu li jirbaħ din it-Tazza. Din tista’ tkun xi ħaġa mill-isbah għall-Kolumbja. Niddeskrivi lit-tim nazzjonali Kolumbjan bħala wieħed komplut. 

Niġu issa għall-Fondazzjoni tiegħek li għandek fil-Kolumbja li ġġib l-isem ta’ ‘Colombia Te Quiere Ver’. Tina iktar dettalji fuq din il-Fondazzjoni u tal-ħidma li din tagħmel ma’ mijiet ta’ tfal inqas ixxurtjati minna.

Jien naħdem flimkien ma’ missieri li jtina daqqa t’id mill-Kolumbja, flimkien ma’ Eleonora Cairoli li hija s-Segretarja tal-Fondazzjoni. Barra minn hekk il-mara tiegħi u persuni oħra li tajjeb ngħidu li jikkollaboraw mal-Fondazzjoni bla ebda ħlas u b’mod volontarju, nippruvaw nagħtu possibiltà lil diversi tfal foqra fil-Kolumbja biex ikollhom  l-aktar affarijiet bażiċi tal-ħajja, fosthom li jkollhom x’jieklu. Dawn it-tfal ukoll jaffrontaw diversi problemi familjari. Ta’ kuljum nagħtu lil xejn inqas minn 150 tifel u tifla li jmorru l-iskola, x’jieklu -  mill-klassijiet iż-żgħar sal-klassijiet il-kbar. U għalhekk irridu nagħtu wkoll lil dawn  it-tfal is-sigurtà li jkollhom l-ikel u li jridu jmorru l-iskola biss biex jistudjaw u ma jkollhomx iħabblu rashom fuq is-sofferenza li ma jkollhomx x’jieklu.  

Fil-futur tqis il-possibiltà li taħdem ma’ plejers Kolumbjani ta’ fama u statura mondjali fosthom Fredy Guarin, Radamel Falcao u Cristian Zapata u oħrajn għall-ġid ta’ din il-Fondazzjoni?

Ċertament li iva! Magħhom ninsabu dejjem f’kuntatt u rridu nagħmlu affarijiet importanti biex niġbru fondi fil-Kolumbja. Barra minnhom jeżistu plejers oħra fil-Kolumbja li għandhom  il-Fondazzjoni tagħhom u li b’hekk nistgħu ningħaqdu flimkien biex nagħmlu xi ħaġa kbira fil-futur. 

Ukoll meta tqis li int ħabib kbir tal-plejer leġġendarju Javier ‘Pupi’ Zanetti, tqis il-possibilità li fil-futur tagħmel amalgamazzjoni mal-Fondazzjoni tiegħu, Fondazzjoni Pupi għall-ġid tat-tfal? Naħseb li dan iktar jista’ jseħħ meta wieħed iqis il-fatt li l-Kolumbja u l-Arġentina huma ġirien ta’ xulxin fl-Amerika Latina.

Fil-fatt, diġà organizzajna ħafna attivitajiet flimkien. Fil-futur nistgħu niżviluppaw xi ħaġa anki f’Malta permezz tal-President tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech, għal dawn iż-żewġ Fondazzjonijiet fejn hija xi ħaġa li verament tista’ ssir. Nistennew u naraw!

X’tikkummenta fuq il-kankru tal-betting li kulma jmur, sfortunatament, qed jeqred il-logħba tant sabiħa tal-futbol madwar id-dinja kollha?

Hija problema kbira ħafna. Jien naħseb li din il-ħaġa għandha tiġi kkastigata b’mod mill-iktar serju. Fil-futbol, ma jistax ikun li jkun hawn dan il-betting kollu u hija xi ħaġa tassew bla sens. L-isport għandu jkun mezz ta’ divertiment u għandu jkun dejjem xi ħaġa biex jgħin biex jiġu msaħħa l-valuri. L-isport m’għandu qatt jiġi kkunsidrat bħala kważi logħob tal-azzard.

Għaliex taħseb li plejers ta’ klassi mondjali bħal Ibrahimovic, Thiago Silva u Lavezzi fost oħrajn qed iħallu lill-Italja biex ifittxu avventuri ġodda fil-karriera tagħhom f’pajjiżi oħra bħal Franza, l-Ingilterra u Spanja?

Fl-Italja, teżisti problema finanzjarja. L-ekonomija fl-Italja għaddejja minn diversi problemi bħalma jeżistu f’pajjiżi oħra Ewropej. Però, fuq il-fatt li plejer iħalli l-Italja biex jibda avventura ġdida f’pajjiżi oħra jiddependi mill-karattru tiegħu u minn kemm ikun iħobb lit-tim li tiegħu ikun qed jilbes il-flokk.  

Il-futbol Taljan jinsab marid u għaddej minn kriżi?

Il-futbol Taljan jinsab f’diffikultà, f’dan il-mument. Nispera li jirnexxielu jirbaħ din id-diffikultà għax il-futbol Taljan huwa wieħed mill-isbaħ u li mmarka era fil-passat riċenti li kien jiġbed l-għira tal-futbol kollu Ewropew u mingħajr preċedent. Nisperaw li l-futbol Taljan jirxoxta mill-ġdid. 

Kif taħseb li l-futbol Taljan jista’ tabilħaqq ifiq?

Irid isir xogħol kbir u intensiv fis-settur tal-youths, waqt li jinbnew strutturi ħafna isbaħ biex jiġi aċċertat il-fatt li l-pubbliku sportiv jirritorna jsegwi lit-timiijet li jħobb f’ambjent mill-isbaħ. Dan huwa minħabba l-fatt li l-istadji u l-istrutturi sportivi fl-Italja baqgħu ħafna lura fil-konfront ta’ dawk l-istrutturi jew stadji li jinsabu f’pajjiżi oħra Ewropej. B’hekk l-amministraturi tal-futbol Taljan iridu jaħdmu ħafna biex jippreżentaw prodott relatat mal-futbol, sabiex ammont ferm ikbar ta’ partitarji jirritornaw jsegwu lill-benjamini tagħhom fid-diversi stadji li nsibu fl-Italja, li minnhom żgur li jkunu qed jibbenefikaw ħafna klabbs speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-progress finanzjarju tagħhom. 

X’tikkummenta fuq il-partitarji Ultras li donnhom għandhom iktar poter u saħħa mill-klabbs u mill-plejers infushom? Minfejn taħseb li qed iġibu din is-saħħa u l-kburija kollha?

Naħseb li dawn  huma parti mill-istorja tal-futbol Taljan. Fl-Italja, jeżistu dawn il-gruppi ta’ partitarji Taljani li jissapportjaw lit-tim tagħhom b’mod intens. Ħafna minnhom huma ferm organizzati waqt li oħrajn  huma ħafna inqas organizzati, iżda jien nemmen li jrid ikun hemm regoli li għandhom jiġu rispettati biex ma jkollniex xeni simili għal dawk li mdorrijin naraw fil-gwerer, kif sfortunatament rajna fil-passat riċenti. L-isport huwa mezz ta’ divertiment u jrid jibqa’ hekk. 

Kif beda l-kuntatt tiegħek mal-President ta’ Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech? Dan kif għenek biex din iż-żjara issir realtà bil-qligħ kollu jmur għall-fondazzjoni li int tirrappreżenta?

Jien naħseb li diġà rnexxielna joħolqu relazzjoni biex fil-futur ikollna esperjenzi oħra abbinati ma’ Malta. Dan biex inkomplu ngħinu lil dawn it-tfal Kolumbjani. Jien nirringrazzja lill-Inter Club Pupi Zanetti Malta mmexxi mill-President tant ħabrieki u ħabib tiegħi, Paul Fenech, li tawni din il-possibilità biex niġbor dawn il-flus u nagħti possibilità lit-tfal ta’ Malta biex ikollhom ġurnata magħna jilgħabu l-futbol, permezz ta’ training camp, biex jiddevertu permezz tal-futbol li huwa l-iktar sport sabiħ fuq wiċċ id-dinja! U permezz ta’ dan inkunu wkoll qed ngħinu bil-kbir lil mijiet ta’ tfal foqra u inqas ixxurtjati minna fil-Kolumbja. 

Ivan Ramiro Cordoba kif qed iħares lejn il-futur tiegħu fil-futbol? Għad naraw lil Cordoba kowċ ta’ xi klabb partikolari – minjaf forsi anki ta’ Inter, anki wara Roberto Mancini?

Ma nafx iżda ma naħsibx! Naħseb li qed nagħmel mixja oħra f’ħajti bħalissa u fil-futur naraw x’possibiltajiet ikun hemm. Jien ninsab ‘full time’ naħdem mal-Fondazzjoni tiegħi u ninsab determinat li nkompli naħdem qatigħ biex dejjem nibqa’ ngħin lil dawn it-tfal. 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.