Daniel Azzopardi, blogger magħruf aktar għall-blog tiegħu Devil Wears Pra-duh.

Rebaħ l-ewwel premju tax-xorta tiegħu tal-Aqwa Blogger tal-Moda fl-2014, kif ukoll  għall-iktar Blogger bi Stil fl-2012.

Christa Boffa / 8 ta' Marzu 2015 16:51
 

1. Daniel u l-ħwejjeġ. Kif bdiet din ir-relazzjoni?

Ir-relazzjoni bdiet x’imkien fis-snin tas-sekondarja. L-idea ta’ uniformi qatt m’għoġbitni u kont nagħmel minn kollox biex ‘nirribella’ b’xi mod jew ieħor – inqatta’ l-qliezet, inħażżeż fuq flokkijiet u l-bqija. Naħseb minn hemm bdejt ninduna li l-moda tista’ tkun forma ta’ espressjoni.

 

2. Barra dak li għandu x'jaqsam mal-moda, Daniel min hu? Xi jħobb jagħmel?

Daniel iħobb jaqra, idur kull kantuniera ta' Malta u Għawdex u... jiekol? Kieku mhux blogger, xi ħaġa bl-ikel inkun qed nagħmel żgur. Inħobb ħafna l-annimali wkoll!

 

3. Nafu li għandek il-blog tiegħek dwar il-moda. Kif tħajjart tibda' tikteb?

Biex inkun onest... kont iddejjaqt mir-rutina tax-xogħol li kont qed naħdem dak iż-żmien u ridt nagħmel xi ħaġa żejjed. Dan kien iż-żmien li l-blogs tal-moda barranin kienu bdew isiru popolari . Sħabi bdew iħajruni nibda blog jien ukoll... u llum il-ġurnata nirringrazzjahom!

 

4. X'taħseb li għandu jkun is-sehem tal-blogs tal-moda f'Malta?

Din hija mistoqsija xi ftit diffiċli għax hemm diversi tipi ta’ blogs tal-moda. Imma, jekk hemm ħaġa waħda li nispera li kollha jaqblu fuqha hi li għandhom ixandru l-messaġġ li l-moda għandha tkun aktar personali - speċjalment lokalment.  

 

5. Xi jdejqek l-iżjed f'dak li għandu x'jaqsam moda, ħwejjeġ u stil?

‘Trends’! Jew meta l-Maltin jgħidu li xi ħaġa tkun ‘tal-moda’. Nifhem li għandkom ħwejjeġ xi tbigħu imma naħseb li huwa messaġġ ħażin ħafna. Din li t-tfal (u anke kbar) jaħsbu li biex tilbes sewwa trid tkun liebes xi ħaġa tal-mument jew liebes ċertu mod, tmur kontra kull ma nemmen fih jien.

 

6. Taħseb li persuna jista' jkollha stil mingħajr ma tonfoq wisq flus?

Iva! Jien dejjem ngħid li stil ma jiddipendix minn li tilbes imma kif tilbes dak li għandek. L-istil tiegħek huwa personali! Ma tagħmilx differenza jiġix minn flokk jiswa €5 jew €500. Minnek irid jiġi!

 

7. Il-moda f'Malta. X'passi saru u x'taħseb li fadal isir?

Minn meta bdejt il-blog tlett snin ilu jkolli ngħid li rajt progress kbir. Xorta mhux ħafna xħin tqabbilna ma’ pajjiżi oħra, imma progress xorta! Il-problema hi li hawn m’hawnx ir-riżorsi li għandhom pajjiżi oħra. Hemm bżonn li ngħinu t-talent u l-industrija lokali aktar.

 

8. Ha narawk tipparteċipa f'avvenimenti bħal Malta Fashion Week u l-Malta Fashion Awards?

Mela! Fittxu kpiepel kbar u imxu wara l-ħoss taċ-ċekċik - dak inkun jien! Din is-sena l-kontenut tal-blog se jkun aktar regolari matul Malta Fashion Week ukoll!

 

9. X'jagħmel Daniel meta ma jsibx x'jilbes?

Jieħu deċiżjonijiet vera ħżiena! Xi kultant jispiċċaw ikunu vera tajbin, imma l-biċċa l-kbira le.

 

10. X'hemm fil-futur għal Daniel?

Aktar proġetti, aktar moda u aktar żraben skomdi!