Pellegrini jiċħad li Messi se jingħaqad ma’ Manchester City

Messi saħaq li qed jara l-futur tiegħu ma’ Barcelona bħala wieħed kumplikat

Cristian Muscat / 11 ta' Diċembru 2014 12:37
Il-kowċ ta’ Manchester City Manuel Pellegrini iktar magħruf bħala l-Inġinier ċaħad rapporti li l-fenomenu Arġentin Leo Messi jista’ tabilħaqq jingħaqad magħhom fiż-żmien li ġej. Niftakru li Messi ftit tal-jiem ilu sar l-iktar plejer li qatt skorja gowls fil-Liga Spanjola meta skorja xejn inqas min 253 gowl u dan meta għad għandu biss 27 sena. 

Messi ilu ma’ Barcelona sa minn meta kellu 13-il sena fejn l-istess klabb kien anki għenu f’aspetti mediċi minħabba li Messi kien affronta problemi relatati mat-tul tiegħu. 

F’kummenti li għadda lill-mezzi tax-xandir ftit tax-xhur ilu, l-istess plejer saħaq li qed jara l-futur tiegħu ma’ Barcelona bħala wieħed kumplikat. Bosta segwaċi u opinjonisti tal-futbol mondjali tennew li jista’ jkun li Messi qal hekk minħabba li għandu xi problemi mal-awtoritajiet Spanjoli relatati ma’ evażjoni tat-taxxa.

Intant, fil-jiem li għaddew, dehru wkoll xi rapporti fil-mezzi tax-xandir Taljani li kienu indikaw li Messi seta’ jingħaqad mat-tim Taljan ta’ Inter fil-futur qrib.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.