Fost l-aqwa plejers fil-basketball femminili

Christina Grima – bla dubju waħda mill-aqwa plejers tal-basketball li pproduċa l-basketball lokali f’dawn l-aħħar snin u li għamlet isem għal pajjiżna fl-istess sport barra minn Malta.

Cristian Muscat / 30 t'Ottubru 2014 12:35
Christina Grima
Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Bdejt nilgħab il-basketball meta kelli tmien snin u komplejt nevolvi fih bl-iktar mod naturali iktar minn kull sport li pprovajt nilgħab f’ħajti. Anki jekk ma stajtx nimmaġina lili nnifsi nilgħab b’mod professjonali, kont nieħu gost għall-fatt li kont nagħmel parti minn tim u nibni relazzjoni tajba ma’ sħabi l-plejers.

Naf li kellek esperjenza tajba barra minn Malta. Kif għenitek din l-esperjenza f’ħajtek? Tina iktar dettalji.

Meta kelli 17-il sena mort nilgħab f’Pomezia fl-Italja fejn hemmhekk kont nilgħab fil-kampjonat tas-Serie B Eccellenza. Għalkemm kont l-iżgħar plejer il-kowċis tiegħi stennew ħafna minni u kont inkoraġġuta li nikber kemm bħala individwu kif ukoll bħala atleta. Mort l-Italja mingħajr ma kont naf lill-plejers u lanqas il-lingwa Taljana, waqt li l-irwol tiegħi bħal Point Guard irrikjeda li jien norganizza u mmexxi lit-tim. Jien kont sorpriża b’mod pożittiv, meta f’perjodu qasir ta’ żmien bdejt nitkellem it-Taljan b’mod tajjeb u ersaqt viċin lejn sħabi kollha l-plejers. Anki meta kont qed nistudja full-time l-Ingilterra, komplejt nilgħab il-basketball. Lgħabt ma’ Sheffield Hatters kif ukoll mat-tim tal-Università sakemm l-impenji li kelli marbutin mal-skola ġegħluni nieqaf minn ma’ Sheffield Hatters. Madankollu, kien iktar tard meta kont qed naħdem fl-Amerika, li rrealizzajt li ridt nieħu l-basketball b’iktar serjetà. Irritornajt Malta u bdejt nitħarreġ u nilgħab mat-tim ta’ Loyola qabel mort Sqallija. Kont naf li għamilt id-deċiżjoni t-tajba meta bdejt nilgħab b’mod professjonali mat-tim ta’ Rainbow Catania. Li kieku l-finanzi tat-tim ippermettew, kont inkun iktar kuntenta li kieku lgħabt ma’ dan it-tim għal iktar minn żewġ staġuni, madankollu xorta tgħallimt ħafna minn din l-esperjrenza qasira fi Sqallija. Minn din l-espejenza tgħallimt ħafna, u għenitni noħroġ il-potenzjal tiegħi u wasslitni biex nilgħab mat-tim Malti ta’ Hibernians. 

"“Nemmen li ma ninvestux biżżejjed fil-faċilitajiet tal-isport f’pajjiżna” "
Matul dan l-istaġun erġajt irritornajt Malta. Ġejt affetwata b’xi mod mit-tranżizzjoni minn pajjiż għall-ieħor?

It-tranżizzjoni ma kienet xejn diffiċli għalija minħabba l-fatt li l-aħħar post li kont ngħix fih kien propju Sqallija, li huwa ferm simili għal Malta. L-ikbar sfida li kelli nirbaħ kienet u għadha dik li nipprova nsib il-bilanċ bejn il-professjoni tiegħi bħala trainer u nutrizzjonista flimkien ma’ li nipprova nlaħħaq mat-taħriġ u l-kundizzjonament li huma mitluba minni biex nilgħab bl-aħjar mod possibbli. Xi drabi ftit li xejn nistrieħ u għalhekk ngħejja ħafna. 

Kif sejra mat-tim il-ġdid tiegħek Hibernians?

It-tim li qed nilgħab miegħu bħalissa, Hibernians, għandu potenzjal enormi, hekk kif il-plejers ta’ dan it-tim qegħdin jibdew jirrealizzaw lilhom infushom. Il-fatt li huwa tim ġdid, u li huwa kompost primarjament minn plejers żgħażagħ, qed naffaċċjaw ċerti sfidi hekk kif qed insiru nafu il-kwalitajiet ta’ kull plejer u kif naħdmu bħala grupp. Inħossni ferm pożittiva rigward il-futur tagħna u nemmen li ġaladarba jirnexxielna negħlbu din il-fażi inizjali neċessarja nkunu ħafna iktar b’saħħitna. 

"“Ħafna aħbarijiet marbuta mal-isport huma mimlija futbol, u nispera li nara bidla f’din il-ħaġa inġusta”"
X’kienu l-esperjenzi li kellek sa issa mat-tim nazzjonali?

Sa minn meta ngħaqadt mat-tim nazzjonali meta kelli 16-il sena, kelli ħafna esperjenzi ma’ dan it-tim. Kull esperjenza mal-istess tim hija speċjali għalija fil-mod tagħha. Anki f’dawk il-ftit logħbiet li sfortunatament fallejna milli nikkwalifikaw għal stadji iktar avvanzati, il-fatt li kkompetejt kontra atleti iktar t’esperjenza inkoraġġietni bis-sħiħ biex intejjeb it-tekniċi tiegħi fil-basketball u nitħarreġ iktar b’saħħti. Min-naħa l-oħra meta rbaħna l-midalja tad-deheb għamel ix-xogħol iebes tagħna iktar ta’ sodisfazzjon. L-emozzjoni ta’ meta tirbaħ logħba hija waħda indeskrivibbli, speċjalment meta din tkun maqsuma ma’ sħabi l-plejers, għalhekk il-memorji favoriti tiegħi huma konnessi mal-mumenti meta għent lit-tim tiegħi jirbaħ. 

X’relazzjoni għandek mal-kowċ tat-tim nazzjonali Angela Adamoli?

Jien u Angela Adamoli mmorru tajjeb ħafna flimkien. Iltqajna għall-ewwel darba f’Pomezia meta jien kont qed nitħarreġ mat-tim tas-serie A u kont fortunata biżżejjed li kelli lilha bħala waħda mill-kowċis tiegħi. Kont verament emozzjonata meta t-tim nazzjonali ħabbar li hi kienet se tkun il-kowċ tat-tim nazzjonali hekk kif hi għandha ħafna x’toffri lill-plejers tagħha. Matul is-snin jien ġejt ikkowċjata minn diversi kowċis ta’ talent kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta, u l-abiltà ta’ Angela li timmotiva lit-tim tagħha tibqa’ bla paragun. L-imħabba evidenti tagħha għall-isport tal-basketball huwa ta’ ispirazjoni għall-plejers tagħha u hi tifhem kif tħejji lit-tim tagħha psikoloġikament għal-logħba importanti.

X’tikkummenta fuq il-Malta Basketball Association mmexxija mill-President Pawlu Sultana?

Inħoss li Pawlu Sultana, flimkien mal-kumplament tal-MBA qed jagħmlu xogħol mill-aqwa. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Qatt ma kont dak it-tip ta’ persuna li nipprova nippjana ’l bogħod għall-futur. Nieħu l-opportunitajiet kif jiġu u niffoka l-enerġija tiegħi fuq il-proġett li jkun imiss għalija. Bħalissa qed inqassam il-ħin tiegħi bejn li nitħarreġ kemm jista’ jkun ma’ Hibernains u li nibni karriera bħala personal trainer u nutrizzjonista. 

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi u l-courts li fihom tilagħbu f’Malta speċjalment meta kkumparati ma’ dawk li tilagħbu fihom barra minn Malta mat-tim nazzjonali u li kont tilgħab fihom int meta kont tilgħab barra minn Malta?

M’hemmx dubju li hemm fejn jista’ jsir avvanz fil-maġġoranza vasta tal-courts Maltin, u jien nemmen li ma ninvestux biżżejjed fil-faċilitajiet tal-isport f’pajjiżna. Madankollu, jkolli ngħid li l-courts tal-basketball li nsibu f’Ta’ Qali huma ta’ reklam mill-isbaħ għall-basketball Malti. 

Il-mezzi tax-xandir f’Malta jagħtu biżżejjed pubbliċità lill-basketball?

Le, naħseb li tingħata attenzjoni żgħira ħafna lill-basketball fil-mezzi tax-xandir Maltin u dan jagħmilha ħafna iktar diffiċli għal timijiet tal-basketball biex isibu plejers ġodda jew isibu għajnuna finanzjarja. Ħafna aħbarijiet marbuta mal-isport huma dedikati lil sport ieħor, fosthom il-futbol, u nispera li nara bidla f’din il-ħaġa inġusta matul is-snin li ġejjin.

Taħseb li għad jiġi żmien f’Malta meta plejer tal-basketball kemm fil-kamp maskili kif ukoll f’dak femminili ikun jista’ jgħix biss permezz tal-basketball?

Ma tantx jidher li wieħed jista’ jgħix biss permezz tal-basketball fil-futur qarib, li hija xi ħaġa verament tal-mistħija. M’hemmx dubju li kieku din ikollha effett ferm pożittiv fuq l-isports f’Malta jekk eventwalment nilħqu punt fejn in-nies ikunu jistgħu jaffordjaw li jiddedikaw lilhom infushom totalment għal sport partikolari, bħala għażla ta’ karriera iktar milli delizzju li tiġi ntaxxat fuqu, mingħajr ma jkollok tilgħab ma’ tim barrani. 

Bħala plejer ta’ daqstant suċċess fil-basketball lokali u mhux biss, għaddi messaġġ lil dawk il-bniet u / jew tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball.

Xejn ma jiġi faċli fil-ħajja, għalhekk aħdmu ħafna biex tilħqu l-għanijiet tagħkom! Jekk tingħataw l-opportunità li tilagħbu barra minn Malta, ħuduha! Qatt m’intom tajbin jew kbar biżżejjed biex tibqgħu titgħallmu!

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.