Il-futboler prolifiku li dalwaqt isir perit

Zach Muscat – bla dubju wieħed mill-aqwa plejers żgħażagħ li pproduċa l-futbol Malti f’dawn l-aħħar snin u li ftit ta’ snin oħra jiggradwa bħala perit

Cristian Muscat / 11 ta' Diċembru 2014 12:29
Kif għażilt il-futbol fost tant sport ieħor?

Jiena sa ftit snin ilu kont nilgħab il-waterpolo bis-serjetà kif ukoll kelli serje ta’ snin pożittivi fit- tennis fejn saħansitra sifirt f’bosta pajjiżi biex nieħu sehem f’tournaments fejn irbaħt diversi unuri kif ukoll f’pajjiżna. Imbagħad ġie żmien fejn l-istudju beda jiżdied u l-ħin naqas. Xejn ma kien itini sodisfazzjon daqs il-futbol allura bqajt nitħarreġ fih. Apparti l-fatt li kien l-ewwel sport li qbadt tal-età ta’ kważi tliet snin.

L-ewwel klabbs li lgħabt magħhom kienu Luxol u Melita. X’kienet l-espejenza tiegħek ma’ dawn iż-żewġ klabbs ġirien ta’ xulxin?

L-ambjenti kienu pjuttost simili. Tgħallimt ħafna mill-affarijiet bażiċi fi ħdan il-klabb tal-Melita. Minn dejjem konna nħabtuha mal-klabbs il-kbar u din il-kompetittività kienet essenzjali biex nitjieb bħala plejer.

U mbagħad ingħaqadt ma’ Pietà Hotspurs. X’kienet l-esperjenza tiegħek hemmhekk?

Fejn kbirt ma’ Melita, nista’ ngħid li żviluppajt mal-Pietà. L-atmosfera ta’ familja f’dan il-klabb kienet ittini iktar kuraġġ ta’ kuljum li nieħu gost immur kmieni għat-taħriġ biex tgħid dik il-kelma mal-ħbieb. Huma tawni l-ewwel opportunità mal-iskwadra tal-kbar fejn kont nilgħab bħala striker u winger. Mal-Pietà ġew ħafna unuri però l-ħbieb (kemm plejers u kowċis imma speċjalment nies tal-klabb) li għamilt minn hemm huma konferma ta’ kemm hemm valuri fil- logħba tal-futbol. U din urewieli sew.

Wara l-esperjenza tiegħek mal-Hotspurs, ingħaqadt ma’ Birkirkara. X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mal-Istripes sa issa?

Xi trid iktar milli tirbaħ il-kampjonat fl-ewwel sena u tissiġġilla kollox b’gowl fid-decider! Kienet qabża kbira però bl-għajnuna tal-kollegi plejers kif ukoll u speċjalment bl-għajnuna tal- kowċ Paul Zammit u l-assistent tiegħu Peter Pullicino naħseb li rnexxieli nagħmel il-qabża u llum il-ġurnata ninsab kuntent u l-ġuħ għar-rebħ u t-titjib fil-logħba tiegħi għadu hemm.

Kif inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ Paul Zammit?

Huwa kowċ professjonali ħafna li jagħmel ix-xogħol tiegħu b’ċertu dettall. Il-fatt li huwa għalliem għenet biex hu jifhimni fi żminijiet diffiċli ta’ eżamijiet u proġetti tal-Università. Apparti minn dan hu kien li tani l-imbuttatura f’ċerti żminijiet diffiċli u wkoll hu wera l-fiduċja fiha li jtellagħni mill-Ewwel Diviżjoni. Din kienet għażla li biddlitni kemm bħala plejer kif ukoll bħala raġel barra mil-logħba tal-futbol.

U r-relazzjoni tiegħek mal-President Joe Zammit?

Ir-relazzjoni tagħna t-tnejn hija pjuttost fuq bażi professjonali. Mhux kull president huwa l-istess. Hemm dawk li jħobbu jżommu ċertu awtorità u jżommu d-distanza. Hemm oħrajn li jkunu integrati fl-iskwadra iktar minn oħrajn.

Int qed tistudja wkoll għall-Perit. Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-Università u mal-futbol?

Hija xi ħaga diffiċli ħafna. Però, b’familja li tinkoraġġini ma’ kull pass li nagħmel u b’element ta’ immaniġġjar propizju tal-ħin, kulħadd jista’ jagħmilha. Għalija l-istudju jserraħni mill-pressjoni tal-logħob u l-futbol iserraħni mill-pressjoni tal-istudju. Imqabblin perfettament!

Induru issa għat-tim nazzjonali. Jidher li l-kowċ Pietro Ghedin għandu fiduċja kbira fik hekk kif qed narawk inkluż f’bosta logħbiet tat-tim nazzjonali fosthom logħbiet importanti bħal dik kontra l-Italja u l-Kroazja. X’inhi l-esperjenza tiegħek sa issa mat-tim nazzjonali?

Il-fatt li kelli l-opportunità li nilgħab bil-flokk ta’ pajjiżi hija xi ħaġa indeskrivibbli. Kienet ħolma ta’ meta kont tifel żgħir li llum saritli realtà. L-għajnuna tal-kowċ Paul Zammit biex dejjem nara kif nistinka, sewa tajjeb biex intgħażilt mal-iskwadra. Ġie l-ħin li l-kowċ Pietro Ghedin wera fiduċja fija u għamilt mill-aħjar li stajt. L-affarijiet ġew kif ġew u reġa’ tani post fl-ewwel 11 u mil-logħob li lgħabt sa issa diġà akkwistajt esperjenza, tagħlim u rispett lejn il-logħba daqs staġun sħiħ fil-logħob lokali.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ Pietro Ghedin?

Ma’ kowċ tan-nazzjonal hija xi ħaġa differenti għaliex ma jafnix mit-taħriġ u ma jaranix kuljum. Mingħajr ma trid, trid iżżomm ċerta distanza speċjalment fejn ħafna mid-drabi jiena nkun l- iżgħar wieħed fl-iskwadra. Madanakollu kemm-il darba jkollna diskussjonijiet fuq x’nista’ ntejjeb fil-logħba tiegħi u anki l-affarijiet li għeni fihom hu, diġà swewli ta’ ġid kbir.

U r-relazzjoni tiegħek mal-plejers sħabek li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali?

Bħala l-iżgħar plejer dejjem tkun ftit diffiċli biex tintegra għas-sempliċi raġuni li ma tkunx trid tindaħal f’ċerti affarijiet u noqgħod lura milli ngħid xi ħaġa ħażina. Però, iktar ma għadda żmien u speċjalment wara l-ewwel logħbiet tiegħi ingwalajt ma’ bosta plejers (apparti dawk ta’ Birkirkara li jafuni sew u huma ħbieb kbar u prattikament familja), u ħassejtha iktar faċli biex nintegra ruħi mal-iskwadra. Ifhem, nistħi kemm nistħi, għall-ewwel, waqt logħba mhux se noqgħod lura!

X’tikkummenta fuq l-amministrazzjoni tal-MFA mmexxija mid-duo Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo?

Ma nixtieqx nidħol f’affarijiet relatati ma’ amministrazzjoni. Żgur li mhux faċli tagħmel dak ix- xogħol għall-pajjiż fejn il-futbol għandu bżonn imbuttatura u nemmen li qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex jaraw x’jistgħu jbiddlu biex ituh spinta ’l quddiem.

Il-futbol Malti marid?

Iva. Il-futbol Malti huwa marid minn ħafna bnadi differenti. Dettalji żgħar minn kull xorta ta’ bniedem jekk humiex plejers, amministrazzjoni, partitarji jew uffiċjali tal-logħba. Is-soluzzjoni hija sempliċi. Kulħadd għandu jieqaf jistaħba u flimkien inpoġġu u naraw il-ftit li nistgħu nagħmlu u magħqudin nerġgħu ngħollu l-livell tal-logħba tant għażiża u li ġġib emozzjonijiet ta’ kull xorta lil kulħadd!

"“Il-futbol Malti huwa marid minn ħafna bnadi differenti” "
Fis-sajf li għadda rbaħt l-unur prestiġjuż tal-Aqwa Plejer Żagħżugħ għall-istaġun 2013/14. X’fisser għalik dan l-unur?

Dan ma kien xejn ħlief konferma tax-xogħol li għamel miegħi l-kowċ Paul Zammit u l-għajnuna li kelli tul staġun sħiħ minn sħabi l-plejers. Fis-sena ta’ qabel kont innominat ukoll u vera kont kuntent. Tista’ timmaġina x’ħassejt dakinhar li rbaħt l-unur! Huma affarijiet bħal dawn, konfermi ta’ xogħol ġurnata wara l-oħra li jibqgħu jagħtuni s-saħħa li nżomm l-ħidma għaddejja tul iż- żminijiet diffiċli.

Ġieli kkunsidrajt li tmur tilgħab barra minn Malta?

Iva kuljum, kull staġun u kull sena. Dejjem kien hemm l-interess u sifirt għal bosta provi barra minn Malta. Kelli ċerti offerti wkoll però l-iskola hija importanti għalija wkoll. Din is-sena niggradwa fil-Baċellerat (B.Sc in Built Environment Studies) jekk Alla jrid u għalhekk qgħadt lura milli nsiefer u nitlef dan l-istudju kollu. Mis-sajf li ġej l-ispinta biex nitlaq se tirdoppja!

Naf li hemm interess fik minn bosta klabbs fl-Italja fosthom dawk ġejjin mis-Serie B. Tikkonferma dan?

Iva, għandi aġent li qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna billi jippromwovi ismi ġewwa l-Italja. L- interess hemm qiegħed. Jiddependi minni li nilħaq livell li l-interess jinbidel f’offerta konkreta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ta’ 21 sena naħseb għadni qed nilħaq l-aħjar żminijiet tal-karriera tiegħi. Nisperaw li bl- għajnuna ta’ Alla kif ukoll r-rieda u l-ġuħ għar-rebħ (mhux biss logħob iżda fuq ostakli ta’ livell personali ukoll) nibqa’ nistinka u nitjieb fejn apparti gost u divertiment fl-isport jiġu l-unuri u ovvjament li nibqa’ nirrappreżenta lil pajjiżi bl-iktar mod onest u professjonali.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.