Is-Sindku Għawdxi li ta’ 32 sena ħa t-tmun tal-GFA

Dr Samuel Azzopardi – Avukat Għawdxi li bħal donnu kull fejn jimraħ jikseb suċċess hekk kif wara s-suċċess li kiseb fil-politika kemm dik nazzjonali kif ukoll dik ukoll lokali, nhar it-Tlieta li għadda kiseb il-maġġorazna assoluta tal-voti fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-GFA meta għeleb lill-konkorrent dirett tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GFA, Joe Bajada b’21 vot għal 11-il vot

Cristian Muscat / 4 ta' Frar 2015 20:11
Kif beda l-interess tiegħek fil-futbol?

Twelidt f’familja assoċjata mal-futbol f’Għawdex. Missieri u z-ziju kienu plejers ma’ diversi klabbs f’Għawdex u missieri kien President tal-Victoria United u sussegwentament SK Victoria Wanderers.  Ħija kien plejer, kowċ u President ta’ SK Victoria Wanderers u jiena kont goalkeeper man-nursery tal-SK Victoria Wanderers u President tal-Youth Section tal-istess klabb għal diversi snin. 

Kif ħadt l-aħbar li ġejt elett bħala President tal-GFA speċjalment meta kellek kontestazzjoni mhux daqstant faċli minn persuna bħal Joe Bajda li ilu midħla tal-futbol Għawdxi għal madwar dawn l-aħħar 40 sena? Madankollu fil-voatzzjoni finali ksibt riżultat li nistgħu nniddeskrivuh bħala maġġoranza assoluta ta’ 21 vs 11. Dan kien riżultat mill-aqwa għalik. X’tikkummenta?

L-ewwel nett qatt f’ħajti ma naf li kkontestajt xi elezzjoni faċli, kemm meta kont student f’għaqdiet studenteski u kemm dawk marbuta mal-politika. L-uniku elezzjonijiet faċli kienu dawk internament fl-SK Victoria Wanderers minħabba l-assoċjazzjoni tal-familja ma’ dan il-klabb.

"“Qatt f’ħajti ma naf li kkontestajt xi elezzjoni faċli, kemm meta kont student f’għaqdiet studenteski u kemm dawk marbuta mal-politika”"
Joe Bajada kien ilu fil-GFA u ta servizz fis-sistema ta’ kif ikun organizzat il-futbol f’Għawdex, allura forsi telaq minn pożizzjoni iktar favorevoli u papabbli. Jiena mill-ewwel ridt nikkonvinċi lill-klabbs, li jiena validu, għandi x’noffri u d-dell tal-SK Victoria Wanderers ma kienx sejjer itellifni milli nkun għas-servizz ta’ kulħadd u super partes.  Ridt ukoll nikkonvinċi li dan mhux eżerċizzju ta’ politika partiġġjana. Ma kinitx faċli nikkumbatti u ridt naqdef tajjeb f’perjodu pjuttost qasir.  Però m’għamilt obligazzjonijiet ma’ ħadd.  Jiena rajt din bħala sfida miegħi nnifsi u għax emmint li ż-żmien kien tajjeb biex jiena nimpenja ruħi f’dan il-qasam ħadt l-isbriga illi nikkontesta u nikkonvinċi lill-votanti - il-klabbs.  

Jiena affaċjajt kull klabb b’mistoqsija ewlenija.  Jekk kien komdu bl-istatus quo allura ma setax jikkunsidrani għaliex jiena qatt ma kont parti minn dik is-sistema, la jiena obbligat lejn din is-sistema u lanqas ridt dik is-sistema. Jekk klabb xtaq jara l-bidla fis-sistema li nixtieq nara jiena allura tlabtu jikkunsidrani.  Il-klabbs Għawdxin riedu bidla.  Apprezzajt ukoll il-plejers u l-eks plejers illi avviċinawni u awgurawli u tawni s-suġġerimenti tagħhom għall-bidla.

Din iċ-ċarezza fil-ħsieb naħseb li kien fundamentali biex jiena kkonvinċejt lill-klabbs jappoġġjawni.  Jiena nixtieq inbiddel.  Minix ngħid li ta’ qabli mexxew ħazin għax jiena nirrispetta d-deċiżjonijiet li ttieħdu qabel u napprezza l-isforz li kull uffiċjal mill-President ’l isfel għamel għall-ġid tal-assoċjazzjoni.  Jiena però nifhem illi rridu ninvestu bis-sħiħ f’sistemi ġodda ta’ tmexxija, ta’ relazzjoni mal-klabbs u wkoll ta’ servizz lin-nurseries tal-klabbs rispettivi u l-plejers.

X’tikkummenta fuq il-fatt li ħadt il-Presidenza tal-GFA meta għandek età relattivament żgħira?

Ifisser li għandi iktar enerġija. Dan mhux l-ewwel impenn pubbliku tiegħi u lanqas ma hi l-ewwel darba li ġejt afdat b’mandat u ġġudikat sussegwentament fuqu.  Ta’ 20 sena ġejt elett Kunsillier, ta’ 27 sena Sindku u ta’ 31 konfermat bħala Sindku bl-ikbar ammont ta’ voti li qatt ġab kandidat, fil-belt Victoria, fejn Sindku qatt ma għamel iktar minn term wieħed u b’żieda ta’ 2.9% tal-voti għall-Partit li nirrappreżenta fl-istess ġurnata li ġarrab l-ikbar telfa elettorali fl-istorja tiegħu.

Jiena barra l-futbol ipprattikajt il-Fencing f’Malta u fl-Italja. Il-fencing huwa sport fejn l-atleta jilħaq il-milja tiegħu fl-‘early thirties’, minħabba l-bilanċ ta’ enerġija fiżika u maturità li jirrikjedi dak l-isport.  Naħseb li ninsab f’fazi fejn umilment nista’ nagħti l-aħjar tiegħi għall-GFA.  Jekk huwiex minnu naraw ’il quddiem. Iż-żmien itina parir!  

"“Jiena rajt din bħala sfida miegħi nnifsi u għax emmint li ż-żmien kien tajjeb biex jiena nimpenja ruħi f’dan il-qasam ħadt l-isbriga li nikkontesta u nikkonvinċi lill-votanti - il-klabbs”"
Int ukoll is-Sindku tal-belt kapitali ta’ Għawdex Victoria. Kif se jirnexxielek tlaħħaq ma’ dawn iż-żewġ karigi ferm u ferm impenjattivi?

Ħabib tiegħi meta għidtlu li beħsiebni nikkontesta għall-elezzjoni ta’ President tal-GFA qalli “Taf li l-ġurnata fiha 24 siegħa?” Jiena għidtlu “Naf li norqod 6 sigħat u jibqa’ 18-il siegħa”.  Jiena persuna li m’għandix kwiet u dejjem nara kif se nżomm ruħi mpenjat.  L-impenn tiegħi ta’ Sindku hemm se jibqa’ apparti li għandi karigi oħra.  Li kieku ħassejt li m’għandix ħin ma kontx nimpenja ruħi għax m’inix it-tip li nieħu gost insaħħan is-siġġu.  Fil-fatt tliet snin ilu diġà kienu ħajruni biex nikkontesta però jiena kont rajt li l-ħin ma kienx propizju u ma kienx iż-żmien ideali.  Illum inħoss li għandi riżorsi u ħin x’niddedika għall-GFA u l-futbol f’Għawdex.  Meta nħoss li ma fadallix ħin, jiena nkun l-ewwel wieħed li nwarrab. 

X’responsabbiltà ġġorr magħha din il-kariga importanti ta’ President tal-GFA?

Hija kariga importanti mhux għax ittini xi status soċjali imma għaliex l-GFA mwaqqfa fl-1936 hija l-uniku organizzazzjoni li permezz tal-klabbs u l-assoċjati magħha tipprovdi l-uniku kampjonat ta’ sport organizzat f’dak il-livell f’Għawdex.  Hija sfortuna li Għawdex m’għandniex iktar kampjonati ta’ sport differenti però r-realtà hija dik li hi u nħoss li anki l-futbol jinsab mhedded u allura hemm obbligu ikbar fuq il-President li jassigura l-futur ta’ dan l-isport.

X’avvanzi għamel il-futbol Għawdxi f’dawn l-aħħar snin u x’investimenti qed isiru fosthom fil-Gozo Stadium?

Il-futbol f’Għawdex għamel avvanzi kbar però qed jaffaċċja sfidi kbar ukoll, l-iktar minħabba l-popolazzjoni żagħżugħa li qiegħda kulma jmur tonqos li jfisser plejers inqas allura sfidi ikbar.  Trid tifhem li mill-istess pool ta’ popolazzjoni li joħroġ minnha l-klabb ta’ Birkirkara minn Għawdex joħorgu 14 -il klabb.  Saru investimenti sostanzjali kemm fil-faċilitajiet tal-Gozo Stadium kif ukoll f’diversi grawnds u pitches oħra f’Għawdex dan kollu tejjeb il-livell. Però m’għandiex inħarsu biss lejn fejn qegħdin imma lejn fejn sejrin ukoll u allura rridu nilqgħu għall-isfidi tal-ġejjieni. Irridu nkunu innovattivi u kreattivi. U rridu naġixxu malajr ukoll.

Kif inhi r-relazzjoni tagħkom bħala GFA mal-MFA u kif tikkolaboraw ma’ xulxin?

Ir-relazzjoni hija ottima, u fost l-ewwel awguri li rċevejt kienu mingħand uffiċjali tal-MFA.

Il-Gozo Stadium huwa mħejji bizzejjed biex jospita xi logħbiet importanti u ta’ ċertu prestiġju bħal m’għamel fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17 –il sena organizzat mill-UEFA f’Mejju li għadda?

Iva, però jrid isirlu xi titjib ieħor. Wieħed ma jistax jieqaf minn dan il-lat għax nibdew immorru lura.  L-istands u t-tined jeħtieġu titjib sostanzjali.

Għaliex inħass il-bżonn li jiġu utilizzati grawnds oħra f’Għawdex? Grawnd wieħed mhux bizzejjed?

Le, mhuwiex bizzejjed speċjalment meta għandek pitch bit-turf naturali kollu kemm hu.  L-użu tiegħu u l-kundizzjonijiet fil-maltemp jinneċessitaw grawnds oħra minbarra d-diversi logħob li hemm bżonn li jsiru.

Ir-referis Għawdxin huma bizzejjed ta’ livell?

Le, filwaqt li għandek uħud li huma tajbin, għandek oħrajn li hemm opinjoni waħda fuqhom. Hemm bżonn li naraw titjib u iktar referis differenti.

U l-kowċis Għawdxin huma bizzejjed ikkwalifikati biex jagħmlu dan?

Għawdex nara li hemm pool tajjeb ta’ kowċis però wieħed dejjem jista’ jtejjeb u l-GFA taħt il-Presidenza tiegħi se tkun qed tinvesti fl-iżvilupp personali tal-plejers u l-kowċis biex jitjieb il-livell.

Fil-futbol Għawdxi teżisti korruzzjoni?

Sfortunatament il-korruzjoni teżisti kull fejn hemm il-bniedem u l-isport mhux eċċezzjoni. Naħseb li l-passat għallimna dan però jfisser li rridu nkunu viġilanti u iebsa ma’ min hu korrott.  Dan huwa inaċċettabbli.

Taqbel li timijiet Għawdxin jibdew jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet organizzati mill-MFA?

Iva naqbel li għandhom il-livell u għandhom jesploraw dan.

Kif tikkumpara t-timijiet Għawdxin ma’ dawk Maltin?

Naħseb li t-timijiet Għawdxin li għal korrettezza huma Maltin ukoll, jikkumparaw tajjeb mat-timijiet tal-gżira ta’ Malta.

Taħseb li pereżempju timijiet Għawdxin jistgħu jieħdu sehem fil-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni? 

Inħoss li l-livell tat-timijiet li jieħdu sehem f’dawn il-kampjonati huma ta’ livell ferm simili. Rajna dan verament ċar fl-aħħar logħbiet validi mir-raba’ rawnd tal-Malta FA Trophy fejn Victoria Hotspurs u Nadur Youngsters taw sfida denja lil Pietà Hotspurs u lil Hibernians  rispettivament, fejn ilkoll nafu li dawn tal-ahhar qed jiddominaw bil-kbir il-Kampjonat BOV Premier. 

Kif qed tħares lejn il-bidu u l-kumplament tal-ħidma tiegħek fit-tmun tal-GFA?

Qed inhares b’ottimiżmu kbir, għax naħseb li hemm art fertili fejn wieħed jimraħ u jtejjeb is-sitwazzjoni preżenti. Jiena nirrinagrazzja lil kull min ta servizz fil-GFA u l-futbol f’Għawdex u qed inħares ’il quddiem li dan l-ottimiżmu jibqa’ miegħi sal-aħħar.

Għaddi messaġġ lil dawk l-entużjasti tal-futbol speċjalment dak Għawdxi biex ikomplu jagħtu s-sostenn tagħhom lill-futbol Għawdxi u jissaportjawh b’kull mod meħtieġ. 

Jiena rrid li fil-GFA niftħu kapitlu fejn kulħadd iħossu nkluż b’mod sħiħ u fejn is-suġġerimenti jinstemgħu u t-tamiet jitwettqu. Kunu miegħi f’dan il-vjaġġ u nagħmel minn kollox biex ma jiddispjaċikomx!

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.