Bilanċ perfett bejn il-waterpolo u l-istudju tal-mediċina

Jordan Camilleri – bla dubju wieħed mill-aqwa elementi li pproduċa l-waterpolo lokali f’dawn l-aħħar snin u li ftit taż-żmien ieħor jiggradwa bħala tabib

Cristian Muscat / 28 ta' Jannar 2015 12:01
Kif għażilt il-waterpolo fost numru ta’ sport ieħor?

Jiena bdejt nilgħab il-futbol ma’ Melita meta kelli 6 snin. Fis-sajf, meta kien ikolli 3 xhur brejk mill-futbol, kont ninżel il-pitch tan-Neptunes kuljum mal-familja tiegħi, fejn ħija Stevie kien jilgħab il-waterpolo mal-age groups tal-klabb u missieri kien ukoll it-tabib tal-ewwel tim. Dak iż-żmien, kont inħobb ngħum ma’ sħabi, kif ukoll nara l-logħob tan-Neptunes, iżda ma kontx interessat li nibda nitħarreġ l-isport tal-waterpolo. Fl-età ta’ 11-il sena, sħabi ħeġġewni biex nibda nitħarreġ u nieħu sehem fil-kampjonat tas-sajf tal-Under 15s, u hekk għamilt għalkemm kont għadni moħħi fil-futbol! Wara 3 snin ta’ futbol fix-xitwa u waterpolo fis-sajf, ta’ 14 -il sena ħadt id-deċiżjoni li nieqaf mill-futbol u nibda nitħarreġ il-waterpolo s-sena kollha. Dan għaliex dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nilgħab mal-ewwel tim tan-Neptunes, kif ukoll mat-tim nazzjonali ta’ Malta tal-waterpolo. 

Fis-sajf li għadda kellek staġun mill-aqwa ma’ Neptunes - fl-opinjoni tiegħi l-aqwa fil-karriera tiegħek fejn ħafna drabi kont fost l-aqwa skorers ta’ Neptunes. Taqbel miegħi jew fadallek fejn ittejjeb il-wirjiet tiegħek?

Iva, naqbel miegħek li s-sena li għaddiet kienet l-aqwa waħda fil-karriera tiegħi sa issa, kemm man-Neptunes kif ukoll mat-tim nazzjonali. Dan għax irnexxieli nżomm il-fitness is-sena kollha minkejja l-impenji tal-Università. Inħossni kuntent tal-kontribut tiegħi fis-suċċessi tan-Neptunes u tat-tim nazzjonali, speċjalment fl-irwol tiegħi bħala difensur, iżda wkoll irnexxieli ntejjeb il-logħba tiegħi fil-fażi offensiva. Madankollu, nemmen li fadalli ħafna fejn intejjeb il-wirjiet tiegħi u għalhekk hu importanti li nkompli naħdem sabiex inkun ta’ servizz aħjar għat-tim tiegħi.  

Plejer tal-kalibru tiegħek ġieli qies li jmur jilgħab barra minn Malta?

Jiena naħseb li hija ħolma ta’ kull plejer Malti tal-waterpolo li jilgħab barra minn Malta. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin kelli ċ-ċans li mmur nilgħab ma’ diversi klabbs barra minn Malta, ħadt id-deċiżjoni li nkompli nistudja l-Università ta’ Malta għax nemmen li l-karriera ta’ tabib hija iktar importanti għalija. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudju tiegħek tal-mediċina u mat-taħriġ u l-logħob tal-waterpolo?

Se nibda billi ngħid li huwa diffiċli biex tlaħħaq mal-istudju tal-mediċina u mal-waterpolo iżda mhux impossibbli, u għalhekk jiddependi fuq kemm int lest li taħdem biex tirnexxi u kemm tħobb l-isport. Huwa importanti li tuża l-ħin tiegħek bl-aħjar mod possibbli, kif ukoll tagħmel sagrifiċċji fejn u kif hemm bżonn sabiex tlaħħaq mat-tnejn.

X’tikkummenta fuq ir-riżultati mill-aqwa li kellkom bħala tim nazzjonali fl-aħħar xhur?

Is-sena li għaddiet kienet waħda pożittiva ħafna għat-tim nazzjonali fejn irnexxielna nirbħu l-medalja tad-deheb fl-EU 8 Nations (Limerick, Irlanda) u l-medalja tal-fidda fil-Commonwealth Games (Aberdeen, Skozja) kontra timijiet tal-livell tagħna u oħrajn inqas. Barra minn hekk, ksibna riżultati mill-aqwa fil-European Championship 2014 Qualifiers kontra pajjiżi ta’ livell għoli meta rnexxielna naslu sal-play offs fejn tlifna kontra Franza.

Madankollu kien hemm kritika li l-avversarji li lgħabtu kontrihom f’dawn it-turnaments ma kinux tal-ogħla livell? Kif tirribatti din il-kritika sa ċertu punt kostruttiva?

Iva, naqbel li l-avversarji ma kinux tal-ogħla livell, iżda dawn it-turnaments kienu importanti ħafna għalina sabiex inkomplu ntejbu l-livell tagħna bħala tim nazzjonali. Għalhekk ninsabu kuntenti bil-wirjiet tagħna kemm f’dawn it-turnaments kif ukoll fil-qualifiers fejn ksibna riżultati tajbin kontra pajjiżi ta’ livell għoli bħar-Russja, Franza, Slovakkja u Georgia fost oħrajn.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowc tat-tim nazzjonali Karl Izzo u dan kif għenek matul il-karriera tiegħek fil-waterpolo?

Jiena għandi relazzjoni tajba ħafna ma’ Karl Izzo. Huwa kien ukoll il-kowċ tiegħi mal-Under 17/19 u mal-ewwel tim tan-Neptunes fil-passat, u għalhekk kuntent li naħdem miegħu did-darba bħala kowċ tat-tim nazzjonali. Huwa kowċ dedikat ħafna li jieħu ħsieb il-plejers tiegħu, u nemmen li għad niksbu iktar suċċessi taħt it-tmexxija tiegħu.

U dik mal-President ta’ Neptunes Matthew Bonello?

Għandi relazzjoni tajba ma’ Matthew Bonello, u nammirah għad-dedikazzjoni u l-imħabba tiegħu lejn il-klabb tan-Neptunes. Nixtieq nirringrazzjah ukoll tal-appoġġ li jagħtini, speċjalment fejn jidħlu l-istudju tal-mediċina u t-taħriġ mal-klabb fiż-żmien tal-eżamijiet. 

X’responsabbiltà tħoss għall-fatt li int ħu Stevie Camilleri u forsi xi darba jqabblu l-kwalitajiet u l-wirjiet tiegħek ma’ dawk ta’ ħuk?

Jiena nħossni kburi li nilgħab ma’ Stevie, kemm mal-klabb kif ukoll mat-tim nazzjonali, fejn irnexxielna niksbu ħafna suċċessi flimkien, fosthom rekord ġdid ta’ 5 kampjonati infila man-Neptunes. Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nista’ nitħarreġ miegħu u nitgħallem mill-pariri tiegħu ta’ kuljum. Fil-fehma tiegħi, huwa bla dubju l-aħjar plejer fl-istorja tal-waterpolo Malti, u għalhekk huwa eżempju mill-aqwa għaż-żgħażagħ li jitħarrġu dan l-isport. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-logħba tal-waterpolo?

Jiena nixtieq li nkompli nilgħab il-waterpolo mal-klabb u mat-tim nazzjonali sakemm dan ikun possibbli. Jiena konxju tad-diffikultà li se nsib speċjalment meta nibda naħdem minħabba diversi impenji, però lest li nagħmel minn kollox biex insib mod kif nista’ nkompli nitħarreġ u nilgħab fl-istess ħin. 

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo.

Bħal f’kull sport, id-dixxiplina u d-dedikazzjoni huma importanti ħafna fil-waterpolo. Il-waterpolo m’għadux sport tas-sajf u għalhekk dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo jridu jkomplu jitħarrġu bis-serjetà s-sena kollha biex itejbu l-logħba tagħhom. Inħeġġeġ ukoll il-ġenituri kollha biex ikunu ta’ sapport għat-tfal tagħhom, speċjalment fejn jidħol il-bilanċ bejn l-iskola u l-isport.

"“Huwa diffiċli biex tlaħħaq mal-istudju tal-mediċina u mal-waterpolo iżda mhux impossibbli”"
Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.